Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu llum nikkontemplaw lil Ġesù fil-misteru tal-oriġni tiegħu rrakkontat mill-Vanġeli tal-infanzja.

Jekk Luqa jippermettilna li nagħmlu dan mill-perspettiva tal-omm, il-Verġni Marija, Mattew jieħu l-perspettiva ta’ Ġużeppi, ir-raġel li jassumi l-paternatià legali ta’ Ġesù, biex hekk ilaqqmu fiz-zokk ta’ Ġesse u jorbtu mal-wegħda li saret lil David.

Fil-fatt, Ġesù huwa t-tama ta’ Iżrael li sseħħ: hu d-dixxendent imwiegħed lil David (ara 2 Sam 7:12; 1 Kor 17:11), li minħabba fih daru hi “mbierka għal dejjem” (2 Sam 7:29); huwa r-rimja li twarrad miz-zokk ta’ Ġesse (ara Iż 11:1), ir-“rimja ġusta” ddestinata li ssalva bħala sultan veru, li jaf iħaddem il-liġi u l-ġustizzja (ara Ġer 23:5; 33:15).

Ġużeppi jidħol fix-xena fil-Vanġelu ta’ Mattew bħala l-għarus ta’ Marija. Għal-Lhud l-għerusija kienet rabta ġuridika vera u proprja, li kienet qed tipprepara għal dak li kellu jseħħ xi sena wara, jiġifieri ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ. Dakinhar il-mara kienet tgħaddi minn taħt il-kustodja tal-missier għal dik ta’ żewġha, u tmur tgħix fid-dar miegħu u tiddisponi ruħha għad-don tal-maternità.

Huwa proprju f’dan il-perjodu ta’ żmien li Ġużeppi skopra t-tqala ta’ Marija u l-imħabba tiegħu tiġi ppruvata bil-kbir. Quddiem sitwazzjoni bħal din, li setgħet iġġib magħha t-tifrik tal-għerusija, il-Liġi kienet tissuġġerixxi żewġ soluzzjonijiet possibbli: jew att ġuridiku ta’ karattru pubbliku, bħas-sejħa tal-mara fil-qorti, jew inkella azzjoni privata bħal dik tal-għoti ta’ ittra ta’ rifjut lill-mara.

Mattew jiddefinixxi lil Ġużeppi bħala raġel “ġust” (zaddiq), raġel li jgħix bil-Liġi tal-Mulej, li jħalliha tnebbħu f’kull okkażjoni tal-ħajja tiegħu. Għalhekk, huwa u jimxi fuq il-Kelma ta’ Alla, Ġużeppi jaġixxi bil-ħsieb u r-riflessjoni tiegħu: ma jħallix is-sentimenti istintivi u l-biża’ li jilqa’ għandu lil Marija jbeżżgħuh, imma jippreferi jħalli jmexxih l-għerf divin. Jagħżel li jinfired minn Marija mingħajr storbju, privatament (ara Mt 1:19). U dan huwa l-għerf ta’ Ġużeppi li bih ma jiżbaljax u jkun miftuħ u doċli għal-leħen tal-Mulej.

Hekk Ġużeppi ta’ Nazaret ifakkarna f’Ġużeppi ieħor, bin Ġakobb, imlaqqam “il-ħalliem” (ara Ġen 37:19), tant maħbub minn missieru u tant mibgħud minn ħutu, li Alla refgħu u qiegħdu fil-palazz tal-Fargħun.

Issa, x’joħlom Ġużeppi ta’ Nazaret? Joħlom il-miraklu li Alla jwettaq fil-ħajja ta’ Marija, u anki l-miraklu li jwettaq fl-istess ħajja tiegħu: jassumi paternità li kapaċi tħares, tipproteġi u tgħaddi wirt materjali u spiritwali. Il-ġuf ta’ martu hu tqil bil-wegħda ta’ Alla, wegħda li ġġorr isem li fih hi mogħtija lil kulħadd iċ-ċertezza tas-salvazzjoni (ara Atti 4:12).

Fl-irqad Ġużeppi jisma’ dawn il-kelmiet: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:20-21). Quddiem din ir-rivelazzjoni, Ġużeppi ma jitlobx iktar provi, imma jafda. Ġużeppi jafda f’Alla, jaċċetta l-ħolma ta’ Alla fuq il-ħajja tiegħu u fuq dik tal-għarusa mwiegħda tiegħu. Hekk jidħol fil-grazzja ta’ min jaf jgħix il-wegħda divina bil-fidi, it-tama u l-imħabba.

Ġużeppi, f’dan kollu, ma jlissinx kelma, imma jemmen, jittama u jħobb. Ma jesprimix ruħu bi “kliem li jtir mar-riħ”, imma b’fatti konkreti. Hu ġej mir-razza ta’ dawk li l-Appostlu Ġakbu jsejħilhom dawk li “jagħmlu l-Kelma” (ara Ġak 1:22), u jittraduċuha f’fatti, f’laħam, f’ħajja. Ġużeppi jafda f’Alla u jobdi: “L-essri tiegħu interjorment jishar għal Alla… isir spontanjament ubbidjenza” (Benedittu XVI, L’infanzia di Gesù, Milano-Città del Vaticano 2012, 57).

Ħuti, nitolbu aħna wkoll lill-Mulej il-grazzja li nisimgħu iżjed milli nitkellmu, il-grazzja li noħolmu l-ħolm ta’ Alla u li nilqgħu b’responsabbiltà lil Kristu li, sa mill-magħmudija tagħna, jgħix u jikber fil-ħajja tagħna. Grazzi!

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard