Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-laqgħa tagħna ma’ xi Nsara xhieda, għonja fiż-żelu tat-tħabbira tal-Vanġelu. Iż-żelu appostoliku, iż-żelu għat-tħabbira: aħna qed inħarsu lejn xi Nsara li kienu eżempju f’dan iż-żelu appostoliku. Illum nixtieq inkellimkom fuq bniedem li għamel minn Ġesù u minn ħutu l-iżjed foqra l-passjoni ta’ ħajtu. Qed nirriferi għal San Charles de Foucauld li, “ibda mill-esperjenza intensa li kellu ta’ Alla, għamel mixja ta’ bidla f’ħajtu sakemm ħass li kulħadd hu ħuh u oħtu” (Ittra enċiklika Fratelli tutti, 286).
U liema kien is-“sigriet” ta’ Charles de Foucauld, ta’ ħajtu? Hu, wara li għex żgħożija mbiegħda minn Alla, bla ma jemmen f’xejn jekk mhux fit-tiftix diżordinat tal-pajċir, dan jaqsmu ma’ ħabib li ma kienx jemmen, li, wara li kkonverta xħin laqa’ l-grazzja tal-maħfra ta’ Alla fil-Qrar, jurih ir-raġuni ta’ ħajtu. Jiktiblu: “Qalbi tajtha lil Ġesù ta’ Nazaret”. Hekk Fra Charles ifakkarna li l-ewwel pass biex nevanġelizzaw hu li jkollna lil Ġesù fil-qalb tagħna, u “nitilfu rasna” warajh. Jekk ma jseħħx dan, diffiċilment jirnexxilna nuruh b’ħajjitna. Minflok, nirriskjaw li nitkellmu fuqna nfusna, fuq il-grupp minn fejn aħna, fuq morali jew, agħar u agħar, fuq ġabra ta’ regoli, imma mhux fuq Ġesù, fuq imħabbtu, fuq il-ħniena tiegħu. Dan jien ġieli narah f’xi moviment ġdid li qed iqum: jitkellmu fuq il-viżjoni tagħhom tal-umanità, jitkellmu fuq l-ispiritwalità tagħhom u jħossu li huma xi triq ġdida… Imma għaliex ma titkellmux fuq Ġesù? Jitkellmu fuq tant affarijiet, fuq organizzazzjoni, fuq toroq spiritwali, imma ma jafux jitkellmu fuq Ġesù. Nemmen li llum tkun ħaġa sabiħa jekk kull wieħed u waħda minna jistaqsi: Jiena għandi lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ qalbi? Tlift xi ftit rasi wara Ġesù?
Charles iva, sal-punt li jgħaddi mill-attrazzjoni għal Ġesù għall-imitazzjoni ta’ Ġesù. Fuq parir tal-konfessur tiegħu, imur l-Art Imqaddsa biex iżur l-imkejjen li fihom il-Mulej għex u biex jimxi fejn l-Imgħallem mexa. B’mod partikulari f’Nazaret huwa jifhem li kellu jifforma ruħu fl-iskola ta’ Kristu. Jgħix f’relazzjoni intensa mal-Mulej, iqatta’ sigħat twal jaqra l-Vanġeli u jħossu ħuh iż-żgħir. U meta jsir jaf lil Ġesù, titwieled fih ix-xewqa li jlaqqgħu ma’ oħrajn. Dejjem hekk jiġri: meta kull wieħed minna jsir jaf iżjed lil Ġesù, tinbet ix-xewqa li jgħarrfu lill-oħrajn, li jaqsam dan it-teżor. Meta jikkummenta r-rakkont taż-żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta, ipoġġi fuq xofftejh: “Jiena ngħatajt għad-dinja… wassluni fid-dinja”. Iva, imma kif? Bħal Marija fil-misteru tal-Viżitazzjoni: “fis-skiet, bl-eżempju, bil-ħajja”. Bil-ħajja, għax “ħajjitna kollha”, jikteb Fra Charles, “trid tgħajjat il-Vanġelu”. U tant drabi l-ħajja tagħna tgħajjat il-mondanità, tgħajjat tant ħwejjeġ stupidi, ħwejjeġ strambi, u hu jgħid: “Le, ħajjitna kollha għandha tgħajjat il-Vanġelu”.
U hawn hu jaqtagħha li jmur joqgħod f’reġjuni mbiegħda biex jgħajjat il-Vanġelu fis-skiet, jgħix fl-ispirtu ta’ Nazaret, fil-faqar u s-satra. Imur fid-deżert tas-Sahara, fost dawk li mhumiex Insara, u hemm imur bħala ħabibhom u ħuhom, iwassal il-ħlewwa ta’ Ġesù-Ewkaristija. Charles iħalli lil Ġesù jaġixxi fis-skiet, konvint li l-“ħajja Ewkaristika” tevanġelizza. Fil-fatt jemmen li Kristu hu l-ewwel evanġelizzatur. Għalhekk hu joqgħod fit-talb f’riġlejn Ġesù, quddiem it-tabernaklu, għal xi għaxar sigħat kuljum, ċert li l-qawwa tal-evanġelizzazzjoni hemm qiegħda, u jħoss li huwa Ġesù li qed iwasslu qrib ta’ tant aħwa mbiegħda. U aħna, nistaqsi jien, nemmnu fil-qawwa tal-Ewkaristija? Meta mmorru għand l-oħrajn, is-servizz tagħna, isib hemm, fl-adorazzjoni, il-bidu u t-twettiq tiegħu? Jiena konvint li aħna tlifna s-sens tal-adorazzjoni; hemm bżonn nerġgħu nsibuh, ibda minna l-ikkonsagrati, l-isqfijiet, is-saċerdoti, is-sorijiet u l-ikkonsagrati kollha: “Nitilfu” ż-żmien quddiem it-tabernaklu, nerġgħu naqbdu s-sens tal-adorazzjoni.
Charles de Foucauld kiteb: “Kull Nisrani hu appostlu”; u lil ħabib tiegħu jfakkru li “qrib tagħhom is-saċerdoti għandhom bżonn ta’ lajċi li jaraw dak li l-qassis ma jarax, li jevanġelizzaw bi qrubija ta’ karità, bi tjieba ma’ kulħadd, bi mħabba dejjem lesta biex tingħata”. Il-lajċi qaddisin, mhux dawk li ħsiebhom biex jixxabbtu. U dawk il-lajċi, dak il-lajk, dik il-lajka li huma nnamrati ma’ Ġesù lill-qassis jgħinuh jifhem li hu mhuwiex funzjonarju, li huwa medjatur, saċerdot. Kemm għandna bżonn aħna s-saċerdoti li jkollna qribna dawn il-lajċi li jemmnu bis-serjetà u bix-xhieda tagħhom jgħallmuna t-triq. Charles de Foucauld b’din l-esperjenza jantiċipa ż-żminijiet tal-Konċilju Vatikan II, jintuwixxi l-importanza tal-lajċi u jagħraf li t-tħabbira tal-Vanġelu hi tal-poplu kollu ta’ Alla. Imma kif nistgħu nkabbru din il-parteċipazzjoni? Kif għamel Charles de Foucauld: ninżlu għarkupptejna u nilqgħu l-azzjoni tal-Ispirtu, li dejjem iqanqal modi ġodda biex ninvolvu, niltaqgħu, nisimgħu u niddjalogaw, dejjem fil-kollaborazzjoni u fil-fiduċja, dejjem f’komunjoni mal-Knisja u mar-ragħajja.
San Charles de Foucauld, figura li hi profezija għal żmienna, ta xhieda tal-ġmiel li hemm meta nikkomunikaw il-Vanġelu permezz tal-appostolat tal-umiltà: hu, li kien iħossu “ħu universali” u jilqa’ lil kulħadd, jurina l-qawwa evanġelizzatriċi tal-umiltà, tal-ħlewwa. Ma ninsewx li l-istil ta’ Alla nsibuh fi tliet kelmiet: qrubija, ħniena u ħlewwa. Alla hu dejjem qrib tagħna, dejjem juri ħniena, dejjem juri ħlewwa. U x-xhieda Nisranija għandha tgħaddi minn din it-triq: tal-qrubija, tal-ħniena, tal-ħlewwa. U hu hekk kien, twajjeb u umli. Kien jixtieq li kull min jiltaqa’ miegħu, fit-tjieba tiegħu jilmaħ it-tjieba ta’ Ġesù. Fil-fatt, kien jgħid li hu “qaddej ta’ wieħed li hu bil-wisq iktar tajjeb minni”. Hu kien jgħix it-tjieba ta’ Ġesù u dan kien iwasslu biex joħloq rabtiet fraterni u ħbiberija mal-foqra, mat-Tuareg, ma’ dawk l-iżjed imbiegħda mill-mentalità tiegħu. Ftit ftit dawn ir-rabtiet ħolqu fraternità, inklużjoni, valorizzazzjoni tal-kultura tal-ieħor. It-tjieba hi sempliċi u titlob minna li nkunu persuni sempliċi, li ma jibżgħux jagħtu tbissima. U bit-tbissima, bis-sempliċità tiegħu, Fra Charles ta xhieda tal-Vanġelu. Ebda proselitiżmu, qatt: xhieda. L-evanġelizzazzjoni ma ssirx bil-proselitiżmu, imma bix-xhieda, bl-attrazzjoni. Ejjew fl-aħħar nett nistaqsu jekk fina aħniex inġorru u lill-oħrajn aħniex inwasslulhom il-ferħ Nisrani, il-ħlewwa Nisranija, it-tjieba Nisranija, il-ħniena Nisranija, il-qrubija Nisranija. Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard