Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
San Pawl, namrat ta’ Ġesù Kristu u li kien fehem tajjeb x’kienet is-salvazzjoni, għallimna li “wlied il-wegħda” (Gal 4:28) – jiġifieri lkoll kemm aħna, iġġustifikati minn Ġesù Kristu – mhumiex qegħdin taħt ir-rabta tal-Liġi, imma huma msejħin għall-istil ta’ ħajja impenjattiv fil-libertà tal-Vanġelu. Il-Liġi, imma, teżisti. Imma teżisti b’mod ieħor: l-istess Liġi, l-Għaxar Kmandamenti, imma b’mod ieħor, għax minnha nfisha ma tistax tiġġustifika, issa li ġie l-Mulej Ġesù. U għalhekk, fil-katekeżi tal-lum dan nixtieq infisser. U nistaqsu: x’inhu, skont l-Ittra lill-Galatin, ir-rwol tal-Liġi? Fis-silta li għadna kemm smajna, Pawlu jisħaq li l-Liġi kienet bħal pedagogu. Hi xbieha sabiħa din tal-pedagogu li dwarha tkellimna fl-udjenza li għaddiet, xbieha li jixirqilha li nifhmuha fis-sens it-tajjeb.
L-Appostlu donnu qed jissuġġerixxi lill-Insara biex jaqsmu l-istorja tas-salvazzjoni fi tnejn, u anki l-istorja personali tiegħu. Huma żewġ mumenti: qabel ma bdejna nemmnu fi Kristu Ġesù u wara li rċivejna l-fidi. Fiċ-ċentru hemm il-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, li Pawlu pprietka biex iħeġġeġ għall-fidi fl-Iben ta’ Alla, għajn ta’ salvazzjoni, u fi Kristu Ġesù aħna ġġustifikati. Aħna ġġustifikati b’xejn mill-fidi fi Kristu Ġesù. Għalhekk, ibda mill-fidi fi Kristu, hemm “qabel” u “wara” fil-konfront tal-istess Liġi, għax il-liġi hemm qiegħda, il-Kmandamenti hemm qegħdin, imma hemm atteġġjament qabel il-miġja ta’ Ġesù u mbagħad wara. L-istorja li ġiet qabel hi ddeterminata mill-fatt li konna “taħt il-Liġi”. U min kien jimxi fit-triq tal-Liġi kien isalva, kien iġġustifikat; dik ta’ wara – wara l-miġja ta’ Ġesù – għandna ngħixuha billi nimxu skont l-Ispirtu s-Santu (ara Gal 5:25). Hija l-ewwel darba li Pawlu jinqeda b’din l-espressjoni: li aħna “taħt il-Liġi”. It-tifsira ta’ din il-kelma għandha magħha l-idea ta’ sottomissjoni negattiva, tipika tal-ilsiera: “aħna taħt”. L-Appostlu dan jespliċitah meta jgħid li meta nkunu “taħt il-Liġi” bħal qisna nkunu “mgħassa” u “magħluqa”, speċi ta’ kustodja preventiva. Dan iż-żmien, jgħid San Pawl, ħa fit-tul – minn Mosè sal-miġja ta’ Ġesù –, u jibqa’ għal min jgħix fid-dnub.
Ir-relazzjoni bejn il-Liġi u d-dnub l-Appostlu jesponiha b’mod iżjed sistematiku fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, miktuba ftit tas-snin wara dik lill-Galatin. Fil-qosor, il-Liġi twassal biex tiddefinixxi l-ksur tagħha u turi lill-persuni d-dnub tagħhom: “Int għamilt hekk, u għalhekk il-Liġi – l-Għaxar Kmandamenti – tgħid hekk: int qiegħed fid-dnub”. Anzi, kif tgħallimna l-esperjenza komuni, il-preċett jispiċċa biex iħajjar għall-ksur tiegħu. Jikteb hekk fl-Ittra lir-Rumani: “Sakemm konna fil-ġisem, il-ġibdiet tad-dnub kienu jaħkmu fina permezz tal-liġi fil-membri tal-ġisem tagħna biex nagħmlu l-frott għall-mewt. Issa aħna nħallejna mil-Liġi għax mitna għal dak li kien iżommna lsiera” (7:5-6). Għaliex? Għax waslet il-ġustifikazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Pawlu jagħtina l-viżjoni tiegħu tal-Liġi: “In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi” (1 Kor 15:56). Djalogu: int tinsab taħt il-Liġi, u tinsab hemm bil-bieb miftuħ għad-dnub.
F’dan il-kuntest aktar jikseb is-sens sħiħ tiegħu r-riferiment għar-rwol pedagoġiku li għandha l-Liġi. Imma l-Liġi hi l-pedagogu, li twasslek, fejn? Għand Ġesù. Fis-sistema skolastika tal-qedem il-pedagogu ma kellux il-funzjoni li nagħtuh illum, jiġifieri dik li jgħin fl-edukazzjoni ta’ tifel jew tifla. F’dak iż-żmien, kien ilsir li kellu x-xogħol li jieħu lit-tifel ta’ sidu għand l-għalliem u mbagħad iwasslu lura d-dar. U allura ried iħarsu mill-perikli, jgħasses fuqu biex ma jġibx ruħu ħażin. Il-funzjoni tiegħu kienet pjuttost dixxiplinari. Meta t-tifel isir adult, il-pedagogu kienu jispiċċawlu l-funzjonijiet tiegħu. Il-pedagogu li għalih qed jirriferi Pawlu, ma kienx l-għalliem, imma kien dak li jakkumpanja għall-iskola, jgħasses fuq it-tifel u jieħdu lura d-dar.
San Pawl jirreferi għal-Liġi b’dan il-mod biex jista’ jiċċara l-funzjoni tagħha fl-istorja ta’ Iżrael. It-Torah, jiġifieri l-Liġi, kien att ta’ tjieba min-naħa ta’ Alla mal-poplu tiegħu. Wara li għażel lil Abraham, l-att l-ieħor kbir kien il-Liġi: jurih it-triq biex jimxi fiha ’l quddiem. Ċertament kellha funzjonijiet restrittivi, imma fl-istess waqt ipproteġiet lill-poplu, edukatu, iddixxiplinatu u weżnitu fid-dgħufija tiegħu, fuq kollox il-protezzjoni quddiem il-paganiżmu; kien hemm tant imġibiet pagani f’dak iż-żmien. Jgħid it-Torah: “Hemm Alla wieħed li jmexxina fit-triq”. Att ta’ tjieba tal-Mulej. U bla dubju, kif għidt, kellha funzjonijiet restrittivi, imma fl-istess waqt kienet ipproteġiet lill-poplu, edukatu, iddixxiplinatu, weżnitu fid-dgħufija tiegħu. U għalhekk l-Appostlu mbagħad jieqaf ftit biex ifisser il-fażi tal-età tat-tfulija. U jgħid hekk: “Irrid ngħid li, sakemm idum iż-żmien li fih il-werriet ikun għadu tifel, dan ma jkunx aħjar minn ilsir, għad li hu sid il-ġid kollu; iżda jkun taħt il-ħarsien tat-tuturi u tal-amministraturi, sa ma jasal iż-żmien magħżul mill-missier. Hekk ukoll aħna: meta konna tfal, konna lsiera taħt l-elementi tad-dinja” (Gal 4:1-3).
F’kelma waħda, il-konvinzjoni tal-Appostli hi li l-Liġi ċertament għandha funzjoni pożittiva – dik ta’ pedagogu li jgħin biex wieħed jimxi ’l quddiem –, imma hija funzjoni limitata fiż-żmien. Ma nistgħux inġebbdu t-tul tagħha iktar milli suppost, għax hi marbuta mal-maturazzjoni tal-persuni u mal-għażla tagħhom ta’ libertà. Ladarba jaslu għall-fidi, il-Liġi ma jibqgħalhiex il-valur propedewtiku tagħha u trid iċċedi postha lil awtorità oħra. Xi jfisser dan? Li ladarba tintemm il-Liġi nistgħu ngħidu: “Nemmnu f’Ġesù Kristu u nagħmlu dak li rridu”? Le! Il-Kmandamenti hemm qegħdin, imma mhux huma li jiġġustifikawna. Dak li jiġġustifikana hu Ġesù Kristu. Il-Kmandamenti rridu nosservawhom, imma ma jagħtuniex il-ġustizzja; hemm dak li jagħtina b’xejn Ġesù Kristu, il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu li tiġġustifikana b’xejn. Il-fidi timmeritalna li nirċievu lil Ġesù. L-uniku mertu: niftħu qalbna. U x’se nagħmlu bil-Kmandamenti? Jeħtieġ nosservawhom, imma bħala għajnuna għal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù Kristu.
Dan it-tagħlim fuq il-valur tal-liġi hu importanti ħafna u jixraqlu l-attenzjoni tagħna biex ma naqgħux f’ekwivoki u nagħmlu passi foloz. Nagħmlu sew nistaqsu jekk għadniex qed ngħixu fiż-żmien li fih għad għandna bżonn tal-Liġi, jew inkella nafux tajjeb li rċivejna l-grazzja li nsiru wlied Alla biex ngħixu fl-imħabba. Kif qed ngħix jien? Fil-biża’ li jekk ma nagħmilx din il-ħaġa ħa mmur l-infern? Jew qed ngħix ukoll b’dik it-tama, b’dak il-ferħ tas-salvazzjoni li ksibt b’xejn f’Ġesù Kristu? Hi mistoqsija sabiħa. U anki t-tieni waħda: inkasbar il-Kmandamenti? Le. Nosservahom, imma mhux bħala ħaġa assoluta, għax naf li dak li jiġġustifikani hu Ġesù Kristu.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard