Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum se nkellimkom fuq żewġt aħwa famużi ħafna fil-Lvant, tant li huma msejħin “l-appostli tal-Islavi”: San Ċirillu u San Metodju. Twieldu l-Greċja fis-seklu 9 minn familja aristokratika, u ħallew warajhom il-karriera politika biex jiddedikaw ħajjithom għall-ħajja monastika. Imma l-ħolma tagħhom ta’ ħajja mwarrba ma tantx damet. Ġew mistiedna bħala missjunarji fil-Moravja l-Kbira, li dak iż-żmien kienet tiġbor fiha ħafna popli, uħud minnhom diġà evanġelizzati, imma li fi ħdanhom kien għad hemm ħafna drawwiet u tradizzjonijiet pagani. Il-prinċep tagħhom talab li jintbagħatlu għalliem li jkun jista’ jfisser il-fidi Nisranija fl-ilsien tagħhom.
L-ewwel impenn ta’ Ċirillu u Metodju allura kien li jistudjaw fil-fond il-kultura ta’ dawk il-popli. Dejjem dak ir-ritornell: il-fidi għandha tiġi inkulturata u l-kultura għandha tiġi evanġelizzata. Inkulturazzjoni tal-fidi, evanġelizzazzjoni tal-kultura, dejjem. Ċirillu staqsa jekk kellhomx alfabett; weġbuh li le. U hu tenna: “Min jista’ jikteb diskors ġol-ilma?”. Fil-fatt, biex ixandru l-Vanġelu u biex jitolbu kien hemm bżonn ta’ strument proprju, adatt, speċifiku. U għalhekk ivvinta l-alfabett Glagolitiku. Ittraduċa l-Bibbja u t-testi liturġiċi. In-nies bdiet tħoss li dik il-fidi Nisranija ma kinitx għadha “barranija”, imma saret il-fidi tagħhom, mitkellma fl-ilsien tagħhom. Immaġinaw ftit: żewġ monaċi Griegi li jagħtu alfabett lill-Islavi. Hija din il-qalb miftuħa li niżżlet l-għeruq tal-Vanġelu fosthom. Ma kinux jibżgħu dawn it-tnejn, kienu qalbiena.
Imma ma damx ma nqala’ l-inkwiet min-naħa ta’ xi Latini, li raw mhedded il-monopolju tal-predikazzjoni tagħhom fost l-Islavi, dik it-taqbida fil-Knisja, dejjem hekk. L-oġġezzjoni tagħhom kienet reliġjuża, imma minn barra biss: Alla jista’ jiġi mfaħħar – qalu huma – biss fit-tliet lingwi miktuba fuq is-salib, l-Ebrajk, il-Grieg u l-Latin. Dawn kellhom il-mentalità magħluqa biex jiddefendu l-awtonomija tagħhom. Imma Ċirillu wieġeb bis-saħħa: Alla jrid li kull poplu jfaħħru fil-lingwa tiegħu. Flimkien ma’ ħuh Metodju għamel appell lill-Papa u dan approvalhom it-testi liturġiċi tagħhom fl-ilsien Slav, tellagħhom fuq l-altar tal-Knisja ta’ Santa Maria Maggiore u kanta magħhom it-tifħir lill-Mulej skont dawk il-kotba. Ċirillu miet wara ftit tal-jiem, ir-relikwi tiegħu għadhom meqjuma hawn Ruma, fil-Bażilika ta’ San Klement. Imma Metodju ġie ordnat isqof u mibgħut lura fl-artijiet tal-Islavi. Hawn kellu jbati ħafna, ġie anki mixħut il-ħabs, imma, ħuti, aħna nafu li l-Kelma ta’ Alla ma hix marbuta bil-ktajjen u tixtered fost dawk il-popli.
Meta nħarsu lejn ix-xhieda ta’ dawn iż-żewġ evanġelizzaturi, li San Ġwanni Pawlu II ried jagħmilhom Kompatruni tal-Ewropa u li fuqhom kiteb l-Enċiklika Slavorum Apostoli, nilmħu tliet aspetti importanti.
Qabelxejn, l-għaqda: il-Griegi, il-Papa, l-Islavi: f’dak iż-żmien fl-Ewropa kien hemm Kristjanità mhux mifruda, li kienet tikkollabora flimkien biex tevanġelizza.
It-tieni aspett importanti hu l-inkulturazzjoni, li għidt xi ħaġa fuqha qabel: nevanġelizzaw il-kultura, u l-inkulturazzjoni turina li l-evanġelizzazzjoni u l-kultura huma marbuta sew ma’ xulxin. Ma tistax tipprietka Vanġelu fl-astratt, maqtugħ, le: il-Vanġelu jrid jiġi inkulturat u hu wkoll espressjoni tal-kultura.
L-aħħar aspett, il-libertà. Fil-predikazzjoni hemm bżonn tal-libertà, imma l-libertà dejjem għandha bżonn tal-kuraġġ, persuna hi libera skont kemm hi kuraġġjuża u ma tħallix il-ktajjen ta’ tant ħwejjeġ jorbtuha.
Ħuti, ejjew nitolbu lil San Ċirillu u San Metodju, appostli tal-Islavi, biex inkunu strumenti ta’ “libertà fl-imħabba” għall-oħrajn. Inkunu kreattivi, inkunu perseveranti u nkunu umli, bit-talb u bil-qadi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard