Għeżież ħuti,
Fil-katekeżijiet li għaddew rajna kif it-tħabbira tal-Vanġelu hi ferħ, hi għal kulħadd u għandha ssir għal-lum. Issa niskopru karatteristika oħra tal-aħħar li hi essenzjali: hemm bżonn li t-tħabbira ssir fl-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt, biex “inwasslu lil Alla” mhumiex biżżejjed il-kredibbiltà hienja tax-xhieda, l-universalità tat-tħabbira u l-attwalità tal-messaġġ. Mingħajr l-Ispirtu s-Santu kull żelu hu għalxejn u falzament appostoliku: ikun biss ħaġa tagħna u ma jagħmilx frott.
Fl-Evangelii gaudium fakkart li “Ġesù hu ‘l-ewwel u l-akbar evanġelizzatur’”, li “f’kull xorta ta’ evanġelizzazzjoni l-primat hu dejjem ta’ Alla, li ried isejħilna biex naħdmu id f’id miegħu u qanqalna bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu” (n. 12). Dan hu l-primat tal-Ispirtu s-Santu! Għalhekk il-Mulej iqabbel id-dinamiżmu tas-Saltna ta’ Alla ma’ “raġel [li] jkun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif” (Mk 4:26-27). L-Ispirtu huwa l-protagonista, dejjem jimxi qabel il-missjunarji u jwarrad il-frott. Dan l-għarfien ifarraġna ħafna! U jgħinna nippreċiżaw ħaġa oħra, daqstant ieħor deċiżiva: jiġifieri li fiż-żelu appostoliku tagħha l-Knisja ma tħabbarx lilha nfisha, imma grazzja, don, u l-Ispirtu s-Santu hu sewwasew id-Don ta’ Alla, kif qal Ġesù lill-mara Samaritana (ara Ġw 4:10).
Imma l-primat tal-Ispirtu ma għandux iwassalna għall-apatija. Il-fiduċja ma tiġġustifikax l-għażż. Il-vitalità taż-żerriegħa li tikber waħidha ma tawtorizzax lill-bdiewa għan-negliġenza fix-xogħol tal-għalqa. Ġesù, meta jagħti l-aħħar rakkomandazzjonijiet tiegħu qabel jitla’ s-Sema, jgħidilhom: “Intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi […] sa truf l-art” (Atti 1:8). Il-Mulej ma telqilniex f’idejna skritti tat-teoloġija jew manwal tal-pastorali biex napplikawh, imma l-Ispirtu s-Santu li jqanqal għall-missjoni. U l-inizjattiva kuraġġjuża li l-Ispirtu jsawwab twassalna biex nimitaw l-istil tiegħu, li dejjem għandu żewġ karatteristiċi: il-kreattività u s-sempliċità.
Kreattività, biex inxandru lil Ġesù bil-ferħ, lil kulħadd u fi żmienna llum. F’din l-epoka tagħna, li ma tgħinniex biex ikollna ħarsa reliġjuża fuq il-ħajja u li fiha t-tħabbira saret f’diversi postijiet iżjed diffiċli, iġġib taħbit, minn barra tidher mhix tħalli frott, tista’ tinbet it-tentazzjoni li nċedu l-armi fis-servizz pastorali tagħna. Forsi nistkennu f’żoni ta’ sigurtà, bħar-ripetizzjoni li drajna fiha ta’ ħwejjeġ li jsiru dejjem, jew billi niġu ttentanti ninġibdu minn spiritwalità intimista, jew agħar minn hekk, f’sens żbaljat taċ-ċentralità tal-liturġija. Huma tentazzjonijiet li minn barra jilbsu l-libsa tal-fedeltà għat-tradizzjoni, imma spiss, iktar milli tweġibiet għall-Ispirtu, huma reazzjonijiet għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon personali. Mill-banda l-oħra, il-kreattività pastorali, jew li nkunu qalbiena fl-Ispirtu, imħeġġa min-nar missjunarju tiegħu, hi prova tal-fedeltà lejh. Għalhekk ktibt li “Ġesù Kristu għandu wkoll il-ħila jfarrak l-iskemi medjokri li fihom nippretendu li għandna nagħlquh u l-ħin kollu jissorprendina bil-kreattività divina tiegħu. Kull darba li nfittxu li nerġgħu lura għall-għajn biex insibu mill-ġdid il-freskezza oriġinali tal-Vanġelu, jitfaċċaw toroq u metodi kreattivi ġodda, xejriet oħra ta’ espressjoni, sinjali iżjed elokwenti, kliem mimli b’tifsira mġedda għad-dinja tal-lum” (Evangelii gaudium, 11).
Mela, kreattività; u mbagħad sempliċità, proprju għax l-Ispirtu jwassalna għall-għajn, għall-“ewwel tħabbira”. Fil-fatt “hi n-nar tal-Ispirtu li […] jimliena bil-fidi f’Ġesù Kristu, li bil-mewt u l-qawmien tiegħu jurina u jxerrdilna l-ħniena bla tarf tal-Missier” (ibid., 164). Din hi l-ewwel tħabbira, li “għandha tkun fil-qalba tal-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ kull ħsieb ta’ tiġdid fil-Knisja”; biex intennu: “Ġesù Kristu jħobbok, ta ħajtu biex jifdik, u issa hu ħaj u qrib tiegħek kuljum, biex idawlek, biex isaħħek, biex jeħilsek” (ibid.).
Ħuti, ejjew inħallu lill-Ispirtu jaħkimna u nsejħulu ta’ kuljum: ħa jkun hu l-prinċipju ta’ dak li aħna u tal-ħidma tagħna; ħa jkun fil-bidu ta’ kull ħidma, laqgħa u tħabbira. Ħa jagħti l-ħajja u jżomm żagħżugħa lill-Knisja: miegħu ma għandniex għax nibżgħu, għax hu, li hu l-armonija, iżomm dejjem marbutin flimkien kreattività u sempliċità, iqanqal il-komunjoni u jibgħat f’missjoni, jiftaħ għad-diversità u jerġa’ jwassal għall-għaqda. Huwa l-qawwa tagħna, in-nifs tat-tħabbira tagħna, l-għajn taż-żelu appostoliku. Ejja, Spirtu s-Santu!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard