Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fir-rakkont bibliku tal-ġenealoġiji tal-ewwel ġenituri minnufih tolqotna l-ħajja twila tagħhom: jissemmew sekli sħaħ! U hawn meta tibda x-xjuħija? Nistaqsu. U xi jfisser il-fatt li dawn il-missirijiet tal-qedem għexu daqshekk fit-tul wara li nisslu l-ulied? Missirijiet u wlied jgħixu flimkien, għal sekli! Din il-firxa taż-żminijiet fuq sekli, irrakkuntata bi stil ritwali, tagħti lir-relazzjoni bejn ħajja twila u ġenealoġija tifsira simbolika qawwija, qawwija ħafna.
Bħal donnu t-trasmissjoni tal-ħajja umana, hekk ġdida għall-univers maħluq, qed titlob inizjazzjoni mtawla u bil-mod il-mod. Kollox kien għadu ġdid, fil-bidu tal-istorja ta’ ħlejqa li hi spirtu u ħajja, kuxjenza u libertà, sensibbiltà u responsabbiltà. Il-ħajja ġdida – il-ħajja umana – mgħaddsa fit-tensjoni bejn l-oriġini tagħha “fuq ix-xbieha u s-sura” ta’ Alla u d-dgħufija tal-kundizzjoni mortali tagħha, tirrappreżenta ħaġa ġdida li kollha kemm hi għadha trid tiġi skoperta. U titlob żmien twil ta’ inizjazzjoni, fejn hu indispensabbli li l-ġenerazzjonijiet iwieżnu lil xulxin, biex jiddeċifraw l-esperjenzi u jikkonfrontaw ruħhom mal-misteri tal-ħajja. F’dan iż-żmien twil, bil-mod il-mod, tiġi kkultivata wkoll il-kwalità spiritwali tal-bniedem.
Il-veloċità żejda lill-ħajja ġġibha trab, ma tagħmilhiex iktar intensa. U l-għerf jitlob li “naħlu l-ħin”
F’ċertu sens, kull passaġġ ta’ epoka, fl-istorja tal-bniedem, jerġa’ jipproponilna din is-sensazzjoni: bħallikieku kellna nerġgħu naqbdu mill-bidu u bil-kalma l-mistoqsijiet tagħna fuq is-sens tal-ħajja, meta x-xenarju tal-qagħda umana kien jidher mimli b’esperjenzi ġodda u b’mistoqsijiet li kienu għadhom qatt ma saru. Bla dubju, il-memorja kulturali li tkompli tinġema’ żżid il-familjarità meħtieġa biex wieħed jaffronta żminijiet ġodda. Iż-żminijiet tat-trasmissjoni jiqsaru; imma ż-żminijiet tal-assimilazzjoni jitolbu dejjem is-sabar. Il-veloċità żejda, li llum saret ossessjoni fil-passaġġi kollha ta’ ħajjitna, tagħmel kull esperjenza iżjed superfiċjali u inqas “nutrijenti”. Iż-żgħażagħ bla ma jafu huma vittmi ta’ din ix-xiżma bejn iż-żmien tal-arloġġ, li donna rridu naħarquh, u ż-żminijiet tal-ħajja, li jitolbuna nistennew “il-ħmira ttella’ l-għaġna”. Ħajja twila tippermettilna nduqu dawn iż-żminijiet twal, u l-ħsarat li ġġib magħha l-għaġla.
Bla dubju, ix-xjuħija timponi ritmi iżjed bil-mod: imma dawn mhumiex biss żminijiet ta’ telqa. Fil-fatt, il-qies ta’ dawn ir-ritmi jiftaħ għal kulħadd spazji ta’ sens tal-ħajja li l-ossessjoni tal-veloċità ma tafx bihom. Meta nitilfu l-kuntatt tagħna mar-ritmi kajmani tax-xjuħija nkunu qed nagħlqu dawn l-ispazji għal kulħadd. Hu f’dan id-dawl li ridt li tibda ssir il-festa tan-nanniet, fl-aħħar Ħadd ta’ Lulju. Il-patt bejn iż-żewġ ġenerazzjonijiet li jinsabu fit-trufijiet tal-ħajja – it-tfal u l-anzjani – jgħin ukoll lit-tnejn l-oħra – iż-żgħażagħ u l-adulti – biex jintrabtu ma’ xulxin u jagħmlu l-ħajja ta’ kulħadd iktar għanja fl-umanità. Hemm bżonn tad-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet: jekk ma hemmx djalogu bejn żgħażagħ u xjuħ, bejn adulti, jekk ma hemmx djalogu, kull ġenerazzjoni tibqa’ iżolata u ma tistax tgħaddi l-messaġġ. Żagħżugħ li mhuwiex marbut mal-għeruq tiegħu, li huma n-nanniet, ma jirċevix il-qawwa – bħalma s-siġra għandha l-qawwa tagħha mill-għeruq – u jikber ħażin, jikber marid, jikber bla punti ta’ riferiment. Għalhekk hemm bżonn infittxu, bħala esiġenza umana, id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet. U dan id-djalogu hu importanti proprju bejn nanniet u neputijiet, li huma ż-żewġ trufijiet.
Ejjew nimmaġinaw belt fejn il-konvivenza bejn id-diversi etajiet tagħmel parti integrali mill-proġett globali tal-abitat tagħha. Naħsbu f’relazzjonijiet ta’ mħabba u rispett li jissawru bejn ix-xjuħija u ż-żgħożija li jdawlu l-istil kollu tar-relazzjonijiet. Il-mod kif il-ġenerazzjonijiet jitlaqqgħu ma’ xulxin isir għajn ta’ enerġija għal umaniżmu tassew viżibbli u li tista’ tgħix fih. Il-belt moderna hi tendenzjalment ostili għall-anzjani (u mhux ta’ b’xejn li hi wkoll għat-trabi). Din is-soċjetà li għandha dan l-ispirtu tal-iskart u tarmi tant trabi mhux mixtieqa, tarmi lix-xjuħ ukoll: tarmihom, għaliha ma jiswewx, u tixħithom f’dar tal-anzjani, l-isptar… Il-veloċità żejda tpoġġina f’magna ċentrifuga li tarmina qisna konna konfetti. Tintilef għalkollox il-ħarsa ta’ flimkien. Kulħadd jiggranfa mal-biċċa żgħira tiegħu, iżżomm f’wiċċ il-mewġ tal-belt-suq, li għaliha r-ritmi kajmani huma telf ta’ ħin u l-veloċità tissarraf fi flus. Il-veloċità żejda lill-ħajja ġġibha trab, ma tagħmilhiex iktar intensa. U l-għerf jitlob li “naħlu l-ħin”. Meta tmur lura d-dar u tara lil ibnek, bintek żgħira u “taħli l-ħin” magħhom, dik it-taħdita hi fundamentali għas-soċjetà. U meta tidħol lura d-dar u jkun hemm in-nannu jew in-nanna li forsi m’għadhomx jirraġunaw tajjeb jew, ma nafx, tilfu xi ftit il-kapaċità tal-kelma, u toqgħod magħhom, “taħli l-ħin” tkun, imma dan il-“ħela ta’ ħin” isaħħaħ il-familja umana. Hemm bżonn li nqattgħu l-ħin – ħin li ma jġibx flus – mat-tfal u max-xjuħ, għax huma jagħtuna kapaċità oħra kif inħarsu lejn il-ħajja.
Meta nitilfu l-kuntatt tagħna mar-ritmi kajmani tax-xjuħija nkunu qed nagħlqu dawn l-ispazji għal kulħadd. Hu f’dan id-dawl li ridt li tibda ssir il-festa tan-nanniet
Il-pandemija, li fiha għadna qed ngħixu, imponiet – b’ħafna tbatija, irridu ngħidu – daqqa ta’ ħarta fuq il-kult mudlam tal-veloċità. U f’dan il-perjodu n-nanniet servew ta’ kenn għan-“nixfa” affettiva taċ-ċkejknin. Il-patt viżibbli bejn il-ġenerazzjonijiet, li jqiegħed f’armonija ż-żminijiet u r-ritmi tagħhom, iroddilna t-tama li m’aħniex ngħixu għalxejn. U jrodd lil kull wieħed u waħda minna l-imħabba għall-ħajja vulnerabbli tagħna, u jagħlaq it-triq lill-ossessjoni tal-veloċità, li sempliċiment tikkunsmaha. Il-kelma-muftieħ hawn hi “titlef il-ħin”. Lil kull wieħed u waħda minnkom nistaqsikom: int taf titlef il-ħin, jew int dejjem mgħaġġel? “Le, mgħaġġel, ma nistax…”? Taf titlef il-ħin man-nanniet, max-xjuħ? Taf titlef il-ħin tilgħab ma’ wliedek, mat-tfal? Dan hu l-paragun. Aħsbu ftit. U dan irodd lil kull wieħed u waħda minna l-imħabba għall-ħajja vulnerabbli tagħna, u jimbarra – kif għidt – it-triq għall-ossessjoni tal-veloċità, li sempliċiment tikkunsmaha. Ir-ritmi tax-xjuħija huma riżorsa indispensabbli biex nifhmu s-sens tal-ħajja mmarkata miż-żmien. Ix-xjuħ għandhom ir-ritmi tagħhom, imma huma ritmi li jgħinuna. Grazzi għal din il-medjazzjoni, issir iktar kredibbli d-destinazzjoni tal-ħajja għal-laqgħa ma’ Alla: pjan li hemm moħbi fil-ħolqien tal-bniedem “fuq ix-xbieha u s-sura tiegħu” u hu ssiġillat fl-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla li jsir bniedem.
Illum qed naraw il-ħajja umana titwal iżjed. Dan joffrilna l-opportunità li nkabbru l-patt bejn iż-żminijiet kollha tal-ħajja. Ħajja iżjed twila, imma rridu nsaħħu l-patt. U dan jgħinna wkoll inkabbru l-patt mas-sens tal-ħajja fil-milja tagħha. Is-sens tal-ħajja mhuwiex biss fl-età adulta, minn 25 sa 60. Is-sens tal-ħajja hu kollu, mit-twelid sal-mewt, u int għandek tkun kapaċi tagħmilha ma’ kulħadd, ikollok relazzjonijiet affettivi ma’ kulħadd, biex hekk il-maturità tiegħu tkun iktar għanja, iktar b’saħħitha. U joffrilna wkoll din it-tifsira tal-ħajja, li hi kollha kemm hi. L-Ispirtu jagħtina l-intelliġenza u l-qawwa għal din ir-riforma: hemm bżonn ta’ riforma. Il-prepotenza taż-żmien tal-arloġġ għandha tiġi mibdula fil-ġmiel tar-ritmi tal-ħajja. Din hija r-riforma li għandna nagħmlu fil-qlub tagħna, fil-familja u fis-soċjetà. Intenni: x’ħa nirriformaw? Li l-prepotenza taż-żmien tal-arloġġ tiġi mibdula fil-ġmiel tar-ritmi tal-ħajja. Nibdlu l-prepotenza taż-żmien, li dejjem jgħaġġilna, fir-ritmi proprji tal-ħajja. Il-patt bejn il-ġenerazzjonijiet hu indispensabbli. Soċjetà fejn ix-xjuħ ma jitkellmux maż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ ma jitkellmux max-xjuħ, l-adulti ma jitkellmux max-xjuħ u lanqas maż-żgħażagħ, hi soċjetà sterili, bla futur, soċjetà li mhix tħares lejn ix-xefaq imma lejha nfisha. U tispiċċa waħidha. Ħa jgħinna Alla nsibu l-mużika adatta għal din l-armonizzazzjoni bejn id-diversi etajiet: iż-żgħar, ix-xjuħ, l-adulti, ilkoll flimkien: sinfonija sabiħa ta’ djalogu.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard