Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Nissoktaw bil-mixja tagħna ta’ riflessjoni fuq il-figura ta’ San Ġużepp. Illum nixtieq ninżel fil-fond tal-fatt li hu kien “ġust” u “r-raġel mgħarras lil Marija”, u hekk nagħti messaġġ lill-għarajjes kollha, u anki lill-miżżewġin ġodda. Ħafna ġrajjiet marbuta ma’ Ġużeppi jimlew ir-rakkonti tal-vanġeli apokrifi, jiġifieri dawk li mhumiex kanoniċi, u li influwenzaw anki l-arti u diversi postijiet ta’ kult. Dawn il-kitbiet li ma nsibuhomx fil-Bibbja – huma rakkonti li l-pjetà Nisranija ħolqot f’dawk iż-żminijiet – iwieġbu għax-xewqa li nimlew in-nuqqas ta’ rakkonti fil-Vanġeli kanoniċi, dawk li hemm fil-Bibbja, li jagħtuna dak kollu li hu essenzjali għall-fidi u għall-ħajja Nisranija.
L-evanġelista Mattew. Importanti nistaqsu: x’jgħid il-Vanġelu dwar Ġużeppi? Mhux x’jgħidu dawn il-vanġeli apokrifi, li mhumiex ħaġa kerha jew ħażina; huma sbieħ, imma mhumiex il-Kelma ta’ Alla. Imma l-Vanġeli, li jinsabu fil-Bibbja, huma l-Kelma ta’ Alla. Fost dawn, l-evanġelista Mattew isejjaħ lil Ġużeppi raġel “ġust”. Nisimgħu r-rakkont tiegħu: “It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (1:18-19). Għax l-għarajjes irġiel, meta l-għarusa ma kinitx tkun fidila jew kienet toħroġ tqila, suppost kellhom iperrċuha! U n-nisa dak iż-żmien kienu jiġu mħaġġra. Imma Ġużeppi kien bniedem ġust. Qal: “Le, mhux ħa nagħmel hekk. Ħa nibqa’ sieket”.
Biex nifhmu l-imġiba ta’ Ġużeppi ma’ Marija, tajjeb niftakru x’kienu d-drawwiet taż-żwieġ f’Iżrael tal-qedem. Iż-żwieġ kellu żewġ fażijiet ċari. L-ewwel waħda kienet bħal għerusija uffiċjali, li diġà kienet iġġib magħha sitwazzjoni ġdida: b’mod partikulari l-mara, imqar jekk għal sena oħra kienet tibqa’ toqgħod fid-dar ta’ missierha, fil-verità diġà kienet meqjusa bħala “mart” ir-raġel imwiegħed lilha. Kienu għadhom ma jgħixux flimkien, imma kienet bħallikieku diġà martu. It-tieni att kien it-trasferiment tal-mara mid-dar ta’ missierha għad-dar ta’ żewġha. Dan kien iseħħ b’purċissjoni festiva, li kienet twettaq iż-żwieġ. U l-ħbieb tal-għarusa kienu jwassluha hemm. Skont dawn id-drawwiet, il-fatt li “qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm”, kien qed jesponi lill-Verġni għall-akkuża ta’ adulterju. U din il-ħtija, skont il-Liġi antika, kellha tiġi kkastigata bit-tħaġġir (ara Dewt 22:20-21). Madankollu, fil-prassi Ġudajka li ġiet aktar tard kienet daħlet interpretazzjoni iktar moderata li kienet timponi biss l-att tat-tkeċċija, b’konsegwenzi ċivili jew penali għall-mara, imma mhux it-tħaġġir.
Il-Vanġelu jgħid li Ġużeppi kien “ġust” sewwasew għax bħal kull Iżraelita tajjeb kien joqgħod għal-Liġi. Imma ġewwa fih l-imħabba għal Marija u l-fiduċja li kellu fiha ssuġġerewlu mod kif isalva kemm l-osservanza tal-liġi u kemm il-ġieħ ta’ martu: qatagħha li jibgħatha bil-moħbi, bla storbju xejn, bla ma jesponiha għall-umiljazzjoni pubblika. Għażel it-triq tar-riservatezza, mingħajr ebda proċess u tpattija. Kemm qdusija f’Ġużeppi! Aħna, malli tgħaddi minn għala widnejna xi aħbar xi ftit imlewna jew xi ftit kerha fuq xi ħadd, mill-ewwel niftħulha u naqbdu ntaqtqu fuqu! Imma Ġużeppi jiskot.
Imma l-evanġelista Mattew dritt iżid: “Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: ‘Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom’” (1:20-21). Fid-dixxerniment ta’ Ġużeppi jindaħal il-leħen ta’ Alla li, permezz ta’ ħolma, jurih tifsira ogħla mill-istess ġustizzja tiegħu. U kemm hu importanti għal kull wieħed u waħda minna nrawmu fina ħajja ġusta u fl-istess waqt inħossuna dejjem fil-ħtieġa tal-għajnuna ta’ Alla! Biex nistgħu nwessgħu l-ixfqa tagħna u nqisu ċ-ċirkustanzi tal-ħajja minn perspettiva differenti, iżjed wiesgħa. Kemm drabi nħossuna lsiera ta’ dak li ġralna: “Imma ara xi ġrali”, u nibqgħu lsiera ta’ dik il-ħaġa kerha li ġratilna; imma proprju quddiem ċerti ċirkustanzi tal-ħajja, li għall-bidu jidhrulna traġiċi, hemm moħbija Providenza li biż-żmien tissawwar u ddawwal bit-tifsira anki t-tbatija li tkun ġiet fuqna. It-tentazzjoni tkun li ningħaqlu f’dak l-uġigħ, f’dan il-ħsieb dwar il-ħwejjeġ koroh li ġrawlna. U dan mhux sew. Dan iwassal għan-niket u għall-imrar. Kemm hi kerha qalb morra!
Nixtieq li nieqfu ftit u nirriflettu fuq dettall ta’ din l-istorja rrakkuntata mill-Vanġelu u li spiss nittraskurawha. Marija u Ġużeppi huma żewġ għarajjes li min jaf kemm ħolm u xewqat kellhom għal ħajjithom u għall-ġejjieni tagħhom. Alla donnu jidħol bħala imprevist fil-ħajja tagħhom u, imqar jekk għall-bidu jsibuha bi tqila, imbagħad it-tnejn li huma jiftħu beraħ qalbhom għar-realtà li jsibu quddiemhom.
Għeżież ħuti, spiss ħajjitna ma tkunx kif nimmaġinawha aħna. Fuq kollox fir-relazzjonijiet ta’ mħabba, ta’ ħbiberija, insibuha bi tqila biex ngħaddu mil-loġika tan-namur għal dik tal-imħabba matura. U hemm bżonn li ngħaddu min-namur għall-imħabba matura. Intom miżżewġin friski, aħsbuha tajjeb din. L-ewwel fażi dejjem ikun fiha ċertu seħer, tant li ġġagħalna ngħixu mgħaddsa f’ħajja immaġinarja li spiss ma tkunx tikkorrispondi mar-realtà tal-fatti. Imma hu proprju meta n-namur bl-aspettattivi tiegħu donnu jispiċċa, li tista’ tibda l-imħabba vera. Fil-fatt, li nħobbu ma jfissirx li nippretendu li l-oħrajn jew il-ħajja jkunu jaqblu mal-immaġinazzjoni tagħna; imma jfisser li nagħżlu b’libertà sħiħa li nerfgħu r-responsabbiltà tal-ħajja hekk kif tiġi offruta lilna.
U għalhekk li Ġużeppi hawn jagħtina lezzjoni importanti, meta jagħżel lil Marija “b’għajnejh miftuħa”. U nistgħu ngħidu li bir-riskji kollha. Aħsbu ftit, fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, ċanfira li jagħmlu l-għorrief tal-liġi lil Ġesù kienet din: “Aħna ma aħniex ulied iż-żina”, u hawn qed jirreferu għall-prostituzzjoni. Imma dan għax huma kienu jafu kif Marija kienet ħarġet tqila u riedu jħammġu isem l-omm ta’ Ġesù. Għalija din hija l-iżjed silta maħmuġa, l-iżjeda imxajtna tal-Vanġelu kollu. U r-riskju ta’ Ġużeppi jagħtina din il-lezzjoni: il-ħajja ilqagħha kif tiġi. Kien hemm l-intervent ta’ Alla hemm? Neħodha. U Ġużeppi jagħmel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej. Fil-fatt il-Vanġelu jgħid: “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu. Imma baqa’ ma għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù” (Mt 1:24-25).
L-għarajjes Insara huma msejħin jagħtu xhieda ta’ din l-imħabba, li jkollha l-kuraġġ li tgħaddi mil-loġika tan-namur għal dik tal-imħabba matura. U din hija għażla esiġenti, li flok ma tjassar il-ħajja, tista’ sseddaq l-imħabba biex tista’ tibqa’ sħiħa quddiem it-tiġrib taż-żmien. L-imħabba ta’ koppja tibqa’ miexja ’l quddiem fil-ħajja u timmatura ta’ kuljum. L-imħabba tal-għerusija hija xi ftit jew wisq – ippermettuli l-kelma –, xi ftit romantika. Dan intom kollu għextuh, imma mbagħad tiġi l-imħabba matura, dik ta’ kuljum, ix-xogħol, l-ulied li jaslu. U xi drabi dak ir-romantiċiżmu jgħib xi ftit. Allura ma hemmx imħabba? Iva hemm, imma mħabba matura. “Imma, Dun, aħna xi kultant ikollna xi ngħidu…”. Dan ilu jiġri minn żmien Adam u Eva sal-lum: li l-miżżewġin jillatikaw hu l-ħobż tagħna ta’ kuljum. “Imma mhux suppost ikollna xi ngħidu?”. Iva, tista’. “U Dun, xi drabi ngħollu leħinna” – “Tiġri”. “U xi drabi anki jtiru l-platti” – “Tiġri”. Imma kif nagħmlu biex dan ma jagħmilx ħsara lill-ħajja taż-żwieġ?
Isimgħuni tajjeb: qatt tħallu l-ġurnata tgħaddi mingħajr ma tagħmlu paċi. Kellna xi ngħidu, u jien kellimtek ħażin, fajjartlek erba’ kelmiet xejn sbieħ. Imma issa l-ġurnata waslet biex tispiċċa: irrid nagħmel paċi. Tafu għaliex? Għax il-gwerra bierda tal-għada hi perikoluża ħafna. Tħallux li tibdew ġurnata oħra fi gwerra bejnietkom. Għalhekk tridu tagħmlu l-paċi qabel tidħlu torqdu. Ftakru dejjem: qatt tagħlqu l-ġurnata mingħajr ma tagħmlu paċi. U dan jista’ jgħinkom fil-ħajja taż-żwieġ. Din il-mixja min-namur għall-imħabba matura hi għażla esiġenti, imma din hi t-triq li rridu nimxu.
U din id-darba wkoll nagħlqu b’talba lil San Ġużepp.
San Ġużepp,
int li ħabbejt lil Marija b’libertà sħiħa,
u għażilt li twarrab dak li immaġinajt biex tagħmel wisa’ għar-realtà,
għin lilna lkoll inħallu lil Alla jissorprendina
u nilqgħu l-ħajja mhux bħala imprevist li rridu niddefendu ruħna minnu,
imma bħala misteru li jaħbi s-sigriet tal-ferħ veru.
Agħti lill-għarajjes kollha Nsara l-ferħ u r-radikalità,
imma waqt li jżommu dejjem l-għarfien
li l-ħniena u l-maħfra biss jagħmlu l-imħabba possibbli. Amen.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard