Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 16. “Sejjer inħejjilkom post” (ara Ġw 14:2). Ix-xjuħija, żmien indirizzat lejn il-milja.
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Wasalna issa fl-aħħar katekeżijiet iddedikati lix-xjuħija. Illum nidħlu fl-intimità kommoventi tat-tluq ta’ Ġesù minn mad-dixxipli tiegħu, li l-Vanġelu ta’ Ġwanni jirrakkontalna fil-wisa’. Id-diskors tat-tluq jiftaħ bi kliem ta’ faraġ u ta’ wegħda: “Tħallux qalbkom titħawwad!” (14:1); “Meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (14:3). Kliem sabiħ, dan, tal-Mulej.
Ftit qabel, Ġesù kien qal lil Pietru: int “tiġi warajja aktar tard” (13:36), u fakkru li kellu jgħaddi mid-dgħufija tal-fidi tiegħu. Iż-żmien tal-ħajja li jifdlilhom id-dixxipli ma jistax jevita li jkun passaġġ li jgħaddi mid-dgħufija tax-xhieda u mill-isfidi tal-fraternità. Imma jkun ukoll passaġġ li jgħaddi mill-barkiet entużjażmanti tal-fidi: “Min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel” (14:12). Araw x’wegħda hi din! Ma nafx jekk qattx ħsibna fuqha sew, jekk nemmnuhiex tassew! Ma nafx, xi kultant naħseb li le…
Ix-xjuħija li wieħed jgħix bi ħlewwa, b’rispett għall-ħajja vera, tħoll darba għal dejjem l-ekwivoku ta’ qawwa li taħseb li hi biżżejjed għaliha nfisha u għas-suċċess tagħha
Ix-xjuħija hija ż-żmien it-tajjeb tax-xhieda mqanqla u hienja ta’ din l-istennija. L-anzjan u l-anzjana qed jistennew, jistennew laqgħa. Fix-xjuħija l-opri tal-fidi, li jqarrbu lilna u lill-oħrajn għas-saltna ta’ Alla, issa jmorru lil hemm mill-qawwa tal-enerġija, tal-kliem, tal-entużjażmu taż-żgħożija u tal-età matura. Imma proprju b’dan il-mod jagħmlu iżjed ċara l-wegħda tad-destinazzjoni vera li għandha l-ħajja. U liema hi d-destinazzjoni vera tal-ħajja? Post fuq il-mejda ma’ Alla, fid-dinja ta’ Alla. Interessanti naraw jekk fil-knejjes lokali jeżistix xi riferiment speċifiku, bl-għan li jżomm ħaj dan il-ministeru speċjali tal-istennija għall-Mulej – huwa ministeru, il-ministeru tal-istennija tal-Mulej – u jinkuraġġixxi l-kariżmi individwali u l-kwalitajiet komunitarji tal-persuna anzjana.
Xjuħija li tikkonsma ruħha fis-sogħba għall-okkażjonijiet li qed titlef, iġġib niket għall-persuna u għal kulħadd. Imma x-xjuħija li wieħed jgħix bi ħlewwa, b’rispett għall-ħajja vera, tħoll darba għal dejjem l-ekwivoku ta’ qawwa li taħseb li hi biżżejjed għaliha nfisha u għas-suċċess tagħha. Tħoll saħansitra l-ekwivoku ta’ Knisja li tadatta għall-qagħda ta’ din id-dinja, għax taħseb li b’dan il-mod jista’ jkollha ħakma defenittiva fuq il-perfezzjoni u t-twettiq ta’ kollox. Meta ninħelsu minn din il-preżunzjoni, iż-żmien tax-xjuħija li Alla jagħtina diġà hu fih innifsu waħda minn dawk l-opri “akbar” li dwarhom jitkellem Ġesù. Fil-fatt, hija opra li Ġesù ma kellux iwettaq: il-mewt tiegħu, il-qawmien tiegħu u t-tlugħ tiegħu fis-Sema għamluha possibbli għalina! Niftakru li “ż-żmien hu aqwa mill-ispazju”. Din hi l-liġi tal-inizjazzjoni. Ħajjitna mhijiex magħmula biex tingħalaq fiha nfisha, f’perfezzjoni immaġinarja fuq din l-art: hi ddestinata biex tmur lil hemm, tgħaddi mill-passaġġ tal-mewt – għax il-mewt hija passaġġ. Fil-fatt, il-post stabbli tagħna, il-punt ta’ fejn irridu naslu mhuwiex hawn, imma hu fi ħdan il-Mulej, fejn hu jgħammar għal dejjem.
Hawn, fuq l-art, jibda l-proċess tan-“novizzjat” tagħna: aħna apprendisti tal-ħajja, li – qalb elf diffikultà – nitgħallmu napprezzaw id-don ta’ Alla, nonoraw ir-responsabbiltà li naqsmuh mal-oħrajn u minnu nagħmlu frott għal kulħadd. Iż-żmien tal-ħajja fuq l-art hu l-grazzja ta’ dan il-passaġġ. Il-preżunzjoni li nistgħu nwaqqfu ż-żmien – li rridu ż-żgħożija eterna, il-benessri bla limiti, il-poter assolut – mhux biss hi impossibbli, imma ma tagħmilx sens.
Il-ħajja tagħna fuq din l-art hija ż-żmien tal-inizjazzjoni għall-ħajja: hija ħajja, imma li tieħdok ’il quddiem, lejn ħajja iżjed sħiħa, l-inizjazzjoni għal dik iżjed sħiħa; ħajja li f’Alla biss issib il-milja tagħha. Aħna imperfetti sa mill-bidu u nibqgħu imperfetti sal-aħħar. Fil-milja tal-wegħda ta’ Alla, ir-relazzjoni ddur bil-kontra: l-ispazju ta’ Alla, li Ġesù jħejji għalina b’għożża kbira, hu aqwa miż-żmien tal-ħajja tagħna fuq din l-art. Araw: ix-xjuħija tqarreb it-tama ta’ din il-milja. Ix-xjuħija issa taf darba għal dejjem x’inhu s-sens taż-żmien u l-limitazzjonijiet tal-post li fih ngħixu l-inizjazzjoni tagħna. Ix-xjuħija għalhekk hi għarfa: ix-xjuħ għalhekk huma għorrief. Għalhekk hi kredibbli meta tistedinna nifirħu li ż-żmien għaddej: mhijiex theddida, imma hija wegħda. Ix-xjuħija hija nobbli, m’għandhiex bżonn irtokki biex turi l-kobor tagħha. Forsi l-irtokk jiġi meta jonqos il-kobor. Ix-xjuħija hi kredibbli meta tistedinna nifirħu li ż-żmien għaddej: imma ż-żmien jgħaddi u din mhix theddida, hija wegħda. Ix-xjuħija li terġa’ ssib il-profondità tal-ħarsa tal-fidi, mhijiex konservatriċi min-natura tagħha, kif jgħidu! Id-dinja ta’ Alla hija spazju infinit, li fuqu l-passaġġ taż-żmien ma għadx għandu piż. U proprju fl-Aħħar Ċena, Ġesù indirizza ruħu lejn din id-destinazzjoni, meta qal lid-dixxipli: “Ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta’ Missieri” (Mt 26:29). Mar lil hemm. Fil-predikazzjoni tagħna, spiss il-Ġenna ġustament inpinġuha mimlija hena, dawl, imħabba. Forsi jonqosha xi ftit ħajja. Ġesù, fil-parabboli, tkellem fuq is-saltna ta’ Alla billi poġġa fiha iżjed ħajja. M’għadniex kapaċi iżjed nagħmluh dan aħna, meta nitkellmu fuq il-ħajja li tissokta?
Għeżież ħuti, ix-xjuħija, meta ngħixuha fl-istennija tal-Mulej, tista’ ssir l-“apoloġija” sħiħa tal-fidi, li tagħti raġuni, lil kulħadd, tat-tama tagħna lil kulħadd (ara 1 Piet 3:15). Għax ix-xjuħija tagħmel ċara l-wegħda ta’ Ġesù, billi tindirizzana lejn il-Belt qaddisa li dwarha jitkellem il-ktieb tal-Apokalissi (kapitli 21-22). Ix-xjuħija hija l-fażi tal-ħajja l-iżjed adatta biex ixxerred l-aħbar it-tajba li l-ħajja hija inizjazzjoni għal milja defenittiva. Ix-xjuħ huma wegħda, xhieda ta’ wegħda. U l-kbir għadu ġej. Il-kbir għadu ġej: dan hu l-messaġġ tax-xiħ u tax-xiħa li jemmnu, il-kbir għadu ġej. Ħa jagħti Alla lilna lkoll xjuħija li jkollha l-ħila tagħmel dan!
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard