Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Il-katekeżi tal-lum hi ddedikata lit-tielet waħda mill-virtujiet kardinali, jiġifieri l-qawwa. Ejjew nibdew mid-deskrizzjoni li jagħti tagħha l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Il-qawwa hi virtù morali li tagħtina li nkunu sodi u ma nieqfu qatt milli nfittxu dejjem dak li hu tajjeb, minkejja d-diffikultajiet li magħhom niltaqgħu. Twettaq il-fehma li nirreżistu għat-tiġrib u negħlbu t-tfixkil li miegħu niltaqgħu fil-ħajja morali tagħna. Il-virtù tal-qawwa tagħtina l-ħila nirbħu l-biża’, il-biża’ saħansitra tal-mewt, u nilqgħu wkoll il-persekuzzjonijiet” (n. 1808). Hekk jgħid il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika fuq il-virtù tal-qawwa.
Hawn hi, allura, l-aktar “ġellieda” fost il-virtujiet. Jekk l-ewwel waħda fost il-virtujiet kardinali, jiġifieri l-għaqal, kienet fuq kollox assoċjata mar-raġuni tal-bniedem; u waqt li l-ġustizzja kienet issib l-għamara tagħha fir-rieda; din it-tielet virtù, il-qawwa, spiss l-awturi Skolastiċi jorbtuha ma’ dak li n-nies tal-qedem kienu jsejħu “aptit nervuż”. Il-ħsieb tal-qedem ma kienx jistħajjel bniedem bla passjonijiet: inkella kien ikun ġebla. U ma jfissirx li l-passjonijiet huma bilfors il-fdal ta’ xi dnub; imma dawn għandhom jiġu edukati, indirizzati, imsoffija bl-ilma tal-Magħmudija, jew aħjar bin-nar tal-Ispirtu s-Santu. Nisrani bla kuraġġ, li l-qawwa tiegħu ma jindirizzahiex għal dak li hu tajjeb, li ma jagħti fastidju lil ħadd, hu Nisrani bla siwi. Ejjew naħsbu ftit f’dan! Ġesù mhuwiex Alla trasparenti u sterili, li ma jafx x’inhuma l-emozzjonijiet umani. Bil-maqlub. Quddiem il-mewt ta’ ħabibu Lazzru jinfaqa’ jibki; u f’xi espressjonijiet tiegħu tidher ir-ruħ appassjonata tiegħu, bħal meta jgħid: “Nar ġejt inqabbad fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!” (Lq 12:49); u quddiem in-negozju fit-Tempju rreaġixxa bil-qawwa (ara Mt 21:12-13). Ġesù kellu passjoni fih.
Imma ejjew issa nfittxu deskrizzjoni eżistenzjali ta’ din il-virtù hekk importanti li tgħinna nagħmlu l-frott fil-ħajja. In-nies tal-qedem – sew jekk il-filosfi Griegi, sew jekk it-teologi Nsara – kienu jagħrfu fil-virtù tal-qawwa tendenza doppja, waħda passiva u l-oħra attiva.
L-ewwel waħda tinsab fina stess. Hemm għedewwa interni li rridu negħlbu, li jitfaċċaw taħt l-isem ta’ ansjetà, ta’ stress, ta’ biża’, ta’ ħtija: kollha qawwiet jitqallbu fil-ġewwieni tagħna u li f’xi sitwazzjoni jipparalizzawna. Kemm ġellieda jċedu qabel ma biss jibdew l-isfida! Għax ma jintebħux b’dawn l-għedewwa interni. Il-qawwa hi rebħa qabelxejn kontra tagħna nfusna. Il-parti l-kbira tal-biżgħat li jinbtu fina ma humiex realistiċi, u mhux veru jseħħu. Allura aħjar nitolbu lill-Ispirtu s-Santu u naffrontaw kollox b’qawwa paċenzjuża: problema waħda kull darba, kif aħna kapaċi, imma mhux waħidna! Il-Mulej jinsab magħna, jekk nafdaw fih u nfittxu sinċerament it-tajjeb. Allura f’kull sitwazzjoni nistgħu nserrħu fuq il-Providenza ta’ Alla li jkun it-tarka u l-korazza tagħna.
U mbagħad it-tieni ċaqliqa tal-virtù tal-qawwa, din id-darba ta’ natura iżjed attiva. Lil hemm mill-provi interni, hemm għedewwa esterni, li huma l-provi tal-ħajja, il-persekuzzjonijiet, id-diffikultajiet li ma konniex nistennew u li jissorpenduna. Fil-fatt, nistgħu nippruvaw nipprevedu dak li se ngħaddu minnu, imma fil-parti l-kbira r-realtà hi magħmula minn ġrajjiet li ma jitkejlux, u f’dan il-baħar xi darba d-dgħajsa tagħna tkun se tinqaleb mill-mewġ. Għalhekk il-qawwa tagħmilna baħħara reżistenti, li ma jibżgħux u ma jaqtgħux qalbhom.
Il-qawwa hija virtù fundamentali għax tieħu bis-serjetà l-isfida tal-ħażen fid-dinja. Hemm min jagħmel tabirruħu li dan ma jeżistix, li kollox sejjer sew, li r-rieda umana ma hix hekk għamja xi kultant, li fl-istorja ma hemmx jitqabdu qawwiet mudlama li jġibu l-mewt. Imma biżżejjed inqallbu fi ktieb tal-istorja, jew b’xorti ħażina anki fil-ġurnali, biex niskopru l-attroċitajiet li aħna xi ftit jew wisq vittmi u wkoll protagonisti tagħhom: gwerer, vjolenzi, jasar, oppressjonijiet tal-foqra, ġrieħi li ma tfejqu qatt u li għadhom idemmgħu. Il-virtù tal-qawwa tgħinna nirreaġixxu u ngħajtu “le”, “le” qawwi kontra dan kollu. Fil-Punent komdu tagħna, li xi ftit jew wisq ġab kollox fix-xejn, li bidel il-mixja ta’ perfezzjoni f’sempliċi żvilupp organiku, li ma għandux bżonn ta’ ġlidiet għax kollox jidher ugwali għalih, xi kultant tiġina nostalġija sana ta’ profeti. Imma huma rari ħafna l-persuni skomdi u viżjonarji. Hemm bżonn ta’ xi ħadd li jaqlagħna mill-post komdu li fih drajna u jġagħalna nirrepetu b’ton sod il-“le” tagħna għall-ħażen u għal dak kollu li jwassalna għall-indifferenza. “Le” għall-ħażen u “le” għall-indifferenza; “iva” għall-mixja, għall-mixja li teħodna ’l quddiem, u għal dan jeħtieġ nitqabdu.
Mela ejjew niskopru mill-ġdid fil-Vanġelu l-qawwa ta’ Ġesù, u nitgħallmuha mix-xhieda tal-qaddisin. Grazzi!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard