Katekeżi: Il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni: iż-żelu appostoliku ta’ min jemmen. 19. Nitolbu u naqdu bil-ferħ: Kateri Tekakwitha, l-ewwel qaddisa nativa tal-Amerika ta’ Fuq
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Issa, waqt li nkomplu bil-katekeżi tagħna fuq it-tema taż-żelu appostoliku u tal-passjoni għax-xandir tal-Vanġelu, illum nagħtu ħarsa lejn Santa Kateri Tekakwitha, l-ewwel mara nativa tal-Amerika ta’ Fuq li ġiet ikkanonizzata. Imwielda lejn is-sena 1656 f’raħal fil-parti għolja tal-Istat ta’ New York, kienet bint kap Mohawk mhux imgħammed u omm Nisranija Algonchina, li lil Kateri għallmitha titlob u tkanta innijiet lil Alla. Ħafna minna wkoll ġejna ppreżentati lill-Mulej għall-ewwel darba fil-familja, fuq kollox mill-ommijiet u n-nanniet tagħna. Hekk tibda l-evanġelizzazzjoni u anzi, ma ninsewhx dan, il-fidi dejjem hi trasmessa fid-djalett tal-ommijiet, tan-nanniet. Il-fidi għandha tiġri trasmessa bid-djalett u aħna rċivejnieha f’dan id-djalett tal-ommijiet u tan-nanniet. L-evanġelizzazzjoni spiss tibda hekk: b’ġesti sempliċi, ċkejknin, bħall-ġenituri li jgħinu lil uliedhom jitgħallmu jitkellmu ma’ Alla fit-talb u li jirrakkuntawlhom l-imħabba tiegħu kbira u ħanina. U l-pedamenti tal-fidi għal Kateri, u spiss għalina wkoll, tqiegħdu b’dan il-mod. Hi kienet irċevietha mingħand ommha bid-djalett, id-djalett tal-fidi.
Meta Kateri kellha erba’ snin, epidemija gravi tal-ġidri laqtet il-poplu tagħha. Mietu kemm il-ġenituri tagħha u kemm ħuha ż-żgħir, u l-istess Kateri baqgħet b’ċikatriċi fuq wiċċha u problemi fil-vista. Minn dak il-mument ’il quddiem Kateri kellha taffronta ħafna diffikultajiet: ċertament dawk fiżiċi minħabba l-effett tal-ġidri, imma anki l-inkomprensjonijiet, il-persekuzzjonijiet u saħansitra t-theddid tal-mewt li ġarrbet wara l-Magħmudija tagħha, Ħadd il-Għid tal-1676. Dan kollu lil Kateri taha mħabba kbira għas-salib, sinjal defenittiv tal-imħabba ta’ Kristu, li ngħata sal-aħħar għalina. Ix-xhieda tal-Vanġelu, fil-fatt, ma tmissx biss dak li jogħġobna; irridu nkunu nafu nġorru wkoll bis-sabar, bil-fiduċja u bit-tama s-slaleb tagħna ta’ kuljum. Is-sabar, quddiem id-diffikultajiet, is-slaleb: is-sabar hu virtù Nisranija kbira. Min ma għandux sabar ma hux Nisrani tajjeb. Is-sabar tat-tolleranza: nittolleraw id-diffikultajiet u anki nittolleraw lill-oħrajn, li xi drabi jdejquna jew ipoġġuna f’diffikultà… Il-ħajja ta’ Kateri Tekakwitha turina li kull sfida tista’ tintrebaħ jekk niftħu qalbna għal Ġesù, li jagħtina l-grazzja li għandna bżonn: is-sabar u qalb miftuħa għal Ġesù, din hi riċetta biex ngħixu tajjeb.
Wara li tgħammdet, Kateri kellha tfittex kenn qalb il-Mohawk fil-missjoni tal-Ġiżwiti qrib il-belt ta’ Montreal. Hemm kienet tieħu sehem ta’ kuljum fil-quddiesa ta’ filgħodu, tiddedika ħin għall-adorazzjoni quddiem is-Santissmu Sagrament, titlob ir-rużarju u tgħix ħajja ta’ penitenza. Dawn il-prattiċi spiritwali tagħha kienu jimpressjonaw lil kulħadd fil-Missjoni; kienu jaraw f’Kateri qdusija li kienet tiġbed lill-oħrajn lejha għax kienet ġejja minn imħabba profonda lejn Alla. Dan hu li tagħmel il-qdusija, tiġbed lejha. Alla jsejħilna b’attrazzjoni, isejħilna b’din ix-xewqa li għandu li jkun qrib tagħna, u hi ħasset din il-grazzja tal-ġibda divina. Fl-istess waqt, lit-tfal tal-Missjoni kienet tgħallimhom jitolbu u, permezz tat-twettiq kontinwu tar-responsabbiltajiet tagħha, inkluż il-kura tal-morda u tal-anzjani, kienet toffri eżempju ta’ servizz umli u kollu mħabba lil Alla u lill-proxxmu. Il-fidi dejjem tesprimi ruħha fil-qadi. Il-fidi mhix qiegħda hemm biex nirtokkjaw lilna nfusna, ir-ruħ: le; qiegħda hemm biex naqdu.
Imqar jekk ħeġġuha tiżżewweġ, Kateri minflok riedet tiddedika kompletament ħajjitha lil Kristu. Ma setgħetx tidħol fil-ħajja kkonsagrata, imma għamlet vot ta’ verġinità perpetwa fil-25 ta’ Marzu 1679. Din l-għażla tagħha turi aspett ieħor taż-żelu appostoliku li kellha: id-dedikazzjoni sħiħa għall-Mulej. Ċertament, mhux kulħadd hu msejjaħ biex jagħmel l-istess vot ta’ Kateri; madankollu, kull Nisrani hu msejjaħ jimpenja ruħu ta’ kuljum b’qalb sħiħa fil-vokazzjoni u fil-missjoni li fdalu Alla, billi jaqdi lilu u lill-proxxmu fi spirtu ta’ karità.
Għeżież ħuti, il-ħajja ta’ Kateri hija xhieda oħra tal-fatt li ż-żelu appostoliku jimplika kemm għaqda ma’ Ġesù, imseddqa mit-talb u mis-Sagramenti, u kemm ix-xewqa li wieħed ixerred il-ġmiel tal-messaġġ Nisrani permezz tal-fedeltà għall-vokazzjoni partikulari tiegħu. L-aħħar kelmiet ta’ Kateri huma mill-isbaħ. Qabel mietet, qalet: “Ġesù, inħobbok”.
Aħna wkoll, allura, waqt li nieħdu enerġija mill-Mulej, kif għamlet Santa Kateri Tekakwitha, nitgħallmu nwettqu l-għemejjel ordinarji b’mod straordinarju u hekk nikbru ta’ kuljum fil-fidi, fl-imħabba u fix-xhieda żelanti ta’ Kristu.
Ma ninsewx: kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ għall-qdusija, għall-qdusija ta’ kuljum, għall-qdusija tal-ħajja Nisranija komuni. Kull wieħed u waħda minna għandu din is-sejħa: ejjew nimxu ’l quddiem f’din it-triq. Il-Mulej mhux ħa jitlaqna waħidna.
miaqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard