Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u mill-ġdid il-Milied it-tajjeb!
Dan iż-żmien liturġiku jistedinna nieqfu u nirriflettu dwar il-misteru tal-Milied. U billi proprju llum jaħbat ir-raba’ ċentinarju mill-mewt ta’ San Franġisk de Sales, Isqof u Duttur tal-Knisja, nistgħu nieħdu spunt minn xi ħsibijiet tiegħu. Hu kiteb ħafna fuq il-Milied. Dwar dan, għandi l-pjaċir inħabbar li llum qed tiġi ppubblikata l-Ittra appostolika li tfakkar dan l-anniversarju. It-titlu hu “Kollox jappartieni lill-imħabba”, minn espressjoni karatteristika ta’ San Franġisk de Sales. Fil-fatt, hekk huwa kiteb fit-Trattat tal-imħabba ta’ Alla: “Fil-Knisja mqaddsa kollox jappartieni lill-imħabba, jgħix fl-imħabba, isir għall-imħabba u jiġi mill-imħabba” (Ed. Paoline, Milan 1989, p. 80). Mhux li kien ilkoll kemm aħna nimxu f’din it-triq tal-imħabba, hekk sabiħa!
Ejjew issa nippruvaw ninżlu xi ftit fil-fond tal-misteru tat-twelid ta’ Ġesù, “fil-kumpanija” ta’ San Franġisk de Sales, u hekk ngħaqqdu flimkien iż-żewġ tifkiriet.
San Franġisk de Sales, f’waħda mill-bosta ittri tiegħu indirizzata lil Santa Giovanna Francesca de Chantal, jikteb hekk: “Jidhirli li qed nilmaħ lil Salamun fuq it-tron kbir tal-avorju, kollu deheb u tinqix, li ma kien hemm bħalu f’ebda saltna oħra, kif tgħid l-Iskrittura (1 Slat 10:18-20); fi kliem ieħor, li qed nilmaħ lil dak is-sultan li ma kienx hemm ieħor joqgħod ħdejh fil-glorja u l-kobor (ara 1 Slat 10:23). Imma jien nippreferi għal mitt darba iżjed nara l-għażiż ċkejken Bambin fil-maxtura, pjuttost milli s-slaten kollha fuq it-tronijiet tagħhom”: kemm hu sabiħ dan li qal! Ġesù, is-Sultan tal-univers, qatt ma qagħad bilqiegħda fuq tron, qatt: hu twieled fi stalla – hekk narawh irrappreżentat –, imgeżwer fil-faxex u mimdud f’maxtura; u fl-aħħar miet fuq salib u, imgeżwer fil-faxex, ġie midfun fil-qabar. Fil-fatt, l-evanġelista Luqa, huwa u jirrakkonta t-twelid ta’ Ġesù, jisħaq ħafna fuq id-dettall tal-maxtura. Dan ifisser li dan hu importanti ħafna mhux biss bħala dettall loġistiku, imma bħala element simboliku biex nifhmu xiex? Biex nifhmu x’xorta ta’ Messija huwa Dak li twieled f’Betlehem, x’xorta ta’ Sultan hu: min hu Ġesù. Meta nħarsu lejn il-maxtura, meta nħarsu lejn is-salib, meta nħarsu lejn il-ħajja tiegħu ta’ sempliċità, nistgħu nifhmu min hu Ġesù. Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla li jsalvana billi jsir bniedem, bħalna, billi jitneżża’ mill-glorja tiegħu u jiċċekken (ara Fil 2:7-8). Dan il-misteru aħna nilmħuh b’mod konkret fil-punt fokali tal-presepju, jiġifieri fit-Tarbija mimduda fil-maxtura. Dan huwa “s-sinjal” li Alla jagħtina fil-Milied: hekk kien dakinhar għar-ragħajja ta’ Betlehem (ara Lq 2:12), hekk huwa llum u hekk se jibqa’ għal dejjem. Meta l-anġli ħabbru t-twelid ta’ Ġesù: “Morru u ssibuh”; u s-sinjal huwa: issibu tarbija f’maxtura. Dan hu s-sinjal. It-tron ta’ Ġesù huwa l-maxtura, jew it-triq tul ħajtu meta kien jipprietka, jew is-salib fi tmiem ħajtu: dan huwa t-tron tas-Sultan tagħna.
Dan is-sinjal jurina l-“istil” ta’ Alla. U liema hu l-istil ta’ Alla? La tinsewh qatt dan: l-istil ta’ Alla hu qrubija, ħniena u ħlewwa. Alla tagħna hu qrib, iħenn u juri tjieba u ħlewwa. F’Ġesù nilmħu dan l-istil ta’ Alla. B’dan l-istil tiegħu, Alla jiġbidna lejh. Ma jeħodniex bil-qawwa, ma jimponix fuqna l-verità tiegħu u l-ġustizzja tiegħu, ma jagħmilx proselitiżmu magħna, le: irid jiġbidna bl-imħabba, bil-ħlewwa, bil-ħniena. F’ittra oħra San Franġisk de Sales jikteb: “Il-kalamita tiġbed il-ħadid u l-ambra tiġbed it-tiben u l-ħuxlief. Għalhekk, sew jekk aħna ħadid minħabba l-ebusija tagħna, sew jekk aħna tiben minħabba d-dgħufija tagħna, jeħtieġ inħallu tiġbidna lil din it-Tarbija ċkejkna tas-Sema”. Il-forzi tagħna, id-dgħufijiet tagħna, insibu tarfhom biss quddiem il-presepju, quddiem Ġesù, jew quddiem is-salib: Ġesù mneżża’, Ġesù fqir; imma dejjem bl-istil tiegħu ta’ qrubija, ħniena u ħlewwa. Alla sab il-mezz kif jiġbidna lejh, aħna kif aħna: bl-imħabba. Mhux imħabba possessiva u egoistika, kif b’xorti ħażina hija ta’ spiss l-imħabba umana. Imħabbtu hi don pur, grazzja pura, hi kollha u biss għalina, għall-ġid tagħna. U hekk hu jiġbidna, b’din l-imħabba żarmata u anki li żżarmana, għax meta naraw din is-sempliċità ta’ Ġesù, aħna wkoll narmu l-armi tas-suppervja u mmorru hemm, umli, biex nitolbu s-salvazzjoni, biex nitolbu l-maħfra, biex nitlobu d-dawl għall-ħajja tagħna, biex nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem. La tinsewhx it-tron ta’ Ġesù: il-maxtura u s-salib, dan huwa t-tron ta’ Ġesù.
Aspett ieħor li jispikka fil-presepju hu l-faqar, – tassew hemm faqar, hemm – mifhum bħala ċaħda ta’ kull frugħa tad-dinja. Meta aħna naraw il-flus li jintefqu fil-frugħa: tant flus fil-frugħa tad-dinja; tant sforzi, tant tiftix għall-frugħa; waqt li Ġesù jurina l-umiltà. San Franġisk de Sales jikteb: “Alla tiegħi! Kemm imħabbiet qaddisa jqanqal fi qlubna dan it-twelid! Fuq kollox, imma, jgħallimna ċ-ċaħda perfetta tal-ġid kollu, tal-pompi kollha […] ta’ din id-dinja. Jien ma nafx, imma ma nistax insib misteru ieħor jien li fih jitħalltu b’mod hekk ħelu t-tenerazza u l-awsterità, l-imħabba u r-rigorożità, il-ħlewwa u s-severità”: dan kollu nilmħuh fil-presepju. Iva, ejjew noqogħdu attenti li ma niżolqux fil-karikatura mondana tal-Milied. U din hi problema, għax il-Milied dan li hu. Imma llum naraw li hemm ukoll “Milied ieħor”, biex ngħidu hekk, huwa l-karikatura mondana tal-Milied, li jirriduċi l-Milied għal festa konsumistika u sentimentalista. Sewwa li nagħmlu festa, irid ikun, imma mhuwiex dan il-Milied, il-Milied hu ħaġa oħra. L-imħabba ta’ Alla mhijiex l-għasel ħelu zokkor, u dan turihulna l-maxtura ta’ Ġesù. L-imħabba ta’ Alla mhijiex dik it-taparsi tjubija ipokrita li taħbi warajha l-kilba għall-pjaċiri u l-kumditajiet. Ix-xjuħ tagħna li kienu ġarrbu l-gwerra u anki l-ġuħ, dan kienu jafuh tajjeb: il-Milied hu ferħ u festa, ċertament, imma fis-sempliċità u fl-awsterità.
U nagħlqu bi ħsieb ta’ San Franġisk de Sales li qbadt fuqu wkoll fl-Ittra appostolika. Dan hu ddettah lis-Sorijiet tal-Viżitazzjoni – immaġinaw ftit! – jumejn qabel ma miet. U qalilhom: “Qed tarawh lil Ġesù Bambin fil-maxtura? Jirċievi l-inġurji kollha taż-żmien, il-kesħa u dak kollu li l-Missier jippermetti li jiġrilu. Ma jirrifjutax il-konsolazzjonijiet żgħar li ommu tagħtih, u m’hemmx miktub li qatt joħroġ idejh biex jaqbad sider Ommu, imma ħalla kollox għall-kura u l-għożża tagħha; hekk ma rridu nixtiequ xejn u lanqas nirrifjutaw xejn, u nġarrbu dak kollu li Alla jibagħtilna, il-kesħa u l-inġurji taż-żmien”. U hawn, għeżież ħuti, hemm tagħlima kbira, li tiġina minn Ġesù Bambin permezz tal-għerf ta’ San Franġisk de Sales: ma nixtiequ xejn u ma nirrifjutaw xejn, naċċettaw dak kollu li Alla jibagħtilna. Imma attenti! Dejjem u biss bi mħabba, għax Alla jħobbna u jrid dejjem u biss il-ġid tagħna.
Ejjew inħarsu lejn il-maxtura, li hija t-tron ta’ Ġesù, inħarsu lejn Ġesù fit-toroq tal-Lhudija, tal-Galilija, jipprietka l-messaġġ ta’ Missieru, u nħarsu lejn Ġesù fuq it-tron l-ieħor, fuq is-salib. Dan hu dak li joffrilna Ġesù: it-triq, imma din hija t-triq tal-ferħ.
Lilkom kollha u lill-familji tagħhom, iż-żmien il-Milied it-tajjeb u bidu tajjeb tas-sena l-ġdida!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard