Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fost il-vizzji kapitali kollha hemm wieħed li spiss ma tantx hu nnutat, forsi minħabba ismu li ftit li xejn hemm min jifhmu: qed nitkellem fuq l-aċċidja. Għalhekk, fil-lista tal-vizzji, it-terminu aċċidja spiss jinbidel ma’ ieħor li jintuża aktar: it-telqa jew l-għażż. Fir-realtà, l-għażż aktar hu effett milli kawża. Meta persuna tintelaq u ma tagħmel xejn, tinħakem mill-apatija, aħna ngħidu li hi għażżiena. Imma, kif jgħallimna l-għerf tal-missirijiet tad-deżert, spiss l-għerq ta’ din it-telqa hu l-aċċidja, li litteralment mill-Grieg tfisser “nuqqas ta’ kura”.
Hi tentazzjoni perikoluża ħafna, li ma għandniex niċċajtaw magħha. Min jaqa’ vittma tagħha jkun bħal qisu mgħaffeġ minn xewqa għall-mewt: ma jibqa’ jogħġbu xejn; ir-relazzjoni ma’ Alla tibda ddejqu; u anki l-għemejjel l-aktar qaddisa, dawk li fl-imgħoddi kienu jimlewlu qalbu, issa jibdew jidhrulu għalkollox bla siwi. Persuna tibda tibki ż-żmien għaddej, u ż-żgħożija li ħalliet wara daharha u ma tista’ tagħmel xejn.
L-aċċidja tissejjaħ ix-“xitan ta’ nofsinhar”: taqbadna fuq sieq waħda f’nofs il-ġranet, meta l-għajja tkun fl-aqwa tagħha u s-sigħat li għandna quddiemna jidhru monotoni, impossibbli li ngħixuhom. F’deskrizzjoni ċelebri l-monaku Evagriju din it-tentazzjoni jirrappreżentaha b’dan il-mod: “L-għajnejn ta’ min għandu l-aċċidja kontinwament imsammra fuq it-twieqi, u f’moħħu joqgħod jiffantasizza fuq min ħa jżuru […] Huwa u jaqra, min għandu l-aċċidja spiss jitmattar u faċilment jieħdu n-ngħas, jogħrok għajnejh, iħokk idejh u, b’għajnejh merfugħa minn fuq il-ktieb, jiċċassa lejn il-ħajt; imbagħad jerġa’ jdur fuq il-ktieb, jaqra ftit ieħor […]; fl-aħħar, ibaxxi rasu jserraħha taħt il-ktieb, jorqod raqda ħafifa, sa ma jistenbaħ għax jagħtih il-ġuħ u jkollu jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu”; fl-aħħar, “min għandu l-aċċidja ma jwettaqx b’reqqa l-opra ta’ Alla”.
Il-qarrejja ta’ żmienna f’dawn id-deskrizzjonijiet jaraw xi ħaġa li tfakkarhom ħafna fil-kruha tad-dipressjoni, kemm minn perspettiva psikoloġika u kemm filosofika. Fil-fatt, għal min jinqbad fl-aċċidja, il-ħajja titlef is-sens tagħha, jibda jiddejjaq jitlob, kull battalja tidher bla sens. Imqar jekk fiż-żgħożija kellna passjonijiet, issa jidhru bla loġika, ħolm li ma għamilniex ferħana. Hekk nibdew nintelqu u l-unika triq biex naħarbu minn dan kollu tkun id-distrazzjoni, li ma noqogħdux naħsbu: nixtiequ nistordu, u li nbattlu moħħna minn kull ħsieb… Qisu xi ftit bħal meta wieħed imut qabel iż-żmien, u hi ħaġa kerha.
Quddiem dan il-vizzju, li qed nintebħu kemm hu perikoluż, l-għalliema tal-ispiritwalità jaraw li hemm diversi rimedji. Nixtieq insemmi dak li jidhirli li hu l-aktar importanti u li jiena nsejjaħlu l-paċenzja tal-fidi. Imqar jekk taħt l-effett tal-aċċidja x-xewqa tal-bniedem hi li jkun “band’oħra”, li jaħrab mir-realtà, imma hemm bżonn ikolli l-kuraġġ li nibqa’ u li nilqa’ l-preżenza ta’ Alla fl-“hawn u issa” tiegħi, fis-sitwazzjoni tiegħi hekk kif inhi. Il-monaċi jgħidu li għalihom iċ-ċella hi l-aħjar mgħallma tal-ħajja, għax hija l-post li konkretement u ta’ kuljum tkellmek fuq l-istorja ta’ mħabba tiegħek mal-Mulej. Ix-xitan tal-aċċidja jrid jeqred sewwasew dan il-ferħ sempliċi tal-hawn u issa, dan l-istagħġib kollu gratitudni għar-realtà; irid iġiegħelek temmen li kollox hu għalxejn, li xejn ma għandu sens, li mank ħaqq tieħu ħsieb ta’ xejn u ta’ ħadd. Fil-ħajja niltaqgħu ma’ persuni “aċċidjużi”, persuni li dwarhom ngħidu: “Imma kemm idejjaqni dan!” u ma niħdux pjaċir noqogħdu magħhom; persuni li jkollhom ukoll atteġġjament ta’ dwejjaq li jdakkar. Din hi l-aċċidja.
Kemm persuni, vittmi tal-aċċidja, imqanqla minn inkwiet bla wiċċ, b’mod stupidu abbandunaw it-triq it-tajba li kienu qabdu! Din tal-aċċidja hi battalja deċiżiva, li jeħtieġ nirbħuha b’kull mod. U hi battalja li lanqas lill-qaddisin ma ħelsitha, għax f’tant djarji tagħhom hemm xi paġna jew oħra li tiżvela mumenti tal-biża’, ta’ ljieli veri u proprji tal-fidi, fejn kollox kien jidher mudlam. Dawn il-qaddisin irġiel u nisa jgħallmuna ngħaddu minn dan il-lejl bis-sabar u naċċettaw il-faqar tal-fidi. Magħfusin mill-aċċidja, huma rrakkomandaw li nieħdu ftit inqas impenji, li jkollna miri iktar realizzabbli, imma fl-istess waqt li nirreżistu u li nipperseveraw billi nserrħu fuq Ġesù, li qatt ma jitlaqna fit-tentazzjoni.
Il-fidi, itturmentata mill-prova tal-aċċidja, ma titlifx il-valur tagħha. Anzi hija l-fidi vera, il-fidi l-aktar umana, li minkejja kollox, minkejja d-dalma li tagħmiha, bl-umiltà kollha tibqa’ temmen. Hi dik il-fidi li tibqa’ fil-qalb, kif jibqa’ l-ġamar taħt l-irmied. Dejjem jibqa’. U jekk xi ħadd minna jaqa’ f’dan il-vizzju jew f’tentazzjoni ta’ aċċidja, ħa jfittex u jħares ġewwa fih il-ġamar tal-fidi: hekk nibqgħu mexjin.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard