Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 7. Nogħemi, il-patt bejn il-ġenerazzjonijiet li jiftaħ għall-futur
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Illum inkomplu nirriflettu fuq l-anzjani, fuq in-nanniet, fuq ix-xjuħija, tidher kerha l-kelma imma le, ix-xjuħ m’hawnx bħalhom, huma sbieħ! U llum se nħallu jispirana l-Ktieb mill-isbaħ ta’ Rut, ġojjell tal-Bibbja. Il-parabbola ta’ Rut iddawwal il-ġmiel tar-rabtiet fil-familja: imnissla mir-rabta tal-koppja, imma li jmorru lil hemm minnha. Rabtiet ta’ mħabba li kapaċi jkunu daqstant ieħor b’saħħithom, li fihom tilma l-perfezzjoni ta’ dak il-poliedru tal-imħabbiet fundamentali li jsawru l-grammatika familjari tal-imħabba. Din il-grammatika tagħti l-ħajja u l-għerf lill-ġabra flimkien tar-relazzjonijiet li jibnu l-komunità. Ipparagunat mal-Għanja tal-Għanjiet, il-Ktieb ta’ Rut qisu t-tavla l-oħra tad-dittiku tal-imħabba taż-żwieġ. Daqstant ieħor importanti, daqstant ieħor essenzjali, fil-fatt hu jiċċelebra l-qawwa u l-poeżija li għandu jkun hemm fir-rabtiet ta’ ġenerazzjoni, ta’ parentela, ta’ għotja, ta’ fedeltà li jiġbru fihom il-kostellazzjoni familjari kollha. U li jsiru saħansitra kapaċi, fiċ-ċirkustanzi drammatiċi tal-ħajja ta’ koppja, iwasslu qawwa ta’ mħabba li mank nimmaġinawha, li tista’ tniedi mill-ġdid it-tama u l-futur.
Nafu li d-diskors komuni fuq ir-rabtiet ta’ parentela maħluqa fiż-żwieġ, fuq kollox dik tal-kunjata, dik ir-rabta bejn il-kunjata u mart binha, hu kuntrarju għal din il-perspettiva. Imma, proprju għalhekk, il-kelma ta’ Alla ssir prezzjuża. L-ispirazzjoni tal-fidi taf tiftaħ xefaq ta’ xhieda għal tendenza opposta għal dik tal-preġudizzji l-iżjed komuni, xefaq prezzjuż għall-komunità kollha tal-bnedmin. Nistedinkom tiskopru mill-ġdid il-Ktieb ta’ Rut! Speċjalment fil-meditazzjoni fuq l-imħabba u fil-katekeżi fuq il-familja.
Dan il-ktieb ċkejken fih anki tagħlim prezzjuż fuq il-patt tal-ġenerazzjonijiet: fejn iż-żgħożija turi li hi kapaċi trodd mill-ġdid l-entużjażmu lill-età matura – dan hu essenzjali: meta ż-żgħożija trodd lura l-ħeġġa lill-anzjani –, fejn ix-xjuħija tiskopri li hi kapaċi terġa’ tiftaħ il-futur għaż-żgħożija miġruħa. Fil-bidu, ix-xwejħa Nogħemi, imqar jekk tmissilha qalbha l-imħabba tan-nisa romol ta’ wliedha, kienet pessimista fuq id-destin tagħhom fi ħdan poplu li ma kienx tagħhom. Għalhekk bdiet tħeġġeġ b’ħafna ħlewwa lil dawk in-nisa żgħażagħ biex jirritornaw għand il-familji tagħhom ħalli jibdew ħajja ġdida – kienu għadhom żgħażagħ dawn iż-żewġ nisa romol. Tgħidilhom: “Ma nista’ nagħmel xejn għalikom”. Dan diġà jidher bħala att ta’ mħabba: il-mara anzjana, mingħajr żewġha u issa mingħajr uiedha, tinsisti li n-nisa ta’ wliedha jħalluha u jitilqu. Imma, din hija wkoll għamla ta’ rassenjazzjoni: ma hemmx futur possibbli għar-romol barranin, mingħajr il-protezzjoni ta’ żwieġhom. Rut dan tafu u tirreżisti għal din l-offerta ġeneruża, ma tridx tmur lura d-dar. Ir-rabta li nħolqot bejn il-kunjata u mart binha ġiet imbierka minn Alla: Nogħemi ma tistax titlob li tiġi abbandunata. Għall-ewwel, Nogħemi tidher iżjed irrassenjata milli ferħana b’din l-offerta: forsi ħasbet li din ir-rabta stramba setgħet taggrava r-riskju għat-tnejn li huma. F’ċerti każi, it-tendenza tax-xjuħ għall-pessimiżmu jkollha bżonn li tiġi bbilanċjata mill-pressjoni kollha mħabba taż-żgħażagħ.
Fil-fatt, Nogħemi, imqanqla mid-dedikazzjoni ta’ Rut, ħarġet mill-pessimiżmu tagħha u saħansitra ħadet l-inizjattiva, u fetħet għal Rut futur ġdid. Uriet u ħeġġet lil Rut, armla ta’ binha, kif issib raġel ġdid f’Iżrael. Bogħaż, il-kandidat, wera l-qalb kbira tiegħu, meta ddefenda lil Rut mill-ħaddiema rġiel ta’ taħtu. B’xorti ħażina, dan hu riskju li qed iseħħ illum ukoll.
Ġie ċċelebrat iż-żwieġ il-ġdid ta’ Rut u ż-żewġ dinjiet reġgħu ġew ippaċifikati. In-nisa ta’ Iżrael jgħidu lil Nogħemi li Rut, il-frustiera, tiswa “aktar minn seba’ wlied” u li dak iż-żwieġ kien “barka mill-Mulej”. Nogħemi, li kienet mimlija mrar u kienet tgħid li anki isimha hu mrar, fi xjuħitha setgħet tifraħ li ħa jkollha sehem fil-ġenerazzjoni ta’ twelid ġdid. Araw kemm “mirakli” jsieħbu l-konverżjoni ta’ din il-mara anzjana! Hi tikkonverti għall-impenn li tagħmel lilha nfisha disponibbli, bi mħabba, għall-futur ta’ ġenerazzjoni midruba mit-telfa u fir-riskju tal-abbandun. Kollox jerġa’ jinbena mill-ġdid fuq dak li, skont il-probabbiltajiet imħażża mill-preġudizzji tas-sens komun, suppost kellu jġib qasmiet insuperabbli. Imma, bil-fidi u l-imħabba dawn jistgħu jintrebħu: il-kunjata tegħleb l-għira għal binha, u tħobb ir-rabta ġdida li daħlet fiha Rut; in-nisa ta’ Iżrael jegħlbu s-sens ta’ suspett fil-barrani (u jekk dan jagħmluh in-nisa, jagħmlu kulħadd); il-vulnerabbiltà tat-tfajla waħidha, quddiem il-poter tar-raġel, hi rrikonċiljata b’rabta mimlija mħabba u rispett.
U dan kollu għax iż-żagħżugħa Rut webbset rasha u riedet tibqa’ fidila lejn rabta esposta għall-preġudizzju etniku u reliġjuż. U ħa nerġa’ naqbad dak li kont qed ngħid fil-bidu: illum il-kunjata hi persunaġġ mitiku, il-kunjata mhux ħa ngħid li naħsbuha x-xitan, imma dejjem inħarsuha lejha f’dawl ikrah. Imma l-kunjata hi omm żewġek, hija omm martek. Ejjew naħsbu llum f’dan is-sentiment xi ftit jew wisq popolari li l-kunjata aktar ma hi ’l bogħod, aħjar. Le! Hija omm, hija anzjana. Waħda mill-isbaħ affarijiet tan-nanniet hi li jaraw in-neputijiet, meta wliedhom ikollhom l-ulied, huma jieħdu ħajja ġdida. Araw sew ir-rabta li intom għandkom mal-kunjati tagħkom: xi drabi huma xi ftit speċjali, imma huma tawk il-maternità ta’ martek, tawk kollox. Tal-inqas trid tagħmilhom ferħana, biex jibqgħu jixjieħu ferħanin. U jekk għandhom xi difett, għandek tgħinhom jikkoreġu ruħhom. Lilkom il-kunjati wkoll ngħidilkom: attenti mill-ilsien, għax l-ilsien hu wieħed mill-ikreh dnubiet tal-kunjati, attenti.
U Rut f’dan il-ktieb taċċetta lill-kunjata u tagħtiha ħajja ġdida, u x-xwejħa Nogħemi tieħu l-inizjattiva li terġa’ tiftaħ il-futur għal Rut, flok ma tillimita ruħha biss li tgawdi s-sostenn tagħha. Jekk iż-żgħażagħ jiftħu qalbhom bil-gratitudni għal dak li rċivew u x-xjuħ jieħdu l-inizjattiva li jniedu mill-ġdid il-futur tagħhom, min ħa jwaqqaf it-twarrid tal-barkiet ta’ Alla fost il-popli! Nirrakkomandalkom, ħa jitkellmu ż-żgħażagħ max-xjuħ, u ħa jitkellmu x-xjuħ maż-żgħażagħ. Hemm bżonn li dan il-pont nerġgħu nibnuh b’saħħtu, hemmhekk hemm kurrent ta’ salvazzjoni, ta’ hena. Ħa jgħinna l-Mulej nagħmlu dan, biex nikbru fl-armonija fil-familji tagħna, dik l-armonija kostruttiva li tgħaddi mix-xjuħ għaż-żgħar nett, dak il-pont sabiħ li aħna jeħtieġ inħarsu.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard