Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-proċess tad-dixxerniment, importanti nibqgħu attenti anki għall-fażi li tiġi dritt wara d- deċiżjoni li nkunu ħadna, biex nagħrfu s-sinjali li jikkonfermawha jew dawk li juru li kienet
żbaljata. Jiena rrid nieħu deċiżjoni, nagħmel id-dixxerniment, favur jew kontra, sentimenti,
nitlob… imbagħad jintemm dan il-proċess u nieħu d-deċiżjoni u mbagħad tiġi dik il-parti li fiha rridu noqogħdu attenti, naraw. Għax fil-ħajja hemm deċiżjonijiet li mhumiex tajba u hemm sinjali li juruk dan, waqt li hemm sinjali li lid-deċiżjonijiet tajba jikkonfermawhom.
Fil-fatt rajna kif iż-żmien huwa kriterju fundamentali biex nagħrfu l-leħen ta’ Alla qalb tant ilħna oħra. Hu biss huwa Sid iż-żmien: huwa l-marka ta’ garanzija tal-oriġinalità tiegħu, li jagħmlu differenti mill-imitazzjonijiet li jitkellmu f’ismu mingħajr ma jirnexxilhom. Wieħed mis-sinjali li jiddistingwu l-ispirtu t-tajjeb huwa l-fatt li dan iġib paċi li ttul fiż-żmien. Jekk int tinżel iktar fil-fond, imbagħad tieħu d-deċiżjoni u dan jimliek bil-paċi li tibqa’ maż-żmien, dan ikun sinjal tajjeb u jindika li t-triq kienet sabiħa. Paċi li ġġib armonija, għaqda, ħeġġa, żelu. Int toħroġ mill-proċess ta’ approfondiment aħjar minn kif dħalt.
Ngħidu aħna, jekk nieħu d-deċiżjoni li niddedika nofsiegħa iżjed għat-talb, u mbagħad nintebaħ li qed ngħix aħjar il-mumenti l-oħra tal-ġurnata, inkun iżjed seren, inqas anzjuż, qed nagħmel ix-xogħol tiegħi b’iżjed attenzjoni u gost, anki r-relazzjonijiet ma’ xi persuni diffiċli jsiru iżjed ħfief…: dawn huma kollha sinjali importanti li juru li d-deċiżjoni li ħadt hija tajba.
Il-ħajja spiritwali hi ċirkolari: għażla tajba tkun ta’ ġid għall-ambjenti kollha ta’ ħajjitna. Għax tkun parteċipazzjoni fil-kreattività ta’ Alla.
Nistgħu naraw ċerti aspetti importanti li jgħinuna naqraw iż-żmien ta’ wara deċiżjoni bħala konferma possibbli ta’ kemm kienet tajba, għax iż-żmien ta’ wara jikkonferma deċiżjoni kinitx tajba. Dawn l-aspetti importanti b’xi mod diġà ltqajna magħhom matul dawn il-katekeżijiet, imma hawn isibu applikazzjoni oħra tagħhom.
L-ewwel aspett hu jekk id-deċiżjoni hix meqjusa bħala sinjal possibbli ta’ tweġiba għall- imħabba u għall-ġenerożità li l-Mulej juri miegħi. Ma tiġix mill-biża’, ma tiġix minn xi rikatt affettiv jew għax kont imġiegħel, imma tinbet mill-gratitudni għall-ġid li wieħed ikun irċieva, li jqanqal il-qalb biex tgħix b’mod ħieles ir-relazzjoni tagħha mal-Mulej.
Element ieħor importanti hu l-għarfien li nħossuna f’postna fil-ħajja – dik it-trankwillità: “Jien qed f’posti” –, u nħossuna parti minn pjan ikbar, li fih nixtiequ nagħtu sehemna. Fi Pjazza San Pietru hemm żewġ punti preċiżi – il-punti fokali tal-ellissi – mnejn tista’ tara l-kolonni tal-Bernini perfettament wara xulxin. Bl-istess xebh, il-bniedem jista’ jintebaħ li sab dak li qed ifittex meta l-ġurnata ssir iżjed ordnata, iħoss integrazzjoni ikbar fost id-diversi interessi tiegħu, jistabbilixxi ġerarkija korretta ta’ importanza u jirnexxilu jgħix dan kollu b’faċilità, billi jaffronta b’enerġija mġedda u qawwa fir-ruħ tiegħu d-diffikultajiet li jitfaċċaw. Dawn huma sinjali li int ħadt deċiżjoni tajba.
Sinjal ieħor tajjeb ta’ konferma, ngħidu aħna, huwa l-fatt li nibqgħu liberi fil-konfront ta’ dak li ddeċidejna, lesti li nerġgħu npoġġuh f’diskussjoni, anki niċċaħħdu minnu jekk jiġi ppruvat żbaljat, u nfittxu li nsibu f’dan xi ħaġa li l-Mulej irid jgħallimna. Dan mhux għax Hu jixtieq iċaħħadna minn dak li hu għażiż għalina, imma biex nistgħu ngħixuh bil-libertà, mingħajr rabtiet. Alla waħdu jaf x’inhu tassew tajjeb għalina. Il-possessività hi għadu tat-tajjeb u toqtol l-imħabba, attenti għaliha, il-possessività hi għadu tat-tajjeb, toqtol l-imħabba: il-ħafna każijiet ta’ vjolenza fid-djar, li b’xorti ħażina spiss nisimgħu bihom, jinbtu kważi dejjem mill-pretest li wieħed jista’ jippossedi l-imħabba tal-ieħor, milli wieħed ifittex ċertezza assoluta li toqtol il-libertà u tifga l-ħajja, għax tagħmilha infern.
Nistgħu nħobbu biss fil-libertà, għalhekk il-Mulej ħalaqna ħielsa, liberi wkoll li ngħidulu le. Li noffrulu dak li għandna l-aktar għal qalbna hu fl-interess tagħna, jagħtina li ngħixuh bl-aħjar mod possibbli u fil-verità, bħala don li hu tana, bħala sinjal tat-tjieba tiegħu b’xejn, għax nafu li ħajjitna, bħall-istorja kollha, hi fl-idejn twajba tiegħu. Huwa dak li l-Bibbja ssejjaħlu biża’ ta’ Alla, jiġifieri r-rispett ta’ Alla, mhux għax Alla jbeżżagħni, le, imma rispett li hu kundizzjoni indispensabbli biex nilqa’ d-don tal-Għerf (ara Sir 1:1-18). Huwa l-biża’ li jeqred kull biża’ ieħor, għax orjentat lejn Dak li hu s-Sid ta’ kollox. Quddiemu xejn ma jista’ jinkwetana. Hija l-esperjenza kollha għoġba ta’ San Pawl, li qal: “Naf ngħix fl-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini” (Fil 4:12-13). Dan hu l-bniedem ħieles, li jbierek lill-Mulej kemm meta l-affarijiet jiġu tajbin u kemm meta l-affarijiet ma jiġux tant tajjeb: ħa jkun imbierek, u nibqgħu mexjin!
Li nagħrfu dan hu fundamentali għal deċiżjoni tajba, u jqawwilna qalbna fuq dak li ma nistgħux nikkontrollaw jew nipprevedu: is-saħħa, il-futur, il-persuni għeżież, il-proġetti tagħna. Dak li jiswa hu li l-fiduċja tagħna tkun f’Sid l-univers, li jħobbna immensament u jaf li nistgħu nibnu miegħu xi ħaġa sabiħa, xi ħaġa eterna. Il-ħajjiet tal-qaddisin dan juruhulna bl-isbaħ mod. Ejjew nibqgħu mexjin dejjem ’il quddiem billi nfittxu li nieħdu deċiżjonijiet hekk, fit-talb u billi naraw x’jiġri fil-qalb tagħna, u nimxu bil-mod ’il quddiem, kuraġġ!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard