Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nixtieq nieqaf fuq il-figura ta’ San Ġużepp bħala bniedem li joħlom. Fil-Bibbja, kif ukoll fil-kulturi tal-popli tal-qedem, il-ħolm kien meqjus mezz li permezz tiegħu Alla juri lilu nnifsu.[i] Il-ħolm jissimbolizza l-ħajja spiritwali ta’ kull wieħed u waħda minna, dak l-ispazju ġewwieni, li kull wieħed hu msejjaħ jieħu ħsieb, fejn Alla jurina min hu u spiss ikellimna. Imma rridu ngħidu li ġewwa fina ma hemmx biss il-leħen ta’ Alla: hemm tant ilħna oħra. Ngħidu aħna, l-ilħna tal-biżgħat tagħna, l-ilħna tal-esperjenzi l-imgħoddija, l-ilħna tat-tamiet; u hemm ukoll il-leħen tal-ħażin li jrid iqarraq bina u jgerfixna. Allura importanti jirnexxilna nagħrfu l-leħen ta’ Alla qalb l-ilħna l-oħra. Ġużeppi jurina li jaf irawwem fih is-skiet meħtieġ u, fuq kollox, jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba quddiem il-Kelma li Alla jlissinlu fil-qalb tiegħu. Nagħmlu sew illum jekk nerġgħu naqbdu l-erba’ ħolmiet li nsibu fil-Vanġelu u li għandhom lilu bħala protagonista, biex nifhmu kif għandna nġibu ruħna quddiem ir-rivelazzjoni ta’ Alla. Il-Vanġelu jirrakkontalna erba’ ħolmiet ta’ Ġużeppi.

Fl-ewwel ħolma (ara Mt 1:18-25), l-anġlu jgħin lil Ġużeppi jsolvi l-għawġ li jiġi fuqu meta jsir jaf bit-tqala ta’ Marija: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (vv. 20-21). U t-tweġiba tiegħu kienet immedjata: “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej” (v. 24). Ħafna drabi l-ħajja tqegħdilna quddiemna sitwazzjonijiet li ma nifhmux u li jidhru bla soluzzjoni. F’dawk il-mumenti, li nitolbu jfisser inħallu lill-Mulej jurina l-aħjar ħaġa li għandna nagħmlu. Fil-fatt, ta’ spiss ikun it-talb li jwelled fina l-intuwizzjoni ta’ kif għandna nagħmlu biex noħorġu minnhom, kif nistgħu nsolvu dik is-sitwazzjoni. Għeżież ħuti, il-Mulej ma jħalli qatt li tinqala’ problema mingħajr ma jagħtina wkoll l-għajnuna meħtieġa biex inħabbtu wiċċna magħha. Ma jixħitniex hemm fil-forn waħidna. Ma jixħitniex qalb il-bhejjem. Le. Il-Mulej meta jgħinna naraw problema jew jikxfilna problema, dejjem jagħtina l-intuwizzjoni, l-għajnuna, il-preżenza tiegħu, biex noħorġu minnha, biex insolvuha.

Alla mhux iwegħidna li mhu ħa jkollna qatt biża’, imma li, bl-għajnuna tiegħu, dan mhux sa jkun il-kriterju tad-deċiżjonijiet tagħna. Il-qawwa tat-talb tixħet dawl fuq is-sitwazzjonijiet mudlama.

U t-tieni ħolma li biha Ġużeppi rċieva rivelazzjoni tasal meta l-ħajja tat-tarbija Ġesù kienet fil-periklu. Il-messaġġ kien wieħed ċar: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu” (Mt 2:13). Ġużeppi, bla ma qagħad itella’ u jniżżel, obda: “Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi” (vv. 14-15). Fil-ħajja lkoll nagħmlu esperjenza ta’ perikli li jheddu l-eżistenza tagħna jew dik ta’ min inħobbu. F’dawn is-sitwazzjonijiet, li nitolbu jfisser nisimgħu dak il-leħen li jista’ jnibbet fina l-istess kuraġġ ta’ Ġużeppi, biex inħabbtu wiċċna mad-diffikultajiet mingħajr ma nċedu.

Fl-Eġittu, Ġużeppi jistenna mingħand Alla s-sinjal biex jista’ jerġa’ lura d-dar; u huwa proprju dan il-kontenut tat-tielet ħolma. L-anġlu wrieh li kienu mietu dawk li riedu joqtlu lit-tifel u ordnalu jitlaq b’Marija u Ġesù u jirritorna f’art twelidu (ara Mt 2:19-20). Ġużeppi “qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael” (v. 21). Imma proprju waqt il-vjaġġ lura, “billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm” (v. 22). U hawn għandna r-raba’ rivelazzjoni: “Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret” (vv. 22-23). Il-biża’ wkoll jagħmel parti mill-ħajja u anki dan għandu bżonn tat-talb tagħna. Alla mhux iwegħidna li mhu ħa jkollna qatt biża’, imma li, bl-għajnuna tiegħu, dan mhux sa jkun il-kriterju tad-deċiżjonijiet tagħna. Il-qawwa tat-talb tixħet dawl fuq is-sitwazzjonijiet mudlama.

Ġenituri li jaraw orjentamenti sesswali differenti f’uliedhom; kif ħa jagħmlu u jsieħbu lil uliedhom u ma jinħbewx wara atteġġjament ta’ kundanna

Bħalissa qed naħseb f’tant persuni li jħossuhom mgħaffġa taħt it-toqol tal-ħajja u la qed jirnexxilhom jittamaw u lanqas jitolbu. Ħa jgħinhom San Ġużepp biex jinfetħu għad-djalogu ma’ Alla, biex jerġgħu jsibu d-dawl, il-qawwa u s-sliem. U qed naħseb ukoll fil-ġenituri quddiem il-problemi tal-ulied. Ulied b’tant mard, l-ulied morda, anki b’mard permanenti: kemm tbatija hemmhekk! Ġenituri li jaraw orjentamenti sesswali differenti f’uliedhom; kif ħa jagħmlu u jsieħbu lil uliedhom u ma jinħbewx wara atteġġjament ta’ kundanna. Ġenituri li jaraw lil uliedhom jitilqu, imutu, b’marda u anki – din iżjed kerha, u naqrawha ta’ kuljum fil-ġurnali – tfal li jagħmlu xi ħmerija u jispiċċaw f’xi inċident bil-karozza. Il-ġenituri li jaraw lil uliedhom jibqgħu lura fl-iskola u ma jafux x’jaqbdu jagħmlu… Tant problemi tal-ġenituri. Irridu naraw kif sa ngħinuhom. U lil dawn il-ġenituri ngħidulhom: la tibżgħux. Iva, hemm it-tbatija. Ħafna. Imma araw ftit kif solviehom il-problemi Ġużeppi u itolbu lil Ġużeppi jgħinkom hu. Imma li tikkundanna lil ibnek. Iġibuli qalbi tikka lili – dan kont narah fi Buenos Aires – meta kont inkun fuq tal-linja u ngħaddi minn quddiem il-ħabs: u nara r-ringiela ta’ nies biex jidħlu jżuru l-ħabsin. U kien ikun hemm l-ommijiet, hemmhekk, qalbi kienu jġibuhieli tikka: quddiem il-problema ta’ iben li żbalja, spiċċa l-ħabs, ma kinux jitilquh waħdu, imma kienu jagħmlu wiċċhom u jmorru ħdejh. Dak kuraġġ; kuraġġ ta’ missier u ta’ omm li jakkumpanjaw dejjem lil uliedhom, dejjem. Nitolbu lill-Mulej jagħti lill-missirijiet kollha u lill-ommijiet kollha dan il-kuraġġ li ta lil Ġużeppi. U mbagħad nitolbu li l-Mulej jgħinhom f’dawn il-mumenti.

Imma t-talb qatt ma hu ġest astratt jew intimistiku, kif iridu jagħmlu dawk il-movimenti spiritwalisti iżjed Injostiċi milli Nsara. Le, mhuwiex hekk. It-talb hu dejjem indissolubbilment marbut mal-imħabba. Huwa biss meta mat-talb ngħaqqdu l-imħabba, l-imħabba għall-ulied fil-każ li semmejt issa jew l-imħabba għall-proxxmu, li jirnexxilna nifhmu l-messaġġi tal-Mulej. Ġużeppi kien jitlob, jaħdem u jħobb – tliet ħwejjeġ sbieħ għall-ġenituri: jitlob, jaħdem u jħobb – u għalhekk irċieva dejjem il-meħtieġ biex seta’ jaffronta t-tiġrib tal-ħajja. Ejjew nafdaw fih u fl-interċessjoni tiegħu.

San Ġużepp, int il-bniedem li joħlom,
għallimna nerġgħu nfittxu l-ħajja spiritwali
bħala l-post ġewwieni li fih Alla jurina lilu nnifsu u jsalvana.
Tajjar minn moħħna kull ħsieb illi t-talb hu għalxejn;
għin lil kull wieħed u waħda minna biex nikkorrispondu ma’ dak li l-Mulej qed jurina.
Ħa jkunu r-raġunamenti tagħna mdawla mid-dawl tal-Ispirtu,
il-qalb tagħna mħeġġa mill-qawwa tiegħu,
u l-biżgħat tagħna salvati mill-ħniena tiegħu. Amen.


[i] Ara Ġen 20:3; 28:12; 31:11,24; 40:8; 41:1-32; Num 12:6; 1 Sam 3:3-10; Dan 2; 4; Ġob 33:15.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard