Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum, ftit tal-jiem biss bogħod mill-Milied, nixtieq infakkar mill-ġdid magħkom il-ġrajja li l-istorja ma tistax twarrab: it-twelid ta’ Ġesù.

Biex jobdu d-digriet tal-Imperatur Ċesari Awgustu, li ordna li kulħadd kellu jmur jirreġistra fil-pajjiż tal-oriġni tiegħu, Ġużeppi u Marija minn Nazaret telgħu Betlehem. Malli waslu, mill-ewwel fittxew fejn joqogħdu, għax kien għalqilha ż-żmien biex teħles; imma ma sabux, u allura Marija kellha tiled fi stalla (ara Lq 2:1-7).

Ejjew naħsbu ftit: il-Ħallieq tal-univers… ma nstabx post għalih fejn jitwieled! Forsi din kienet antiċipazzjoni ta’ dak li jgħid l-evanġelista Ġwanni: “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (1:11); u ta’ dak li Ġesù nnifsu mbagħad qal: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu” (Lq 9:58).

Kien anġlu li ħabbar it-twelid ta’ Ġesù, u dan għamlu lil sempliċi ragħajja fqajrin. U kienet kewkba li wriet lill-Maġi t-triq biex jaslu Betlehem (ara Mt 2:1,9-10). L-anġlu huwa messaġġier ta’ Alla. Il-kewkba tfakkar kif Alla ħalaq id-dawl (Ġen 1:3) u li dik it-Tarbija kellha tkun “id-dawl tad-dinja”, kif hu stess sejjaħ lilu nnifsu (ara Ġw 8:12,46), id-“dawl veru li jdawwal lil kull bniedem” (Ġw 1:9), li “jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux” (v. 5).

Ir-ragħajja jippersonifikaw lill-foqra ta’ Iżrael, persuni umli li minn ġewwa jgħixu bl-għarfien tan-nuqqasijiet tagħhom, u proprju għalhekk, iżjed minn ħaddieħor, jafdaw f’Alla. Huma l-ewwel nies li jaraw lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, u din il-laqgħa tibdilhom profondament. Il-Vanġelu jinnota li reġgħu lura “jsebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu” (Lq 2:20).

Madwar Ġesù li għadu kemm twieled hemm ukoll il-Maġi (ara Mt 2:1-12). Il-Vanġeli ma jgħidulniex li kienu slaten, lanqas jagħtuna l-għadd tagħhom, u lanqas l-ismijiet. B’ċertezza nafu biss li minn pajjiż imbiegħed tal-Lvant (moħħna jmur fuq il-Babilonja, l-Għarabja jew il-Persja ta’ dak iż-żmien) telqu fi vjaġġ ifittxu lis-Sultan tal-Lhud, li f’qalbhom identifikawh ma’ Alla, għax jgħidu li jixtiequ jadurawh. Il-Maġi jirrappreżentaw lill-ġnus pagani, b’mod partikulari dawk kollha li matul is-sekli jfittxu lil Alla u jagħmlu mixja biex isibuh. Jirrappreżentaw ukoll lill-għonja u s-setgħana, imma dawk biss li mhumiex ilsiera tal-pussess, li mhumiex “ipposseduti” mill-ħwejjeġ li jaħsbu li jippossedu.

Il-messaġġ tal-Vanġeli huwa wieħed ċar: it-twelid ta’ Ġesù huwa ġrajja universali li tolqot lill-bnedmin kollha.

Għeżież ħuti, hija biss l-umiltà t-triq li twassalna għand Alla u, fl-istess waqt, proprju għax twassalna għandu, twassalna wkoll għall-essenzjal tal-ħajja, għat-tifsira l-iżjed vera tagħha, għar-raġuni l-iżjed soda għaliex il-ħajja hi ta’ min jgħixha.

Hija biss l-umiltà li tiftħilna qalbna beraħ għall-esperjenza tal-verità, tal-ferħ awtentiku, tal-għarfien ta’ dak li tassew jiswa. Mingħajr umiltà “ninqatgħu barra”, ninqatgħu barra mill-għarfien ta’ Alla, mill-għarfien tagħna nfusna. Jeħtieġ inkunu umli biex nifhmu lilna nfusna, u iżjed u iżjed biex nifhmu lil Alla. Il-Maġi setgħu kienu wkoll kbar skont il-loġika tad-dinja, imma huma ċċekknu, saru umli, u proprju għalhekk irnexxielhom isibu lil Ġesù u jagħrfuh. Huma aċċettaw li jkunu umli biżżejjed li jfittxu, li jibdew vjaġġ, li jistaqsu, li jirriskjaw, li jiżbaljaw…

Kull bniedem, fil-fond ta’ qalbu, hu msejjaħ ifittex lil Alla: ilkoll kemm aħna għandna fina dan it-tħassib u xogħolna hu li ma noħonquhx, imma li nħalluh jikber biex isir it-tħassib ta’ min qed ifittex lil Alla; u, bl-istess grazzja tiegħu, jista’ jsibu. Nagħmlu tagħna t-talba ta’ Sant’Anselmu (1033-1109): “Mulej, għallimni nfittxek. Uri ruħek, meta jiena nfittxek. Ma nistax infittxek, jekk int ma tgħallimnix; lanqas insibek, jekk int ma turix ruħek. Ħa nfittxek billi nixtieqek u ħa nixtieqek billi nfittxek! Ħa nsibek meta nfittxek u ħa nħobbok meta nsibek!” (Proslogion, 1).

Għeżież ħuti, nixtieq nistieden lil kulħadd jidħol fil-grotta ta’ Betlehem biex inqimu lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Ħa jersaq kull wieħed u waħda minna lejn il-presepju li għandu fid-dar tiegħu jew fil-knisja jew f’xi post ieħor, u jfittex li jagħmel att ta’ qima, ġewwa fih: “Jiena nemmen li int Alla, li din it-tarbija hija Alla. Nitolbok, agħtini l-grazzja tal-umiltà biex nista’ nifhmu dan”.

Quddiem nett, aħna u nersqu lejn il-presepju biex nitolbu, nixtieq inqiegħed lill-foqra, li – kif stedinna San Pawlu VI – “għandna nħobbuhom, għax f’ċertu sens huma sagrament ta’ Kristu; fihom – fl-imġewħa, f’dawk li huma bil-għatx, fl-eżiljati, fl-għerja, fil-morda u fil-ħabsin – Hu ried jidentifika ruħu b’mod mistiku. Jeħtieġ ngħinuhom, inbatu magħhom, u anki nimxu warajhom, għax il-faqar huwa l-aktar triq żgur biex nistgħu niksbu b’mod sħiħ is-Saltna ta’ Alla” (Omelija, 1 ta’ Mejju 1969). Għalhekk jeħtieġ nitolbu l-grazzja tal-umiltà: “Mulej, agħmel li ma nkunx supperv, li ma naħsibx li nista’ nagħmel kollox waħdi, li ma naħsibx li jiena ċ-ċentru tal-univers. Agħmilni umli. Agħtini l-grazzja tal-umiltà. U b’din l-umiltà jiena nista’ nsibek”. Din hija l-unika triq, mingħajr umiltà lil Alla ma nistgħu qatt insibuh: insibu biss lilna nfusna. Għax il-persuna li m’għandhiex umiltà ma jkollha ebda xefaq quddiemha, ikollha biss mera: tħares lejha nfisha. Nitolbu lill-Mulej li nkunu kapaċi nkissru din il-mera biex nistgħu nħarsu lil hemm, lejn ix-xefaq, fejn hemm hu. Imma dan hu jrid jagħmlu: jagħtina l-grazzja u l-ferħ tal-umiltà biex nistgħu nimxu f’din it-triq.

U mbagħad, ħuti, nixtieq inwassal sa Betlehem, kif għamlet il-kewkba mal-Maġi, lil dawk kollha li ma għandhom ebda tħassib reliġjuż, li għalihom Alla mhux ‘problema’, jew saħansitra jiġġieldu lir-reliġjon, dawk kollha li b’mod żbaljat jissejħu atej. Nixtieq intennilhom il-messaġġ tal-Konċilju Vatikan II: “Il-Knisja żżomm li l-għarfien ta’ Alla ma jmur bl-ebda mod kontra d-dinjità tal-bniedem għaliex din id-dinjità għandha s-sisien tagħha f’Alla u fih issib il-perfezzjoni. […] Il-Knisja taf li l-messaġġ tagħha jaqbel max-xewqat l-aktar moħbija ta’ qalb il-bniedem” (Gaudium et spes, 21).

Ejjew immorru lura fi djarna bl-awgurju tal-anġli: “Paċi fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb”. U niftakru dejjem: “Mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu […]. Hu ħabbna l-ewwel” (1 Ġw 4:10,19), ġie jfittixna. Ma ninsewhx dan.

Din hi r-raġuni tal-ferħ tagħna: ġejna maħbuba, ġejna mfittxija, il-Mulej ifittixna biex isibna, biex iħobbna iżjed. Din hi r-raġuni tal-ferħ tagħna: għax nafu li aħna ġejna maħbuba mingħajr ebda merti tagħna, Alla dejjem għaddiena fl-imħabba, imħabba hekk konkreta li tlaħħmet u ġiet tgħammar fostna, f’dik it-Tarbija li nilmħu fil-presepju. Din l-imħabba għandha isem u wiċċ: Ġesù huwa l-isem u l-wiċċ tal-imħabba li tinsab fil-bażi tal-ferħ tagħna. Ħuti, nawguralkom il-Milied it-tajjeb, Milied tajjeb u qaddis. U nixtieq li – jekk taqsmu l-awguri, il-laqgħat tal-familja, din ħaġa wisq sabiħa, dejjem – ħa jkun hemm ukoll l-għarfien li Alla ġej “għalija”. Ngħiduha kollha din: Alla ġej għalija. L-għarfien li biex infittxu lil Alla, insibu lil Alla, naċċettaw lil Alla, hemm bżonn tal-umiltà: inħarsu b’umiltà l-grazzja li nkissru l-mera tal-vanità, tas-suppervja, ta’ li noqogħdu nħarsu lejna nfusna. Inħarsu lejn Ġesù, inħarsu lejn ix-xefaq, inħarsu lejn Alla li ġej għandna u li jmiss il-qalb tagħna b’dak it-tħassib li jwassalna għat-tama. Nixtiqilkom Milied tajjeb u qaddis!

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard


Appell

Matul iż-żjara tiegħi f’Ċipru u l-Greċja, stajt nerġa’ mmiss personalment l-umanità midruba fir-refuġjati u l-migranti. Innutajt ukoll kif uħud biss mill-pajjiżi Ewropej qed iġorru l-biċċa l-kbira tal-konsegwenzi ta’ dan il-fenomenu migratorju fiż-żona tal-Mediterran, meta fil-verità hi meħtieġa responsabbiltà kondiviża li l-ebda pajjiż ma jista’ jeżenta lilu nnifsu minnha. B’mod partikolari, grazzi għall-awtoritajiet Taljani, stajt inġib Ruma grupp ta’ nies li ltqajt magħhom matul il-vjaġġ tiegħi: uħud minnhom qegħdin hawn fostna llum. Merħba! Bħala Knisja, se nieħdu ħsiebhom fix-xhur li ġejjin. Dan hu sinjal żgħir li nittama jservi ta’ stimolu għal pajjiżi oħra Ewropej, biex jippermettu lill-komunitajiet ekkleżjali lokali jieħdu ħsieb ħutna oħra li għandhom bżonn urġenti li jiġu rilokati.

Fil-fatt, hemm ħafna Knejjes lokali, kongregazzjonijiet reliġjużi u organizzazzjonijiet Kattoliċi li lesti jilqgħuhom u jakkumpanjawhom lejn integrazzjoni li tagħti l-frott. Kulma hemm bżonn hu li jinfetaħ bieb!