Għeżież ħuti!
Fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra mort Marsilja biex ħadt sehem fl-għeluq tar-Rencontres Méditerranéennes, fejn ħadu sehem Isqfijiet u Sindki tar-reġjun tal-Mediterran, flimkien ma’ għadd kbir ta’ żgħażagħ, biex il-ħarsa tkun miftuħa għall-futur. Fil-fatt, dak li seħħ f’Marsilja kien intitolat “Mużajk ta’ tama”. Din hija l-ħolma, din hi l-isfida: li l-Mediterran jerġa’ jsib il-vokazzjoni tiegħu, li jkun laboratorju ta’ ċiviltà u ta’ paċi.
Il-Mediterran, dan nafuh, hu benniena ta’ ċiviltà, u benniena qiegħda hemm biex tagħti l-ħajja! Mhux tollerabbli li jsir qabar, u lanqas post ta’ kunflitt. Il-Baħar Mediterran hu l-aktar oppost li jista’ jkun hemm għall-ġlied bejn iċ-ċiviltajiet, għall-gwerra, għat-traffikar tal-bnedmin. Huwa eżattament l-oppost, għax il-Mediterran idaħħal f’komunikazzjoni bejniethom lill-Afrika, l-Asja u l-Ewropa; it-tramuntana u n-nofsinhar, il-lvant ul-punent; il-persuni u l-kulturi, il-popli u l-lingwi, il-filosofiji u r-reliġjonijiet. Bla dubju, il-baħar b’xi mod dejjem hu abbiss li jeħtieġ jingħeleb, u jista’ jsir ukoll perikoluż. Imma l-ilmijiet tiegħu jħarsu t-teżori tal-ħajja, il-mewġ tiegħu u l-irjieħ tiegħu jġorru magħhom imbarkazzjonijiet ta’ kull tip.
Mix-xatt tiegħu tal-lvant, elfejn sena ilu, telaq il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu.
[Ix-xandir tiegħu] naturalment ma seħħx b’xi maġija u ma twettaqx darba għal dejjem. Huwa l-frott ta’ mixja li fiha kull ġenerazzjoni hi msejħa timxi biċċa, hi u taqra s-sinjali taż-żminijiet li fihom tgħix.
Il-laqgħa ta’ Marsilja seħħet wara dawk simili li saru f’Bari fl-2020 u f’Firenze s-sena l-oħra. Ma kinitx xi ġrajja iżolata, imma pass ieħor ’il quddiem f’mixja, li kellha l-bidu tagħha fil-“Kollokji Mediterranji” organizzati mis-Sindku Giorgio La Pira, f’Firenze, fi tmiem is-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor. Pass ’il quddiem biex inwieġbu, illum, għas-sejħa li għamel San Pawlu VI fl-Enċiklika tiegħu Populorum progressio, biex nippromovu “dinja iżjed umana għal kulħadd, dinja fejn kulħadd għandu x’jagħti u x’jirċievi, mingħajr ma l-progress ta’ dawn ikun ta’ xkiel għall-iżvilupp tal-oħrajn” (n. 44).
X’ħareġ minn dak li seħħ Marsilja? Ħarġet ħarsa fuq il-Mediterran li nista’ nsejħilha sempliċiment umana, mhux ideoloġika, mhux strateġika, mhux politikament korretta u lanqas strumentali, imma umana, jiġifieri kapaċi tara kollox skont il-valur primarju tal-persuna umana u tad-dinjità invjolabbli tagħha. Imbagħad fl-istess waqt ħarġet ħarsa ta’ tama. Dan illum jissorprendina ħafna: meta tisma’ x-xhieda li għaddew minn sitwazzjonijiet diżumani jew daquhom, u proprju mingħandhom tirċievi “stqarrija ta’ tama”. U anki ħarsa ta’ fraternità.
Ħuti, din it-tama, din il-fraternità, ma għandhiex ittir mar-riħ, le, bil-maqlub, għandha tiġi organizzata, tikkonkretizza ruħha f’azzjonijiet li jħallu effett fit-tul, fi żmien qasir u anki fl-immedjat. Biex il-persuni, b’dinjità sħiħa, jistgħu jagħżlu li jemigraw jew li ma jemigrawx. Il-Mediterran għandu jkun messaġġ ta’ tama.
Imma hemm aspett ieħor kumplimentari: jeħtieġ irroddu t-tama lis-soċjetajiet Ewropej tagħna, speċjalment lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Fil-fatt, kif nistgħu nilqgħu oħrajn, jekk l-ewwel nett ma għandniex aħna stess xefaq miftuħ għall-futur? Żgħażagħ foqra fit-tama, magħluqa fil-privat, imħassbin kif se joħorġu mill-prekarjetà tagħhom, kif jistgħu jinfetħu għal-laqgħa u għall-qsim ma’ oħrajn? Is-soċjetajiet tagħna ħafna drabi morda bl-individwaliżmu, bil-konsumiżmu u bil-ħarbiet vojta għandhom bżonn jinfetħu, jieħdu n-nifs fir-ruħ u fl-ispirtu, u allura jkunu jistgħu jaqraw il-kriżi bħala opportunità u jaffrontawha b’mod pożittiv.
L-Ewropa għandha bżonn issib mill-ġdid passjoni u ħeġġa, u f’Marsilja nista’ ngħid li sibthom: fir-Ragħaj tagħha, il-Kardinal Aveline, fis-saċerdoti u fil-persuni kkonsagrati, fil-fidili lajċi impenjati fil-karità, fl-edukazzjoni, fil-poplu ta’ Alla li wera mħabba kbira waqt il-Quddiesa fl-Istadju Véldrome. Nirringrazzja lilhom kollha u lill-President tar-Repubblika, li bil-preżenza tiegħu ta xhieda tal-attenzjoni ta’ Franza kollha għall-ġrajja li seħħet f’Marsilja. Ħa tkun il-Madonna, li n-nies ta’ Marsilja jqimuha bħala Notre Dame de la Garde, li ssieħeb il-mixja tal-popli tal-Mediterran, biex dan ir-reġjun isir dak li sa minn dejjem kien imsejjaħ li jkun: mużajk ta’ ċiviltajiet u ta’ tama.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard