Katekeżi. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 6. “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi”. L-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija ta’ Ġesù
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nirriflettu fuq l-Ispirtu s-Santu li jinżel fuq Ġesù fil-magħmudija tal-Ġordan u minnu jixtered fil-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. Fil-Vanġelu ta’ Marku x-xena tal-magħmudija ta’ Ġesù hi mfissra hekk: “U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: ‘Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi’” (Mk 1:9-11).
It-Trinità kollha, f’dak il-mument, iltaqgħet fuq ix-xatt tal-Ġordan! Hemm il-Missier kien preżenti bil-leħen tiegħu; hemm l-Ispirtu s-Santu li jinżel fuq Ġesù f’għamla ta’ ħamiema; u hemm dak li l-Missier jipproklama bħala Ibnu l-maħbub, Ġesù. Huwa mument importanti ħafna tar-Rivelazzjoni, huwa mument importanti fl-istorja tas-salvazzjoni. Nagħmlu tajjeb li nerġgħu naqraw din is-silta tal-Vanġelu.
X’ġara daqshekk importanti fil-magħmudija ta’ Ġesù li wassal lill-Evanġelisti kollha biex jirrakkuntawh? It-tweġiba nsibuha fil-kelmiet li Ġesù jlissen, ftit taż-żmien wara, fis-sinagoga ta’ Nazaret, b’riferiment ċar għall-ġrajja tal-Ġordan: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani” (Lq 4:18).
Fil-Ġordan Alla l-Missier “dilek bl-Ispirtu s-Santu”, jiġifieri kkonsagra lil Ġesù bħala Sultan, Profeta u Saċerdot. Fil-fatt, biż-żejt ifuħ kienu jiġu midluka fit-Testment il-Qadim is-slaten, il-profeti u s-saċerdoti. Fil-każ ta’ Kristu, flok iż-żejt fiżiku, hemm iż-żejt spiritwali li hu l-Ispirtu s-Santu, flok is-simbolu hemm ir-realtà: hemm l-Ispirtu nnifsu li jinżel fuq Ġesù.
Ġesù kien mimli bl-Ispirtu s-Santu sa mill-ewwel waqt tal-Inkarnazzjoni tiegħu. Imma dik kienet “grazzja personali”, li ma tistax tgħaddi għand ħaddieħor; imma issa, b’din id-dilka, jirċievi l-milja tad-don tal-Ispirtu din id-darba għall-missjoni tiegħu li, bħala ras, hu jgħaddiha lill-ġisem tiegħu li hija l-Knisja, u lil kull wieħed u waħda minna. Għalhekk il-Knisja hija l-“poplu regali, poplu profetiku, poplu saċerdotali” ġdid. It-terminu Ebrajk “Messija” jikkorrispondi mal-kelma Griega “Kristu” – Christós –, li t-tnejn jintużaw b’riferiment għal Ġesù, u jfissru “midluk”: hu ġie midluk biż-żejt tal-ferħ, midluk bl-Ispirtu s-Santu. L-istess isem tagħna ta’ “Kristjani” l-Missirijiet tal-Knisja mbagħad fissruh fis-sens litterali: Kristjani jfisser “midluka f’xebh ma’ Kristu”.[i]
Hemm Salm fil-Bibbja li jitkellem fuq żejt ifuħ, imsawwab fuq ras il-qassis il-kbir Aaron u li jinżel sa fuq għonq ħwejġu (ara Salm 133:2). Din ix-xbieha poetika taż-żejt li jinżel, użata biex tfisser il-ferħ ta’ dawk li jgħixu flimkien bħala aħwa, saret realtà spiritwali u realtà mistika fi Kristu u fil-Knisja. Kristu huwa r-ras, il-Qassis il-Kbir tagħna, l-Ispirtu s-Santu hu ż-żejt ifuħ, u l-Knisja hija l-ġisem ta’ Kristu li fih huwa jixtered.
Rajna għaliex l-Ispirtu s-Santu, fil-Bibbja, hu ssimbolizzat mir-riħ u, anzi, jieħu minnu l-istess isem tiegħu, Ruah – riħ. Tajjeb li nistaqsu għaliex hu ssimbolizzat miż-żejt, u liema tagħlim prattiku nistgħu nisiltu minn dan is-simbolu. Fil-Quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka, waqt il-konsagrazzjoni taż-żejt imsejjaħ “Griżma”, l-Isqof jirriferi għal dawk li se jirċievu d-dilka fil-Magħmudija u fil-Konfirmazzjoni, u jgħid hekk: “Agħmel li wara li jindilku b’din il-griżma li tqaddes, huma jeħilsu mit-taħsir tal-ewwel twelid, isiru tempju tal-kobor tiegħek, u jibdew ixerrdu madwarhom il-fwieħa ta’ ħajja li togħġbok”. Hija applikazzjoni li tmur lura għal San Pawl, li lill-Korintin jiktbilhom: “Għaliex aħna nwasslu l-fwieħa ta’ Kristu” (2 Kor 2:15). Id-dilka tagħmel minna fwieħa, u anki persuna li tgħix bil-ferħ id-dilka tagħha tfewwaħ lill-Knisja, tfewwaħ il-komunità, tfewwaħ il-familja b’din il-fwieħa spiritwali.
Aħna nafu li, b’xorti ħażina, xi drabi l-Insara ma jxerrdux il-fwieħa ta’ Kristu, imma r-riħa tinten tad-dnub tagħhom. U ma ninsew qatt: id-dnub ibegħidna minn Ġesù, id-dnub jibdilna f’żejt jinten. U x-xitan – ma ninsewhx dan – is-soltu, ix-xitan jidħol mill-bwiet – attenti. U dan, madankollu, ma għandux iwarrbilna ħarsitna mill-impenn li nwettqu, skont kemm nistgħu u kull wieħed fl-ambjent tiegħu, din il-vokazzjoni għolja li nkunu l-fwieħa t-tajba ta’ Kristu fid-dinja. Il-fwieħa ta’ Kristu toħroġ mill-“frott tal-Ispirtu”, li huma “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22). Dan qalu Pawlu, u kemm hu sabiħ li tara persuna li għandha dawn il-virtujiet: persuna li tħobb, persuna hienja, persuna li ġġib il-paċi, persuna qalbha kbira, mhux xħiħa, persuna twajba li tilqa’ lil kulħadd, persuna tajba. Sabiħ li tiltaqa’ ma’ persuna twajba, persuna fidila, persuna umli u ħelwa, li mhijiex imkabbra… Jekk nagħmlu sforz biex nikkultivaw dan il-frott u meta aħna nsibu dawn it-tip ta’ persuni allura, mingħajr ma nintebħu, xi ħadd ikun jista’ jxomm madwarna xi ftit mill-fwieħa tal-Ispirtu ta’ Kristu. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jagħmilna aktar konxji li aħna midluka, midluka minnu.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[i] Ara San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, Katekeżi mistagoġika, III,1.