Għeżież ħuti!
Huwa b’ferħ kbir li llum insellem lill-Qdusija Tiegħu Tawadros II, Papa ta’ Lixandra u Patrijarka tas-Sede ta’ San Mark, u lid-delegazzjoni illustri li għandu miegħu.
Il-Qdusija Tiegħu Tawadros aċċetta l-istedina tiegħi li jiġi Ruma biex jiċċelebra miegħi l-ħamsin anniversarju tal-laqgħa storika bejn il-Papa San Pawlu VI u l-Papa Shenouda III, fl-1973. Kienet l-ewwel laqgħa bejn Isqof ta’ Ruma u Patrijarka tal-Knisja Kopta Ortodossa, li laħqet il-quċċata tagħha bil-firma ta’ dikjarazzjoni Kristoloġika komuni memorabbli, eżattament fl-10 ta’ Mejju. B’tifkira ta’ din il-ġrajja, il-Qdusija Tiegħu Tawadros ġie jiltaqa’ miegħi għall-ewwel darba fl-10 ta’ Mejju ta’ għaxar snin ilu, ftit xhur wara l-elezzjoni tiegħu u dik tiegħi, u ppropona li kull 10 ta’ Mejju niċċelebraw il-“Jum tal-ħbiberija Kopta-Kattolika” li minn dakinhar qed niċċelebraw kull sena.
Inċemplu lil xulxin, nibagħtu t-tislijiet lil xulxin, u nibqgħu aħwa tajba, qatt ma llatikajna!
Għażiż ħabib u ħija Tawadros, nirringrazzjak li lqajt l-istedina tiegħi f’dan l-anniversarju doppju, u nitlob li d-dawl tal-Ispirtu s-Santu jdawwal iż-żjara tiegħek Ruma, il-laqgħat importanti li se jkollok hawn, u b’mod partikulari l-konverżazzjonijiet personali tagħna. Nirringrazzjak minn qalbi tal-impenn tiegħek fil-ħbiberija dejjem tikber bejn il-Knisja Kopta Ortodossa u l-Knisja Kattolika.
Santità, għeżież Isqfijiet u ħbieb kollha, flimkien magħkom nitlob lil Alla li jista’ kollox, bl-interċessjoni tal-qaddisin u martri tal-Knisja Kopta, biex jgħinna nikbru fil-komunjoni, f’rabta waħda u qaddisa ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba Nisranija. U la qed nitkellmu fuq il-martri tal-Knisja Kopta, li huma tagħna wkoll, nixtieq infakkar il-martri fuq ix-xtajta tal-Libja, li mietu martri ftit tas-snin ilu.
Nitlob lil kull min hawn preżenti biex jitlob lil Alla jbierek iż-żjara tal-Papa Tawadros f’Ruma u jħares il-Knisja kollha Ortodossa Kopta. Jalla din iż-żjara tqarribna iżjed malajr lejn il-jum imbierek meta għad inkunu ħaġa waħda fi Kristu! Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard