Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Il-ġimgħa l-oħra introduċejna t-tema tal-vizzji u tal-virtujiet. Din tfakkarna fit-taqbida spiritwali tan-Nisrani. Fil-fatt, il-ħajja spiritwali tan-Nisrani mhijiex paċifika, lineari u mingħajr sfidi; bil-maqlub, il-ħajja Nisranija tesiġi taqbida kontinwa: it-taqbida Nisranija biex nikkonservaw il-fidi, biex narrikkixxu d-don tal-fidi fina. Mhux b’kumbinazzjoni li l-ewwel dilka li kull Nisrani jirċievi fis-sagrament tal-Magħmudija – id-dilka katekumenali – ma fihiex fwieħa, u simbolikament tħabbar li l-ħajja hi taqbida. Fil-fatt, fil-qedem, dawk li jitqabdu, qabel il-kompetizzjoni, kienu jiġu midluka minn fuq sa isfel, kemm biex isaħħu l-muskoli, u kemm biex il-ġisem jiżgiċċa aktar malajr minn taħt idejn l-avversarju. Id-dilka tal-katekumeni minnufih tagħmilha ċara li n-Nisrani ma jistax jaħarab it-taqbida, li n-Nisrani jkollu jitqabad: anki ħajti, bħal dik ta’ kulħadd, trid tinżel fl-arena, għax il-ħajja hi ċiklu ta’ provi u ta’ tentazzjonijiet.
Qawl magħruf attribwit lil Abba Antonju, l-ewwel missier kbir tal-monakiżmu, jgħid hekk: “Neħħi t-tentazzjonijiet u ma jsalva ħadd”. Il-qaddisin mhumiex bnedmin li ma kellhomx tentazzjonijiet, imma persuni li kienu jafu sewwa l-fatt li fil-ħajja kontinwament naffaċċjaw il-ħajriet tal-ħażen, li rridu nikxfulhom il-maskri tagħhom u nirrifjutawhom. Aħna lkoll għandna esperjenza ta’ dan, ilkoll kemm aħna: jgħaddilek ħsieb ikrah, tiġik xewqa li tagħmel dan jew li titkellem ħażin fuq l-ieħor… Ilkoll, ilkoll aħna ttentati, u rridu nitqabdu biex ma naqgħux f’dawn it-tentazzjonijiet. Jekk hawn xi ħadd minnkom li m’għandux tentazzjonijiet, jgħidli, għax tkun ħaġa straordinarja! Ilkoll kemm aħna għandna tentazzjonijiet, u lkoll iridu nitgħallmu kif inġibu ruħna f’dawn is-sitwazzjonijiet.
Hemm tant persuni li jiskużaw lilhom infushom, li jgħidu li qegħdin “sew” – “Le, jiena bravu, jiena brava, jien ma għandix dawn il-problemi”. Imma ħadd minna ma hu sew; jekk xi ħadd iħossu sew, qed joħlom; kull wieħed u waħda minna għandu tant affarijiet x’jirranġa, u fuq xiex x’jgħasses. U xi drabi jiġri li nersqu għas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u ngħidu, bis-sinċerità: “Dun, m’iniex niftakar, ma nafx għandix dnubiet…”. Imma dan hu nuqqas ta’ għarfien ta’ dak li jkun jiġri fil-qalb. Aħna lkoll midinbin, ilkoll. U naqra ta’ eżami tal-kuxjenza, ħarsa ħafifa lejna nfusna tagħmlilna tajjeb. Inkella nirriskjaw li ngħixu fid-dlamijiet, għax issa drajna d-dlam u ma għadniex nafu nagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Iżakk ta’ Ninwè kien jgħid li fil-Knisja min jaf dnubietu x’inhuma u jibkihom hu akbar minn min iqajjem lil xi ħadd mill-mewt. Ilkoll għandna nitolbu lil Alla l-grazzja li nagħrfu li aħna midinbin fqajra, fil-bżonn tal-konverżjoni, u nżommu fil-qalb tagħna l-fiduċja li ebda dnub ma hu hekk kbir għall-ħniena bla qies ta’ Alla l-Missier. Din hija l-lezzjoni inawgurali li jagħtina Ġesù.
Dan narawh fl-ewwel paġni tal-Vanġeli, qabelxejn meta tiġi rrakkontata l-magħmudija tal-Messija fl-ilmijiet tax-xmara Ġordan. L-episodju għandu fih xi ħaġa li tħawwadna: għaliex Ġesù joqgħod għal rit ta’ purifikazzjoni bħal dan? Huwa Alla, hu perfett! Minn liema dnub qatt jista’ jisgħobbih Ġesù? L-ebda dnub! Anki l-Battista jieħu skandlu, tant li t-test jgħid: “Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: ‘Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?’” (Mt 3:14). Imma Ġesù hu Messija differenti ħafna minn kif kien ippreżentah Ġwanni u kif kienet timmaġinah in-nies: hu ma jinkarnax l-Alla inkurlat u ma jsejjaħx għall-ġudizzju, imma, bil-maqlub, joqgħod fil-filliera mal-midinbin. Kif? Iva, Ġesù jseħibna, aħna lkoll midinbin. Hu mhuwiex midneb, imma jinsab f’nofsna. U din hi ħaġa sabiħa. “Dun, għandi ħafna dnubiet!” – “Imma Ġesù jinsab miegħek: kellmu fuqhom, hu jgħinek toħroġ minnhom”. Ġesù qatt ma jitlaqna waħidna, qatt! Aħsbu sew f’dan. “Oh, Dun, jien għamilt dnubiet ħoxnin!” – “Imma Ġesù jifhmek u jimxi miegħek: jagħder id-dnub tiegħek u jaħfru”. Dan tinsieh qatt! Fil-mumenti l-iktar koroh, fil-mumenti li fihom niżolqu fuq id-dnubiet, Ġesù jinsab magħna biex jgħinna nerġgħu nqumu. Dan jimliena bil-faraġ. Ma għandniex nitilfu din iċ-ċertezza: Ġesù jinsab magħna biex jgħinna, biex jipporteġina, biex ukoll jerġa’ jerfagħna wara d-dnub. “Imma, Dun, huwa minnu li Ġesù jaħfer kollox?” – “Kollox. Hu ġie biex jaħfer, biex isalva. Kulma jrid Ġesù hi l-qalb miftuħa tiegħek”. Hu qatt ma jinsa jaħfer: aħna, ħafna drabi, li nitilfu l-ħila li nitolbu maħfra. Ejjew nerġgħu nsibu din il-ħila li nitolbu maħfra. Kull wieħed u waħda minna għandu tant affarijiet ta’ xiex jitlob maħfra: kulħadd jaħseb bejnu u bejn ruħu, u llum ħa jitkellimhom ma’ Ġesù. Tkellem ma’ Ġesù fuq dan: “Mulej, jien ma nafx jekk dan hux minnu jew le, imma jiena ċert li int ma titbegħidx minni. Jiena ċert li int se taħfirli. Mulej, jiena midneb, midinba, imma nitolbok, titbegħidx minni”. Din tkun talba sabiħa llum lil Ġesù: “Mulej, titbegħidx minni”.
U dritt wara l-episodju tal-Magħmudija, il-Vanġeli jirrakkontaw li Ġesù jmur waħdu fid-deżert, fejn jiġi ttentat mix-Xitan. Anki hawn nistaqsu: għal liema raġuni l-Iben ta’ Alla kellu jiġi ttentat? F’dan il-każ ukoll, Ġesù juri li hu solidali man-natura dgħajfa tagħna u jsir l-exemplum il-kbir tagħna: it-tentazzjonijiet li jgħaddi minnhom u li jegħleb qalb il-blat niexef tad-deżert huma l-ewwel lezzjoni li jagħti lill-ħajja tagħna ta’ dixxipli. Hu ġarrab dak li anki aħna rridu dejjem inħejju ruħna biex naffrontaw: il-ħajja hija magħmula minn sfidi, minn provi, minn slaleb it-toroq, minn viżjonijiet kontra xulxin, minn ġibdiet moħbija, minn ilħna kontradittorji. Xi leħen jaf ikun saħansitra persważiv, tant hu hekk li x-Xitan jittenta lil Ġesù billi jinqeda bil-kliem tal-Iskrittura. Jeħtieġ nieħdu ħsieb tad-dawl interjuri biex nagħżlu t-triq li twassalna tassew għall-ferħ, u mbagħad inħabirku biex ma niqfux tul il-mixja.
Ejjew niftakru li aħna dejjem qegħdin bejn żewġ estremi opposti: is-suppervja tisfida lill-umiltà; il-mibegħda tiġġieled lill-imħabba; id-diqa tjassar il-veru ferħ tal-Ispirtu; l-ebusija tal-qalb teħodha kontra l-ħniena. L-Insara jimxu l-ħin kollu fuq dan ix-xifer. Għalhekk importanti nirriflettu fuq il-vizzji u fuq il-virtujiet: dan jgħinna negħlbu l-kultura niħilista li fiha dak li hu ħażin u dak li hu tajjeb jibqa’ mhux ċar u, fl-istess waqt, ifakkarna li l-uman, b’differenza minn kull ħlejqa oħra, dejjem jista’ jittraxxendi lilu nnifsu, jinfetaħ għal Alla u jimxi lejn il-qdusija.
Allura t-taqbida spiritwali twassalna biex inħarsu mill-qrib lejn dawk il-vizzji li jżommuna fil-ktajjen u, bil-grazzja ta’ Alla, nimxu lejn dawk il-virtujiet li jistgħu jwarrdu fina, u hekk inwelldu r-rebbiegħa tal-Ispirtu fil-ħajja tagħna.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard