Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum se nagħmlu t-tieni pass fil-mixja ta’ katekeżi fuq it-talb, li bdejna l-ġimgħa l-oħra.
It-talb hu ta’ kulħadd: tal-bnedmin ta’ kull reliġjon, u aktarx anki ta’ dawk li ma jistqarru ebda waħda. It-talb jitwieled fis-satra tagħna nfusna, f’dak il-post ġewwieni li spiss l-awturi spiritwali jsejħulu “qalb” (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2562-2563). Għalhekk, dak li jitlob fina mhuwiex xi ħaġa periferika, mhux xi fakultà sekondarja jew fit-tarf ta’ ħajjitna, imma hu l-iktar misteru ġewwieni tagħna nfusna. Huwa dan il-misteru li jitlob fina. L-emozzjonijiet jitolbu, imma ma tistax tgħid li t-talb huwa emozzjoni biss. L-intelliġenza titlob, imma t-talb mhuwiex biss att intellettwali. Il-ġisem jitlob, imma tista’ titkellem ma’ Alla anki mid-diżabbiltà fiżika l-aktar gravi. Għalhekk, huwa l-bniedem sħiħ li jitlob, titlob il-“qalb” tiegħu.
It-talb hu qabża, huwa invokazzjoni li tmur lil hemm minna nfusna: xi ħaġa li titwieled fil-ġewwieni tal-persuna tagħna u titwessa’, għax tħoss in-nostalġija ta’ laqgħa. Din in-nostalġija li hija iżjed minn bżonn, iżjed minn ħtieġa: hija triq. It-talb hu l-leħen ta’ “jien” li jteftef fid-dlam, li jimxi ftit ftit, ifittex “Int”. Il-laqgħa bejn il-“jien” u l-“Int” ma nistgħux nagħmluha bil-kalkoli: hija laqgħa umana u ħafna drabi timxi ftit ftit biex issib l-“Int” li l-“jien” tiegħi qed ifittex.
Imma t-talba tan-Nisrani titwieled minn rivelazzjoni: l-“Int” ma baqax imgeżwer fil-misteru, imma daħal f’relazzjoni magħna. Il-Kristjaneżmu huwa r-reliġjon li kontinwament tiċċelebra l-“manifestazzjoni” ta’ Alla, jiġifieri l-epifanija tiegħu. L-ewwel festi tas-sena liturġika huma ċ-ċelebrazzjoni ta’ dan Alla li ma jibqax moħbi, imma li joffri l-ħbiberija tiegħu lill-bnedmin. Alla juri l-glorja tiegħu fil-faqar ta’ Betlehem, fil-kontemplazzjoni tal-Maġi, fil-magħmudija fil-Ġordan, fil-miraklu tat-tieġ ta’ Kana. L-Evanġelju ta’ Ġwanni jikkonkludi l-innu l-kbir tal-Prologu bi stqarrija li tiġbor kollox: “Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18). Kien Ġesù li wriena lil Alla.
It-talba tan-Nisrani tidħol f’relazzjoni ma’ Alla ta’ wiċċ l-aktar ħelu, li ma jrid iqanqal ebda biża’ fil-bnedmin. Din hi l-ewwel karatteristika tat-talb Nisrani. Jekk il-bnedmin kienu dejjem imdorrija jersqu lejn Alla xi ftit imbeżżgħin, xi ftit imwerwrin minn dan il-misteru tremend u ta’ seħer kbir, jekk kienu draw iqimuh b’atteġġjament servili, jixbah lil dak ta’ sudditu li ma jridx jonqos mir-rispett lejn sidu, in-Nisrani mill-banda l-oħra jdur lejh u jindenja jsejjaħlu b’mod familjari bl-isem ta’ “Missier”. Anzi, Ġesù juża kelma oħra: “pa”.
Il-Kristjaneżmu neħħa mir-rabta ma’ Alla kull relazzjoni “fewdali”. Fil-wirt li għandna fil-fidi tagħna mhumiex preżenti espressjonijiet bħal “sudditi”, “jasar” jew “servitù”, imma kelmiet bħal “patt”, “ħbiberija”, “wegħda”, “komunjoni”, “qrubija”. Fid-diskors twil tat-tluq tiegħu lid-dixxipli, Ġesù jgħidilhom hekk: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom” (Ġw 15:15-16). Imma dan ċekk battal: “Kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom”!
Alla huwa l-ħabib, l-alleat, l-għarus. Fit-talb tista’ tinħoloq dik ir-relazzjoni ta’ kunfidenza miegħu, tant hu hekk li fil-“Missierna” Ġesù għallimna nagħmlu serje ta’ talbiet. Lil Alla nistgħu nitolbuh kollox, kollox; infissrulu kollox, nirrakkontawlu kollox. Ma jimpurtax jekk fir-relazzjoni ma’ Alla nħossuna li m’aħniex tajbin biżżejjed: m’aħniex ħbieb tajbin, m’aħniex ulied rikonoxxenti, m’aħniex għarajjes fidili. Hu jibqa’ jħobbna. Dan hu li Ġesù jurina darba għal dejjem fl-Aħħar Ċena, meta jgħid: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom” (Lq 22:20). F’dak il-ġest ta’ Ġesù fiċ-Ċenaklu huwa jħabbar sa minn qabel il-misteru tas-Salib. Alla hu alleat fidil: jekk il-bnedmin jieqfu jħobbu, hu jibqa’ jridilna l-ġid, anki jekk l-imħabba twasslu sal-Kalvarju. Alla hu dejjem qrib fuq l-għatba tal-qalb tagħna u qed jistenna li niftħulu. U xi drabi jħabbat fuq qalbna, imma mhuwiex invadenti: jistenna. Is-sabar ta’ Alla magħna hu s-sabar ta’ missier, ta’ wieħed li jħobbna wisq. Nissogra ngħid, hu s-sabar ta’ omm u ta’ missier flimkien. Dejjem qrib tal-qalb tagħna, u meta jħabbat dan jagħmlu bil-ħlewwa u b’tant imħabba.
Nippruvaw nitolbu hekk, billi nidħlu f’dan il-misteru tal-Patt. Ninxteħtu fit-talb fid-dirgħajn ħanina ta’ Alla, ħa nħossuna mħaddnin minn dak il-misteru ta’ hena li hi l-ħajja Trinitarja, biex inħossuna bħall-mistednin li ma kienx jixirqilhom tant ġieħ. U biex intennu lil Alla, fl-għoġba tat-talb: possibbli li int tħobb biss taf? Hu ma jafx jobgħod. Huwa mibgħud, imma ma jafx b’mibegħda. Jaf biss l-imħabba. Dan hu Alla li lilu nitolbu. U din hi l-fjamma tixgħel fil-qalba ta’ kull talba Nisranija. Alla tal-imħabba, Missierna li qed jistenniena u jrid jimxi magħna.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard