Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Temmejna l-katekeżijiet fuq San Ġużepp. Illum qed nibdew mixja ta’ katekeżi li tfittex mill-Kelma ta’ Alla xi jnebbaħha dwar it-tifsira u l-valur tax-xjuħija. Se nirriflettu fuq iż-żmien tax-xjuħija. Minn xi għexieren ta’ snin ’l hawn, din l-età tal-ħajja qed tmiss “poplu ġdid” fil-veru sens tal-kelma, li huma x-xjuħ, l-anzjani. Qatt daqs illum ma konna daqshekk fil-għadd fl-istorja umana. Ir-riskju li niġu mwarrba qed isir dejjem iżjed frekwenti: qatt ma konna daqshekk numerużi daqs illum, qatt ma kien daqshekk kbir ir-riskju li niġu mormija. Ix-xjuħ spiss issib min iqishom bħala “piż”. Fl-ewwel fażi drammatika tal-pandemija kienu huma li ħallsu l-ogħla prezz. Diġà kienu l-parti l-iżjed dgħajfa u ttraskurata: bilkemm konna nħarsu lejhom wisq ħajjin, u lanqas rajniehom imutu. Sibt ukoll din il-Karta tad-drittijiet tal-anzjani u d-dmirijiet tal-komunità: din saret mill-gvernijiet, mhux mill-Knisja, hi ħaġa lajka: hi tajba, interessanti, biex nagħrfu li l-anzjani għandhom id-drittijiet tagħhom. Nagħmlu sew naqrawha.
Flimkien mal-migrazzjonijiet, ix-xjuħija hi fost il-kwistjonijiet l-iżjed urġenti li l-familja tal-bnedmin hi msejħa taffronta f’dan iż-żmien. Din mhix biss bidla fil-kwantità; hawnhekk qed nitkellmu fuq ir-rabta waħda bejn l-etajiet tal-ħajja: jew aħjar, il-punt veru ta’ riferiment għall-għarfien u l-apprezzament tal-ħajja umana fis-sħuħija tagħha. Nistaqsu: hemm ħbiberija, hemm patt bejn id-diversi etajiet tal-ħajja, jew iktar qed nisseparawhom u nsibu lil min narmu?
Ilkoll qed ngħixu fi preżent fejn jgħixu flimkien tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani. Imma l-proporzjon inbidel: ħafna qed jgħixu iżjed fit-tul u, f’bosta reġjuni tad-dinja, l-età tat-tfulija hi mqassma f’dożi żgħar. Tkellimna wkoll dwar ix-xitwa demografika. Żbilanċ li għandu tant konsegwenzi. Il-kultura dominanti għandha bħala mudell uniku liż-żagħżugħ-adult, jiġifieri individwu li waħdu jagħmel lilu nnifsu u jibqa’ dejjem żagħżugħ. Imma hu minnu li ż-żgħożija fiha s-sens sħiħ tal-ħajja, waqt li x-xjuħija tirrappreżenta sempliċiment ħajja mbattla jew mitlufa? Veru hekk? Iż-żgħożija biss għandha s-sens sħiħ tal-ħajja, u x-xjuħija hija l-ħajja li qed titbattal, qed tispiċċa? L-eżaltazzjoni taż-żgħożija bħala l-unika età denja li tinkarna l-ideal uman, flimkien mat-tkasbir tax-xjuħija meqjusa bħala dgħufija, bħala tbaxxija jew diżabbiltà, kienet l-ikona dominanti tat-totalitarjaniżmi tas-seklu 20. Insejnieh dan?
Iż-żgħożija ħi sabiħa ħafna, imma ż-żgħożija eterna hi illużjoni perikoluża ħafna. Li nixjieħu hu daqstant ieħor importanti – hu sabiħ – hu daqstant ieħor importanti daqs li nkunu żgħażagħ.
Il-ħajja itwal qed tħalli effetti strutturali fuq l-istorja tal-individwi, tal-familji u tas-soċjetà. Imma rridu nistaqsu: il-kwalità spiritwali tagħha u s-sens komunitarju tagħha huma oġġett ta’ ħsieb u ta’ mħabba koerenti ma’ dan il-fatt? Jewwilla l-anzjani għandhom jitolbu xi skuża għall-ebusija ta’ ras tagħhom li jibqgħu jgħixu minn fuq dahar ħaddieħor? Jew għandhom jiġu mweġġħa għad-doni li qed iwasslu lit-tifsira tal-ħajja tagħna lkoll? Fil-fatt, fir-rappreżentazzjoni tas-sens tal-ħajja – u proprju fil-kulturi hekk imsejħa “żviluppati” – ix-xjuħija ftit li xejn tiswa. Għaliex? Għax hi meqjusa età li ma għandhiex xi kontenuti speċjali x’toffri, lanqas sinifikati proprji x’tgħix. Iktar minn hekk, hu nieqes l-inkuraġġiment tal-persuni biex ifittxu l-anzjani, u nieqsa l-edukazzjoni tal-komunità li tirrikonoxxihom. F’kelma waħda, għal età li issa saret parti determinanti tal-ispazju komunitarju u miexja lejn terz tal-ħajja kollha, issib li hemm – xi drabi – pjanijiet ta’ assistenza, imma mhux proġetti ta’ ħajja. Pjanijiet ta’ assistenza, iva; imma mhux proġetti biex jgħinuhom jgħixu l-ħajja fil-milja tagħha. U dan hu nuqqas ta’ ħsieb, ta’ immaġinazzjoni, ta’ kreattività. Taħt dan il-ħsieb, dak li jagħmel il-vojt hu li l-anzjan, l-anzjana huma materjal għar-rimi: f’dik il-kultura tal-iskart, l-anzjani jidħlu bħala materjal għar-rimi.
Iż-żgħożija ħi sabiħa ħafna, imma ż-żgħożija eterna hi illużjoni perikoluża ħafna. Li nixjieħu hu daqstant ieħor importanti – hu sabiħ – hu daqstant ieħor importanti daqs li nkunu żgħażagħ. Ejjew niftakruh dan. Il-patt bejn il-ġenerazzjonijiet, li jrodd lill-umanità l-etajiet kollha tal-ħajja, huwa d-don li tlifna u li jeħtieġ nerġgħu nsibu. Jeħtieġ nerġgħu nsibuh, f’din il-kultura tal-iskart u f’din il-kultura tal-produttività.
Il-Kelma ta’ Alla għandha ħafna x’tgħidilna dwar dan il-patt. Ftit tal-ħin ilu smajna l-profezija ta’ Ġoel: “Ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet” (3:1). Din nistgħu ninterpretawha hekk: meta x-xjuħ jirreżistu għall-Ispirtu, u jidfnu fl-imgħoddi l-ħolm tagħhom, iż-żgħażagħ ma jirnexxilhomx jaraw iżjed x’għandhom jagħmlu biex jiftħu l-futur. Imma meta l-anzjani jikkomunikaw il-ħolm tagħhom, iż-żgħar jibdew jaraw sew dak li għandhom jagħmlu. Iż-żgħażagħ li ma jibqgħux jistaqsu iżjed dwar il-ħolm tal-anzjani, u jżommu rashom mgħaddsa ’l isfel fuq il-viżjonijiet li ma jmorrux iżjed lil hemm minn imneħirhom, sa jbatu biex iġorru l-preżent tagħhom u jifilħu l-futur tagħhom. Jekk in-nanniet jingħalqu fil-malinkoniji tagħhom, iż-żgħażagħ iżjed u iżjed jitgħawġu fuq l-ismartphones tagħhom. L-iskrin jista’ jibqa’ mixgħul kemm irid, għax il-ħajja tintefa qabel iż-żmien. L-iktar riperkussjoni serja tal-pandemija mhix forsi qiegħda f’li ż-żgħażagħ iħossuhom mitlufa? L-anzjani għandhom riżorsi ta’ ħajja li diġà għexu u li għalihom jistgħu jirrikorru f’kull ħin. Se joqogħdu jħarsu lejn iż-żgħażagħ li qed jinfixlu fil-viżjoni tagħhom jew se jseħbuhom billi jerġgħu jkebbsu l-ħolm tagħhom? Quddiem il-ħolm tal-anzjani, x’se jagħmlu ż-żgħażagħ?
L-għerf tal-mixja twila li ssieħeb ix-xjuħija lejn it-tmiem tagħha għandna ngħixuh bħala offerta ta’ sens tal-ħajja, u mhux xi ħaġa li ngħadduha b’mod passiv, kemm ma mmutux. Ix-xjuħija, jekk ma tingħatalhiex lura d-dinjità ta’ ħajja umanament denja, hi ddestinata li tingħalaq f’avviliment li jnaqqar l-imħabba minn qalb kulħadd. Din l-isfida ta’ umanità u ta’ ċiviltà titlob l-impenn tagħna u l-għajnuna ta’ Alla. Ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu. B’dawn il-katekeżijiet fuq ix-xjuħija, nixtieq nagħmel il-qalb lil kulħadd biex ninvestu ħsibijietna u mħabbitna fuq id-doni li hi ġġib magħha u lill-etajiet l-oħra tal-ħajja. Ix-xjuħija hija don għall-etajiet kollha tal-ħajja. Hija don ta’ maturità, ta’ għerf. Il-Kelma ta’ Alla se tgħinna ngħarblu s-sens u l-valur tax-xjuħija; l-Ispirtu s-Santu jagħti lilna wkoll il-ħolm u l-viżjonijiet li neħtieġu. U nixtieq nisħaq, kif smajna fil-profezija ta’ Ġoel, fil-bidu, li l-importanti hu li mhux biss l-anzjan ikollu l-post tal-għerf li jistħoqqlu, ta’ storja li hu għex fis-soċjetà, imma anki li jkun hemm djalogu, li jiddjaloga maż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ għandhom jitkellmu mal-anzjani, u l-anzjani maż-żgħażagħ. U dan il-pont ikun it-trasmissjoni tal-għerf fl-umanità. Nawgura li dawn ir-riflessjonijiet ikunu ta’ siwi għalina lkoll, biex inġibu ’l quddiem din ir-realtà li semma l-profeta Ġoel, li fid-djalogu bejn żgħażagħ u anzjani, l-anzjani jistgħu jagħtu l-ħolm u ż-żgħażagħ jistgħu jilqgħuh u jmexxuh ’il quddiem. Ma ninsewx li fil-kultura kemm tal-familja u kemm tas-soċjetà l-anzjani huma bħall-għeruq tas-siġra: għandhom fihom l-istorja kollha, u ż-żgħażagħ huma bħall-ward u l-frott. Jekk ma jkollhomx dan is-sugu, jekk ma jasalx dan il-“qtar” – ħa nsejħulu hekk – tal-għeruq, ma jistgħu qatt iwarrdu. Ma ninsewx dak il-poeta li qal ħafna drabi: “Dak kollu li s-siġra għandha jwarrad fiha ġej minn dak li għandha taħt l-art” (Francisco Luis Bernárdez). Is-sabiħ kollu li għandha soċjetà hu f’relazzjoni mal-għeruq tal-anzjani. Għalhekk, f’dan il-katekeżijiet, jien nixtieq li nixħet dawl fuq il-figura tal-anzjan, biex nifhmu tajjeb li l-anzjan mhuwiex materjal għar-rimi: huwa barka għal soċjetà.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard