Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fl-aħħar katekeżi bdejna nirriflettu fuq il-virtujiet teologali. Huma tlieta: fidi, tama u mħabba. L-aħħar darba rriflettejna fuq il-fidi, u llum imiss lit-tama.
“It-tama hi dik il-virtù teologali li biha nixtiequ bħala ġid tagħna s-Saltna tas-smewwiet u l-ħajja ta’ dejjem, aħna u nafdaw fil-wegħdiet ta’ Kristu; nafdaw mhux fil-ħila tagħna iżda fl-għajnuna tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1817). Dawn il-kelmiet jikkonfermawlna li t-tama hija t-tweġiba offruta lil qalbna, meta titfaċċa fina l-mistoqsija assoluta: “X’ħa jiġri minni? Liema hi d-destinazzjoni tal-vjaġġ? X’inhu d-destin tad-dinja?”.
Ilkoll nintebħu li tweġiba negattiva għal dawn il-mistoqsijiet iġġib biss swied ta’ qalb. Jekk ma hemmx sens għall-vjaġġ tal-ħajja, jekk fil-bidu u fit-tmiem hemm il-vojt, allura nistaqsu lilna nfusna fl-aħħar mill-aħħar xi skop fiha li nimxu: minn hawn jiġi l-qtigħ ta’ qalb tal-bniedem, is-sensazzjoni li xejn ma għandu sens. U ħafna jistgħu anki jirribellaw: għamilt sforz biex inkun virtuż, biex inkun għaqli, ġust, qawwi, meqjus. Kont ukoll bniedem ta’ fidi… Għal xiex swietli t-taqbida tiegħi jekk kollox jintemm hawn? Jekk tiġi nieqsa t-tama, il-virtujiet l-oħra kollha jirriskjaw li jiġġarrfu u li jiġu suf. Jekk ma jeżistix futur li tista’ toqgħod fuqu, xefaq li fih id-dawl, ma jibqgħalna xejn għajr li nikkonkludu li l-ħajja tal-virtù hi taħbit bla bżonn. “Hu biss meta l-ġejjieni hu ċert bħala realtà pożittiva, li l-preżent ukoll isir jista’ jingħax”, kiteb Benedittu XVI (Ittra enċiklika Spe salvi, 2).
In-Nisrani għandu t-tama mhux b’xi mertu tiegħu. Jekk jemmen fil-futur, dan għax Kristu miet u rxoxta u tana l-Ispirtu tiegħu. “Il-fidwa ngħatatilna fis-sens li ngħatatilna t-tama, tama soda, li bis-saħħa tagħha nistgħu nħabbtu wiċċna mal-preżent” (ibid., 1). F’dan is-sens, għal darb’oħra, intennu li t-tama hija virtù teologali: mhix ħierġa minna, mhijiex xi fissazzjoni li rridu nikkonvinċu lilna nfusna dwarha, imma hi rigal li jiġi direttament minn Alla.
Lil tant Insara dubjużi, li ma kinux għalkollox imwielda mill-ġdid fit-tama, l-Appostlu Pawlu jpoġġilhom quddiemhom il-loġika ġdida tal-esperjenza Nisranija: “U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom. U mitlufa wkoll huma dawk li raqdu fi Kristu. Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin” (1 Kor 15:17-19). Bħallikieku qed jgħid: jekk temmen fil-qawmien ta’ Kristu, allura taf b’ċertezza li ebda telfa u ebda mewt ma hi għal dejjem. Imma jekk ma temminx fil-qawmien ta’ Kristu, allura kollox isir vojt, saħansitra l-predikazzjoni tal-Appostli.
It-tama hija virtù li kontriha nidinbu spiss: fin-nostalġiji żbaljati tagħna, fil-malinkoniji tagħna, meta naħsbu li l-ferħ tal-imgħoddi hu midfun taħt it-trab għal dejjem. Nidinbu kontra t-tama meta naqtgħu qalbna quddiem id-dnubiet tagħna, u ninsew li Alla hu ħanin u hu ikbar mill-qalb tagħna. Ejjew ma ninsewx, ħuti: Alla kollox jaħfer, Alla dejjem jaħfer. Huwa aħna li negħjew nitolbu maħfra. Imma ma ninsewhiex din il-verità: Alla jaħfer kollox, Alla jaħfer dejjem. Nidinbu kontra t-tama meta fina l-ħarifa teqred ir-rebbiegħa; meta l-imħabba ta’ Alla ma tibqax għalina nar etern u ma nsibux il-kuraġġ li nieħdu deċiżjonijiet li jimpenjawna għal ħajjitna kollha.
Id-dinja tal-lum għandha wisq bżonn ta’ din il-virtù Nisranija! Id-dinja għandha bżonn tat-tama, kif għandha tant bżonn tas-sabar, virtù li timxi id f’id mat-tama. Il-bnedmin li jistabru huma nissieġa tat-tajjeb. Huma ffissati fix-xewqa għall-paċi, u mqar jekk xi wħud huma mgħaġġlin u jridu kollox issa u malajr, is-sabar għandu l-ħila tal-istennija. Imqar meta madwaru ħafna ċedew għall-qtigħ il-qalb, min hu mmexxi mit-tama u jistabar ikun kapaċi jgħaddi mill-aktar iljieli mudlama. Tama u sabar imorru id f’id.
It-tama hija l-virtù ta’ min għandu qalbu żagħżugħa; u hawn ma tiswiex l-età anagrafika. Għax hemm ukoll nies xjuħ b’għajnejhom mimlija dawl, li jgħixu f’tensjoni permanenti lejn il-futur. Biżżejjed naħsbu f’dawk iż-żewġt ixjuħ kbar tal-Vanġelu, Xmun u Anna: qatt ma għejew jistennew, u rnexxielhom jaraw l-aħħar parti tal-mixja tagħhom imbierka mil-laqgħa mal-Messija, li huma għarfu f’Ġesù, meħud it-Tempju mill-ġenituri tiegħu. Xi grazzja li kellu jkun hekk għalina lkoll! Jekk wara pellegrinaġġ twil, il-qalb tagħna titlaq fl-art il-ħorġa u l-ħatar, u timtela bil-ferħ li qatt ma tkun ġarrbet bħalu qabel, u aħna wkoll inkunu nistgħu ninfexxu u ngħidu: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek / imur fis-sliem, skont kelmtek, / għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek / li int ħejjejt għall-popli kollha, / dawl biex idawwal il-ġnus, / u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2:29-32).
Ħuti, ejjew nibqgħu mexjin u nitolbu l-grazzja li jkollna t-tama, it-tama u s-sabar. Dejjem inħarsu ’l quddiem lejn dik il-laqgħa dejjiema; dejjem naħsbu kif il-Mulej jinsab qrib tagħna, kif qatt u qatt il-mewt mhi ħa toħroġ rebbieħa! Ejjew nimxu ’l quddiem u nitolbu lill-Mulej jagħtina din il-virtù kbira tat-tama, imsieħba mis-sabar. Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard