Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nixtieq inkellimkom fuq il-Vjaġġ Appostoliku li għamilt f’Budapest u fis-Slovakkja, u li għalaq proprju ġimgħa ilu, l-Erbgħa li għaddiet. Li kelli niġbru fi ftit kelmiet, ngħid hekk: kien pellegrinaġġ ta’ talb, pellegrinaġġ lejn l-għeruq, pellegrinaġġ ta’ tama. Talb, għeruq u tama.
1. L-ewwel tappa kienet Budapest, għall-Quddiesa tal-għeluq tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali, li tmexxiet għal sena eżatt wara meta kienet ippjanata, minħabba l-pandemija. Kbira kienet il-parteċipazzjoni f’din iċ-ċelebrazzjoni. Il-poplu qaddis ta’ Alla, fil-jum tal-Mulej, inġabar quddiem il-misteru tal-Ewkaristija, li minnu kontinwament hu mnissel u mgħajjex mill-ġdid. Kien imħaddan mis-Salib li kien hemm jiddomina l-altar, biex juri l-istess direzzjoni indikata mill-Ewkaristija, jiġifieri t-triq tal-imħabba umli u diżinteressata, tal-imħabba ġeneruża u li tirrispetta lil kulħadd, tat-triq tal-fidi li ssaffi mill-mondanità u twassal għal dak li hu essenzjali. Din il-fidi ssaffina dejjem u tbegħidna mill-mondanità li tirvinana lkoll: hija susa li tiekol minn ġewwa.
U l-pellegrinaġġ ta’ talb għalaq fis-Slovakkja fil-Festa ta’ Marija Addolorata. Anki hemm, f’Šaštín, ħdejn is-Santwarju tal-Verġni tas-Seba’ Duluri, poplu kbir ta’ wlied ġie jħaffef għall-festa tal-Omm, li hi wkoll il-festa reliġjuża nazzjonali. Għalhekk dan tiegħi kien pellegrinaġġ ta’ talb fil-qalba tal-Ewropa, li beda bl-adorazzjoni u għalaq bil-pjetà popolari. It-talb, għax għal dan hu msejjaħ qabelxejn il-Poplu ta’ Alla: jadura, jitlob, jimxi, pellegrin, jagħmel penitenza, u f’dan kollu nħossu l-paċi u l-ferħ li jagħtina l-Mulej. Ħajjitna hekk għandha tkun: naduraw, nitolbu, nimxu, pellegrini, nagħmlu penitenza. U dan għandu importanza partikulari fil-kontinent Ewropew, fejn il-preżenza ta’ Alla qed tisfa fix-xejn – dan narawh ta’ kuljum: il-preżenza ta’ Alla qed tisfa mxejna – mill-konsumiżmu u mis-“sħab” ta’ ħsieb wieħed – ħaġa stramba imma vera – frott tal-ħallata ballata ta’ ideoloġiji qodma u ġodda. U dan ibegħidna mill-familjarità mal-Mulej, mill-familjarità ma’ Alla. Anki f’dan il-kuntest, it-tweġiba li tfejjaq tiġi mit-talb, mix-xhieda u mill-imħabba umli. L-imħabba umli li taqdi. Nerġgħu naqbdu din l-idea: in-Nisrani qiegħed hemm biex jaqdi.
Dan hu li rajt fil-laqgħa mal-poplu qaddis ta’ Alla. X’rajt? Poplu fidil, li bata l-persekuzzjoni ateista. Dan rajtu wkoll fl-uċuħ ta’ ħutna, li magħhom fakkarna x-Shoah. Għax ma hemmx talb mingħajr memorja. Ma hemmx talb mingħajr memorja. Xi jfisser dan? Li aħna, meta nitolbu, irridu nagħmlu memorja ta’ ħajjitna, tal-ħajja tal-poplu tagħna, tal-ħajja ta’ tant persuni li jimxu magħna fil-belt, u nżommu quddiem għajnejna x’kienet l-istorja tagħhom. Wieħed mill-Isqfijiet Slovakki, illum anzjan, ġie jsellimli u qalli: “Jiena dħalt sewwieq ta’ tramm biex stajt nistaħba mill-Komunisti”. X’kuraġġ, dan l-Isqof: fid-dittatura, fil-persekuzzjonijiet hu kien sewwieq ta’ tramm, imbagħad bil-moħbi kien jagħmel il-“mestier” tiegħu ta’ Isqof u dan ħadd ma kien jafu. Hekk jiġri fil-persekuzzjoni. Ma hemmx talb mingħajr memorja. It-talb, il-memorja tal-ħajja tagħna, tal-ħajja tal-poplu tagħna, tal-istorja tagħna: nagħmlu memorja u niftakru. Dan jagħmlilna tajjeb u jgħinna nitolbu.
2. It-tieni aspett: dan il-vjaġġ kien pellegrinaġġ lejn l-għeruq. Meta ltqajt ma’ ħuti l-Isqfijiet, kemm f’Budapest u kemm fi Bratislava, stajt immiss b’idejja t-tifkira grata ta’ dawn l-għeruq ta’ fidi u ta’ ħajja Nisranija, li kienu għadhom ħajjin fl-eżempju kollu dawl ta’ xhieda tal-fidi, bħall-Kardinal Mindszenty u l-Kardinal Korec, bħall-Beatu Isqof Pavel Peter Gojdič. Għeruq li jinżlu fil-fond lura sas-seklu disgħa, sal-opra ta’ evanġelizzazzjoni tal-aħwa qaddisa Ċirillu u Metodju, li sieħbu dan il-vjaġġ bħala preżenza kostanti. Stajt inħoss il-qawwa ta’ dawn l-għeruq fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija Divina fir-rit Biżantin, fi Prešov, fil-Festa tas-Salib Imqaddes. Fil-kant ħassejt tivvibra l-qalb tal-poplu qaddis u fidil, li għaddiet mill-forġa ta’ tant tbatijiet minħabba l-fidi.
Kemm-il darba sħaqt fuq il-fatt li dawn l-għeruq huma dejjem ħajjin, mimlija bil-ħajja li jagħti l-Ispirtu s-Santu, u għalhekk għandhom jiġu mħarsin: mhux bħala xi sejbiet għall-mużew, mhux ideoloġizzati u strumentalizzati għal interessi ta’ prestiġju u ta’ poter, biex isaħħu identità magħluqa. Le. Hekk inkunu nittraduhom u niżvojtahom! Ċirillu u Metodju għalina mhumiex persunaġġi biex infakkruhom, imma mudelli biex nixbhuhom, mgħallmin li mingħandhom dejjem nistgħu nitgħallmu l-ispirtu u l-metodu tal-evanġelizzazzjoni, kif ukoll tal-impenn ċivili – matul dan il-vjaġġ fil-qalba tal-Ewropa ħsibt spiss fil-missirijiet tal-Unjoni Ewropea, kif ħolmuha, mhux bħala aġenzija li tqassam il-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi tal-moda, le, imma kif ħolmuha huma –. Jekk nifhmuhom u ngħixuhom hekk, l-għeruq huma garanzija ta’ futur: minnhom iwarrdu friegħi ħoxnin ta’ tama. Aħna wkoll għandna l-għeruq tagħna: kull wieħed u waħda minna għandu l-għeruq tiegħu. Niftakruhom l-għeruq tagħna? Ta’ missirijietna, tan-nanniet? U aħna marbutin man-nanniet li huma teżor? “Imma issa xjaħu…”. Le, le: huma jagħtuk il-ħajja, int trid tmur għandhom u tirċeviha mingħandhom biex tista’ tikber u timxi ’l quddiem. Aħna ma ngħidux: “Mur, u oqgħod stkenn fl-għeruq”: le, le. “Mur għall-għeruq, ħu minn hemm il-ħajja u imxi ’l quddiem. Imxi lejn fejn hu postok”. Tinsiehx dan. U ntennilkom dak li għidt tant drabi, dak il-vers tant sabiħ: “Dak kollu li warrad fis-siġra ġej minn dak li għandha taħt il-ħamrija”. Int tista’ tikber skont kemm int magħqud mal-għeruq: minn hemm tiġik is-saħħa. Jekk int taqta’ l-għeruq, kollox ġdid, ideoloġiji ġodda, dan ma jwasslek imkien, mhux sa jgħinek tikber: tispiċċa ħażin.
3. It-tielet aspett ta’ dan il-Vjaġġ kien pellegrinaġġ ta’ tama. Talb, għeruq u tama, it-tliet aspetti. Rajt tant tama f’għajnejn iż-żgħażagħ, fil-laqgħa indimentikabbli fl-istadju ta’ Košice. Dan imlieni wkoll b’ħafna tama, meta rajt tant, tant koppji żgħażagħ u tant tfal. U ġietni f’moħħi x-xitwa demografika li qed ngħixu aħna, meta dawn il-pajjiżi qed iwarrdu b’koppji żgħażagħ u tfal: sinjal ta’ tama. Speċjalment fi żmien il-pandemija, dan il-mument ta’ festa kien sinjal qawwi u inkuraġġanti, anki grazzi għall-preżenza ta’ għadd kbir ta’ koppji żgħażagħ, bit-tfal tagħhom. Kemm hi qawwija u profetika x-xhieda tal-Beata Anna Kolesárová, tfajla Slovakka li akkost ta’ ħajjitha ddefendiet id-dinjità tagħha kontra l-vjolenza: xhieda li, b’xorti ħażina, hi attwali iżjed min qatt qabel, għax il-vjolenza fuq in-nisa hija pjaga miftuħa ma’ kullimkien.
Rajt tama f’tant persuni li, fis-skiet, jieħdu ħsieb u jagħtu kas tal-proxxmu. Jiġuni f’moħħi s-Sorijiet Missjunarji tal-Karità taċ-Ċentru Betlehem fi Bratislava, sorijiet bravi, li jilqgħu għandhom dawk li s-soċjetà tarmi: jitolbu u jaqdu, jitolbu u jgħinu. U jitolbu ħafna u jgħinu ħafna, bla ma jippretendu xejn. Dawn huma l-eroj ta’ din iċ-ċivilizzazzjoni. Nixtieq li lkoll nuru r-rikonoxximent tagħna lejn Madre Tereża u lejn dawn is-sorijiet: ilkoll flimkien applaws lil dawn is-sorijiet bravi! Dawn is-sorijiet jilqgħu l-persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom. Qed tiġini f’moħħi l-komunità Rom u dawk kollha li jaħdmu magħhom għal mixja ta’ fraternità u ta’ inklużjoni. Kienet ħaġa kommoventi għalija nieħu sehem fil-festa tal-komunità Roma: festa sempliċi, mimlija bil-Vanġelu. Ir-Rom huma ħutna: jeħtieġ nilqgħuhom, jeħtieġ inkunu qrib tagħhom kif jagħmlu l-Patrijiet Salesjani hemm fi Bratislava, qrib ħafna tar-Rom.
Għeżież ħuti, din it-tama, din it-tama tal-Vanġelu li stajt nilmaħ f’dan il-vjaġġ, isseħħ, issir konkreta biss jekk magħha nqiegħdu kelma oħra: flimkien. It-tama ma tqarraq qatt bina, it-tama ma timxi qatt waħidha, imma flimkien. F’Budapest u fis-Slovakkja ltqajna flimkien mad-diversi riti tal-Knisja Kattolika, flimkien ma’ ħutna ta’ Konfessjonijiet Insara oħra, flimkien mal-aħwa Lhud, flimkien mal-membri ta’ reliġjonijiet oħra, flimkien mal-iżjed dgħajfa. Din hija t-triq, għax il-futur jista’ jkun ta’ tama jekk ngħixuh flimkien, mhux waħidna: dan hu l-importanti.
U wara dan il-vjaġġ, fil-qalb tiegħi hemm “grazzi” kbira. Grazzi lill-Isqfijiet, grazzi lill-Awtoritajiet ċivili, grazzi lill-Presidenti tal-Ungerija u tas-Slovakkja; grazzi lill-kollaboraturi kollha fl-organizzazzjoni; grazzi lil tant voluntiera; grazzi lil kull min offra t-talb tiegħu. Nitlobkom, żidu talba oħra, biex iż-żerriegħa mxerrda matul il-Vjaġġ tagħti frott tajjeb. Nitolbu għal dan.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard