Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
F’dawn il-jiem qed nitkellmu fuq il-libertà tal-fidi, aħna u nisimgħu l-Ittra lill-Galatin. Imma ġieni f’moħħi dak li Ġesù qal fuq l-ispontanjetà u l-libertà tat-tfal, meta dan it-tifel bil-libertà kollha resaq lejja u qagħad idur qisu qiegħed id-dar… U Ġesù jgħidilna: “Intom ukoll, jekk ma tagħmlux bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet”. Il-kuraġġ li nersqu lejn il-Mulej, li nkunu miftuħin għall-Mulej, li ma nibżgħux mill-Mulej: jiena nirringrazzjah lil dan it-tifel tal-lezzjoni li ta lilna lkoll. U jalla l-Mulej jgħinu fil-limitazzjoni tiegħu, huwa u jikber, għax ta din ix-xhieda li ħarġet minn qalbu. It-tfal ma għandhomx traduttur awtomatiku mill-qalb għall-ħajja: il-qalb tibqa’ għaddejja.
L-Appostlu Pawlu, bl-Ittra tiegħu lill-Galatin, ftit ftit idaħħalna fil-kobor tal-ġdid tal-fidi, naqra naqra. Hu tassew ġdid kbir, għax mhux biss iġedded xi aspett jew ieħor tal-ħajja, imma jdaħħalna f’dik il-“ħajja ġdida” li rċivejna bil-Magħmudija. Hemm jissawwab fuqna l-akbar don, dak li nsiru wlied Alla. Imwielda mill-ġdid fi Kristu, għaddejna minn reliġjożità magħmula minn preċetti għall-fidi ħajja, li għandha l-qalba tagħha fil-komunjoni ma’ Alla u mal-aħwa, jiġifieri fl-imħabba. Aħna għaddejna mill-jasar tal-biża’ u tad-dnub għal-libertà ta’ wlied Alla. Għal darb’oħra l-kelma libertà.
Illum ħa nippruvaw nifhmu aħjar liema hi għall-Appostlu l-qalba ta’ din il-libertà. Pawlu jistqarr li din hi ħafna iżjed milli “tinqeda għall-ġisem” (ara Gal 5:13): jiġifieri l-libertà mhijiex libertinaġġ, li wieħed jgħix skont il-ġisem jew skont l-istint, bil-ġibdiet individwali u l-impulsi egoistiċi tiegħu; bil-maqlub, il-libertà ta’ Ġesù twassalna biex – jikteb l-Appostlu – “naqdu lil xulxin fl-imħabba” (ibid.). Imma dan hu jasar? Iva, il-libertà fi Kristu għandha ċertu “jasar”, dimensjoni li twassalna għall-qadi, biex ngħixu għal xulxin. Il-libertà vera, fi kliem ieħor, tesprimi ruħha b’mod sħiħ fil-karità. Għal darb’oħra ninsabu quddiem il-paradoss tal-Vanġelu: aħna ħielsa meta naqdu, mhux meta nagħmlu dak li rridu. Aħna ħielsa meta naqdu, u hemm tiġi l-libertà; niksbu ħajjitna b’mod sħiħ skont kemm ningħataw. Nirbħu ħajjitna skont kemm nagħtuha, skont kemm ikollna l-kuraġġ li ningħataw; ħajjitna nirbħuha jekk nitilfuha (ara Mk 8:35). Dan hu Vanġelu pur.
Imma kif infissruh dan il-paradoss? It-tweġiba tal-Appostlu tant hi sempliċi daqskemm hi impenjattiva: “fl-imħabba” (Gal 5:13). Ma hemmx libertà mingħajr imħabba. Il-libertà egoistika li nagħmel dak li rrid mhi libertà xejn, għax iddur fuqha nfisha, u mhijiex għammiela. Hi l-imħabba ta’ Kristu li ħelsitna u mill-ġdid hi l-imħabba li teħlisna mill-agħar jasar, dak tagħna nfusna; għalhekk il-libertà tikber mal-imħabba. Imma attenti: mhux mal-imħabba intimistika, mal-imħabba tat-telenovelas, mhux mal-passjoni li tfittex sempliċiment dak li jfettlilna u li jogħġobna, imma mal-imħabba li nilmħu fi Kristu, il-karità: din hi l-imħabba tassew ħielsa u li teħlisna. Hija l-imħabba li tilma fil-qadi b’xejn, imsawwar fuq dak ta’ Ġesù, li jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). Naqdu lil xulxin.
Għal Pawlu, allura, il-libertà ma tfissirx “nagħmel dak li jidhirli u jogħġobni”. Din it-tip ta’ libertà, mingħajr skop u mingħajr riferimenti, tkun libertà vojta, libertà taċ-ċirku: mhix tajba. U fil-fatt tħalli l-vojt fuq ġewwa: kemm drabi, wara li nkunu mxejna biss mal-istint tagħna, nintebħu li jibqa’ vojt kbir ġo fina u li nkunu użajna ħażin it-teżor tal-libertà tagħna, il-ġmiel li nistgħu nagħżlu l-veru ġid tagħna u tal-oħrajn. Din il-libertà biss hija sħiħa, konkreta, u ddaħħalna fil-ħajja vera ta’ kuljum. Il-vera libertà teħlisna dejjem, imma meta nfittxu dik il-libertà ta’ “x’jogħġobni u ma jogħġobnix”, fl-aħħar nibqgħu vojta.
F’ittra oħra, l-Ewwel waħda lill-Korintin, l-Appostlu jwieġeb lil min iħaddan idea żbaljata ta’ libertà. “Kollox hu sewwa!”, jgħidu dawn. “Iva, imma mhux kollox jaqbel”, iwieġeb Pawlu. “Kollox jiswa, iżda mhux kollox jedifika”, jirribatti l-Appostlu. Li mbagħad iżid: “Ħadd ma għandu jqis qiesu biss, iżda qies ħaddieħor” (1 Kor 10:23-24). Din hija r-regola biex nikxfu l-maskla ta’ kull libertà egoistika. Barra minn hekk, lil min hu ttentat jirriduċi l-libertà biss għall-gosti tiegħu, Pawlu jqegħedlu quddiemu l-esiġenza tal-imħabba. Il-libertà mmexxija mill-imħabba hija l-unika li tagħmel ħielsa lill-oħrajn u lilna stess, li taf tisma’ mingħajr ma timponi, li taf tħobb mingħajr ma ġġiegħel, li tedifika u ma teqridx, li ma tisfruttax lill-oħrajn għall-kumditajiet tagħha u li tagħmlilhom il-ġid mingħajr ma tfittex dak li hu utli għaliha. F’kelma waħda, jekk il-libertà ma tkunx għall-qadi – din hija l-prova – jekk il-libertà ma tkunx għall-qadi tat-tajjeb, tirriskja li ssir sterili u ma tagħmilx frott. Imma, il-libertà mmexxija mill-imħabba twassalna għand il-foqra, u f’wiċċhom nagħrfu dak ta’ Kristu. Għalhekk il-qadi lil xulxin jippermetti lil Pawlu, meta jikteb lill-Galatin, biex jagħfas fuq ħaġa li xejn ma hi sekondarja: hekk, huwa u jitkellem fuq il-libertà li l-Appostli l-oħra tawh biex jevanġelizza, jisħaq li huma rrakkomandawlu biss ħaġa waħda: li jiftakar fil-foqra (ara Gal 2:10). Interessanti dan. Meta wara dik il-ġlieda ideoloġika bejn Pawlu u l-Appostli, imbagħad ftiehmu, x’qalulu l-Appostli: “Mur, mur u tinsiex il-foqra”, jiġifieri li l-libertà tiegħek ta’ predikatur tkun libertà għall-qadi tal-oħrajn, mhux għalik innifsek, li tagħmel dak li jogħġob lilek.
Imma nafu li wieħed mill-kunċetti moderni l-aktar mifruxa tal-libertà hu dan: “il-libertà tiegħi tispiċċa fejn tibda tiegħek”. Imma hawn hemm nieqsa r-relazzjoni! Hija viżjoni individwalistika. Imma, min irċieva d-don tal-ħelsien li ġab Ġesù ma jistax jaħseb li l-libertà tikkonsisti f’li wieħed joqgħod bogħod mill-oħrajn, jarahom bħala fastidju għalih, ma jistax jara lill-bniedem imsakkar fih innifsu, imma dejjem parti minn komunità. Id-dimensjoni soċjali hi fundamentali għall-Insara, u tagħtihom li jħarsu lejn il-ġid komuni u mhux lejn l-interess privat.
Fuq kollox f’dan il-mument storiku għandna bżonn niskopru mill-ġdid id-dimensjoni komunitarja, mhux individwalistika, tal-libertà: il-pandemija għallmitna li għandna bżonn ta’ xulxin, imma mhux biżżejjed inkunu nafuh dan, hemm bżonn nagħżluh ta’ kuljum konkretement, niddeċiedu f’dik it-triq. Ngħid u nemmen li l-oħrajn ma humiex xkiel għal-libertà tiegħi, imma huma l-possibbiltà biex nilħaqha b’mod sħiħ. Għax il-libertà tagħna titwieled mill-imħabba ta’ Alla u tikber fil-karità.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard