Katekeżi. Il-vizzji u l-virtujiet. 17. Il-ħajja tal-grazzja skont l-Ispirtu
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-ġimgħat li għaddew irriflettejna fuq il-virtujiet kardinali: għaqal, ħaqq, qawwa u qies. Huma l-erba’ virtujiet karidnali. Kif sħaqna iżjed minn darba, dawn l-erba’ virtujiet jappartienu għal għerf antik ħafna, li kien diġà minn qabel il-Kristjaneżmu. Diġà sa minn qabel Kristu kienu jipprietkaw l-onestà bħala dmir ċivili, l-għerf bħala regola tal-azzjonijiet, il-kuraġġ bħala ingredjent fundamentali għal ħajja miġbuda għat-tajjeb, il-moderazzjoni bħala kejl meħtieġ biex ma nitkaxkrux mill-esaġerazzjonijiet. Dan il-wirt tant antik, wirt tal-umanità, il-Kristjaneżmu ma ħadlux postu, imma kebbsu tajjeb, ivvalorizzah, saffieh u integrah fil-fidi.
Għalhekk, fil-qalb ta’ kull bniedem hemm il-ħila li jfittex it-tajjeb. L-Ispirtu s-Santu hu mogħti biex min jilqgħu jista’ jagħżel b’mod ċar bejn it-tajjeb u l-ħażin, ikollu l-qawwa li joqgħod għat-tajjeb u jaħrab il-ħażin u, meta jagħmel hekk, jilħaq il-milja sħiħa tiegħu nnifsu.
Imma fil-mixja li lkoll kemm aħna qed nagħmlu lejn il-milja tal-ħajja, li hi parti mid-destin ta’ kull persuna – id-destin ta’ kull persuna hu l-milja, li jkollha l-ħajja sħiħa –, in-Nisrani jgawdi minn għajnuna partikulari tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Ġesù. Dan iseħħ bid-don ta’ tliet virtujiet oħra, tipikament Insara, li spiss jissemmew flimkien fil-kitbiet tat-Testment il-Qadim. Dawn l-atteġġjamenti fundamentali, li jikkaratterizzaw il-ħajja tan-Nisrani, huma tliet virtujiet li issa aħna ħa ngħiduhom flimkien: il-fidi, it-tama u l-imħabba. Ejjew ngħiduhom flimkien: [flimkien] il-fidi, it-tama… m’iniex nisma’ xejn, b’aktar saħħa! [flimkien] Il-fidi, it-tama u l-imħabba. Kemm intom bravi! Il-kittieba Nsara ma damux ma sejħulhom virtujiet “teologali”, għax nirċevuhom u ngħixuhom fir-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla, biex jingħażlu mill-erbgħa l-oħra msejħa “kardinali”, għax huma ċ-“ċappetta” ta’ ħajja tajba. Dawn it-tlieta nirċevuhom fil-Magħmudija u ġejjin mill-Ispirtu s-Santu. Kemm dawn u kemm dawk, kemm it-teologali u kemm il-kardinali, imsemmija ma’ xulxin f’ħafna riflessjonijiet sistematiċi, flimkien allura nisġu settenarju mill-isbaħ, li spiss jiġi kontrappost għal-lista ta’ seba’ vizzji kapitali. Hekk il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiddefinixxi l-azzjoni tal-virtujiet teologali: “Il-virtujiet teologali huma l-pedament tal-imġiba morali tan-Nisrani, jagħtuha l-ħajja u l-karattru tagħha. Isawru u jaħju l-virtujiet morali kollha. Jitnisslu minn Alla fir-ruħ tal-Insara biex ikollhom il-ħila jġibu ruħhom bħala wliedu u jimmeritaw il-ħajja ta’ dejjem. Huma r-rahan tal-preżenza u tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-fakultajiet tal-bniedem” (n. 1813).
Waqt li r-riskju tal-virtujiet kardinali hu dak li jagħmlu bnedmin erojċi fit-twettiq tat-tajjeb, imma kollox ma’ kollox, waħidhom, iżolati, id-don il-kbir tal-virtujiet teologali hu l-ħajja li tingħax fl-Ispirtu s-Santu. In-Nisrani qatt mhu waħdu. Jagħmel it-tajjeb mhux b’xi sforz titaniku ta’ impenn personali, imma għax, bħala dixxiplu umli, jimxi wara l-Imgħallem Ġesù. Hu jimxi ’l quddiem fit-triq. In-Nisrani għandu l-virtujiet teologali li huma l-akbar antidotu għall-awtosuffiċjenza. Kemm drabi ċerti bnedmin moralment eżamplari jirriskjaw li jsiru, f’għajnejn min jafhom, prużuntużi u arroganti! Huwa periklu li quddiemu l-Vanġelu jiftħilna għajnejna sewwa, hemm fejn Ġesù jirrakkomanda lid-dixxipli: “Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu’” (Lq 17:10). Is-suppervja hi velenu, hi velenu qawwi: biżżejjed qatra biex tirvina ħajja sħiħa tajba. Persuna tista’ tkun għamlet imqar muntanja ta’ opri ta’ ġid, tista’ tkun kisbet rikonoxximenti u tifħir, imma jekk dan kollu għamlitu biss għaliha nfisha, biex teżalta lilha nfisha, tista’ xorta tissejjaħ persuna virtuża? Le!
It-tajjeb mhuwiex biss fini fih innifsu, imma hu wkoll mod. It-tajjeb għandu bżonn ta’ ħafna diskrezzjoni, ta’ ħafna ġentilezza. It-tajjeb għandu bżonn fuq kollox li jinża’ minn dik il-preżenza xi drabi żgombranti li hi l-jien tagħna. Meta l-“jien” tagħna hu fiċ-ċentru ta’ kollox, jirvina kollox. Jekk kull azzjoni li nagħmlu fil-ħajja nagħmluha biss għalina nfusna, din il-motivazzjoni hi tabilħaqq hekk importanti! L-imsejken “jien” jaħkem kollox u hekk tinbet is-suppervja.
Il-virtujiet teologali huma ta’ għajnuna kbira biex nikkoreġu dawn is-sitwazzjonijiet kollha li xi drabi jsiru ta’ swied il-qalb. Huma fuq kollox hekk fil-mumenti tal-waqgħa, għax anki dawk li għandhom fehmiet morali tajbin xi drabi jaqgħu wkoll. Ilkoll naqgħu, fil-ħajja, għax ilkoll aħna midinbin. Bħalma mqar min jitħarreġ ta’ kuljum fil-virtujiet xi drabi jaqa’ – ilkoll niżbaljaw fil-ħajja –: l-intelliġenza mhux dejjem tkun tara sew, ir-rieda mhux dejjem tkun soda, il-passjonijiet mhux dejjem ikunu kkontrollati, il-kuraġġ mhux dejjem jgħaddi lill-biża’. Imma jekk niftħu qalbna għall-Ispirtu s-Santu – l-Imgħallem ġewwieni –, hu jqanqal fina l-virtujiet teologali: allura, jekk inkunu tlifna l-fiduċja, Alla jerġa’ jiftħilna t-triq għall-fidi – bil-qawwa tal-Ispirtu, jekk inkunu tlifna l-fiduċja, Alla jerġa’ jiftħilna qalbna għall-fidi –; jekk inkunu qalbna maqtugħa, Alla jerġa’ jqanqal fina t-tama; u jekk qalbna titwebbes, Alla jrattabha bl-imħabba tiegħu. Grazzi.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard