Għeżież ħuti, l-Għid it-tajjeb, l-għodwa t-tajba!
U wasalna għat-tieni virtù kardinali: illum se nitkellmu fuq il-ġustizzja. Hija l-virtù soċjali per eċċellenza. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiddefiniha hekk: “Il-virtù morali li biha b’rieda soda u kostanti, nagħtu ’l Alla u lil għajrna dak li jistħoqqilhom” (n. 1807). Din hi l-ġustizzja. Spiss, meta nsemmu l-ġustizzja, nikkwotaw ukoll il-motto li jirrappreżentaha: “unicuique suum” jiġifieri “kulħadd jieħu dak li ħaqqu”. Hija l-virtù tad-dritt, li tfittex tirregola b’mod ekwu r-relazzjonijiet bejn il-persuni.
B’mod allegoriku hija rrappreżentata mill-miżien, għax tipprova “tibbilanċja l-kontijiet” bejn il-bnedmin, fuq kollox meta jirriskjaw li jkunu mqarrqa minn xi nuqqas ta’ żbilanċ. L-għan tagħha hu li f’soċjetà kulħadd jiġi ttrattat skont id-dinjità tiegħu. Imma diġà l-imgħallmin tal-qedem kienu jgħallmu li għal dan hemm bżonn ukoll ta’ atteġġjamenti oħra ta’ virtù, bħall-benevolenza, ir-rispett, il-gratitudni, l-affabbiltà, l-onestà: virtujiet li jgħinu biex il-persuni jgħixu fis-sliem ma’ xulxin. Il-ġustizzja hija virtù għall-għajxien tajjeb tal-persuni ma’ xulxin.
Ilkoll kemm aħna nifhmu kif il-ġustizzja hi fundamentali għall-konvivenza paċifika fis-soċjetà: dinja mingħajr liġijiet li jirrispettaw id-drittijiet tkun dinja li impossibbli tgħix fiha, tkun qisha ġungla. Bla ġustizzja ma hemmx paċi. Bla ġustizzja ma hemmx paċi. Fil-fatt, jekk il-ġustizzja ma tiġix irrispettata, jinħolqu l-kunflitti. Bla ġustizzja, inkunu qed nagħtu d-dritta lil-liġi tal-abbuż ta’ min hu b’saħħtu fuq min hu dgħajjef, u dan mhux ġust.
Imma l-ġustizzja hi virtù li taġixxi fil-kbir, kif taġixxi fiż-żgħir: ma tmissx biss l-awli tal-qrati, imma anki l-etika li timmarka l-ħajja tagħna ta’ kuljum. Tistabbilixxi mal-oħrajn relazzjonijiet sinċiera: twettaq il-preċett tal-Vanġelu, li kliem in-Nisrani għandu jkun: “‘Iva, iva’, ‘Le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin” (Mt 5:37). In-nofs veritajiet, id-diskorsi sottili biex iqarrqu bil-proxxmu, is-skiet li jaħbi l-fehmiet vera, dawn ma humiex atteġġjamenti li jaqblu mal-ġustizzja. Il-bniedem ġust huwa rett, sempliċi u skjett, ma jilbisx maskri, jippreżenta ruħu għal dak li hu, jitkellem bil-verità. Fuq fommu spiss issib il-kelma “grazzi”: jaf li, nisfurzaw kemm nisfurzaw biex inkunu ġenerużi, nibqgħu dejjem midjuna fil-konfront tal-proxxmu. Jekk inħobbu, dan ukoll għax qabel ġejna maħbuba.
Fit-tradizzjoni nistgħu nsibu għadd bla qies ta’ deksrizzjonijiet tal-bniedem ġust. Ħa naraw xi wħud minnhom. Il-bniedem ġust għandu qima għal-liġijiet u jirrispettahom, għax jaf li huma ħajt li lil dawk li ma għandhomx min jiddefendihom, jipproteġihom mill-arroganza tas-setgħanin. Il-bniedem ġust ma jaħsibx biss fil-ġid individwali tiegħu, imma jrid il-ġid tas-soċjetà kollha. Allura ma jċedix għat-tentazzjoni li jaħseb biss fih innifsu u li jieħu ħsieb biss tal-ħwejjeġ tiegħu, huma kemm huma leġittimi, bħallikieku kienu l-unika ħaġa li teżisti fid-dinja. Il-virtù tal-ġustizzja tagħmilha ċara – u tpoġġi din l-esiġenza fil-qalb – li ma jistax ikun hemm veru ġid għalija jekk ma hux anki l-ġid ta’ kulħadd.
Għalhekk il-bniedem ġust jgħasses fuq l-imġiba tiegħu nnifsu, biex ma jagħmilx ħsara lill-oħrajn: jekk jiżbalja, jitlob skuża. Il-bniedem ġust dejjem jitlob skuża. F’xi sitwazzjoni jasal biex jissagrifika ġid personali biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-komunità. Jixtieq soċjetà ordnata, fejn huma l-persuni li jagħtu prestiġju lill-karigi, u mhux il-karigi li jagħtu prestiġju lill-persuni. Jabborixxi r-rakkomandazzjonijiet u ma jinnegozjax favuri. Iħoss ir-responsabbiltà u hu eżemplari f’li jgħix u jippromovi l-legalità. Fil-fatt, din hi t-triq tal-ġustizzja, l-antidotu għall-korruzzjoni: kemm hu importanti nedukaw il-persuni, b’mod partikulari ż-żgħażagħ, għall-kultura tal-legalità! Din hija t-triq tal-prevenzjoni kontra l-kankru tal-korruzzjoni u biex neqirdu minn fostna l-kriminalità, niġbdulha t-tapit minn taħt saqajha.
Mill-ġdid, il-ġust jaħrab imġibiet li jagħmlu l-ħsara bħall-kalunnja, ix-xhieda falza, il-frodi, l-użura, iż-żuffjett, id-diżonestà. Il-ġust iżomm il-kelma li jkun ta, irodd dak li jkun issellef, jagħraf is-salarju korrett lill-ħaddiema kollha – bniedem li ma jirrikonixxix il-paga t-tajba li tmiss lill-ħaddiema, mhuwiex ġust, hu inġust – iżomm lura milli jlissen ġudizzji imprudenti fuq il-proxxmu, jiddefendi l-fama u l-isem tajjeb ta’ ħaddieħor.
Ħadd minna ma jaf jekk fid-dinja tagħna l-bnedmin ġusti humiex ħafna jew rari bħall-ġawhar prezzjuż. Imma huma bnedmin li jiġbdu grazzja u barkiet kemm fuqhom stess, kemm fuq id-dinja li fiha jgħixu. Mhumiex telliefa ħdejn dawk li “moħħhom jilħqilhom”, għax, kif tgħid l-Iskrittura, “min jimxi bil-ġustizzja u t-tjieba, ikollu ħajja u ġieħ” (Prov 21:21). Il-ġusti ma humiex moralisti li jagħmluha ta’ ċensur, imma persuni retti li “huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja” (Mt 5:6), ħalliema li jħarsu f’qalbhom ix-xewqa ta’ fraternità universali. U ta’ din il-ħolma, speċjalment illum, għandna lkoll bżonn kbir. Għandna bżonn li nkunu bnedmin ġusti, u dan jagħtina l-ferħ.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard