Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum se nitkellmu fuq it-tielet virtù teologali, l-imħabba. It-tnejn l-oħra, niftakru, kienu l-fidi u t-tama: illum se nitkellmu fuq it-tielet waħda, l-imħabba. Hija l-qofol tal-mixja kollha li għamilna bil-katekeżijiet fuq il-virtujiet. Meta naħsbu fl-imħabba qalbna malajr titwessa’, il-ħsieb tagħna jitwessa’, jiġri lejn il-kelmiet imnebbħa ta’ San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin. Biex jagħlaq dak l-innu stupend, San Pawl isemmi t-tliet virtujiet teologali u jesklama: “Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba” (1 Kor 13:13).
Pawlu jindirizza dawn il-kelmiet lil komunità li hi altru milli perfetta fl-imħabba tal-aħwa: l-Insara ta’ Korintu kienu pjuttost jillatikaw, kien hemm firdiet fuq ġewwa, kien hemm min jippretendi li dejjem għandu raġun u ma jismax lill-oħrajn, għax iqishom inqas minnu. Lil dawn Pawlu jfakkarhom li l-għerf jonfoħ, waqt li l-imħabba tibni (ara 1 Kor 8:1). L-Appostlu mbagħad isemmi skandlu li jmiss saħansitra l-mument tal-ikbar għaqda ta’ komunità Nisranija, jiġifieri l-“ikla tal-Mulej”, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija: hemm ukoll hemm il-firdiet, u hemm min japprofitta minnha biex jiekol u jixrob u jeskludi lil min ma għandu xejn (ara 1 Kor 11:18-22). Quddiem dan, Pawlu jagħti ġudizzju ċar: “Meta tiltaqgħu f’post wieħed mhux l-ikla tal-Mulej li intom tieklu” (v. 20), għandkom ritwal ieħor, li hu pagan, mhijiex l-ikla tal-Mulej.
Min jaf, forsi fil-komunità ta’ Korintu ħadd ma kien jaħseb li għamel xi dnub u dawk il-kelmiet hekk iebsa tal-Appostlu kienu jdoqqu xi ftit bla sens għalihom. Aktarx kulħadd kien konvint li hu persuna tajba, u jekk tistaqsihom fuq l-imħabba, jgħidulek li bla dubju l-imħabba kienet għalihom valur importanti ħafna, kif inhuma l-ħbiberija u l-familja. Anki fi żmienna l-imħabba tinsab fuq fomm kulħadd, u fuq fomm tant “influencers” u fir-ritornelli ta’ tant kanzunetti. Jingħad ħafna fuq l-imħabba, imma x’inhi l-imħabba?
“U l-imħabba l-oħra?”, donnu qed jistaqsi Pawlu lill-Insara tiegħu ta’ Korintu. Mhux l-imħabba li titla’, imma dik li tinżel; mhux dik li tieħu, imma dik li tagħti; mhux dik li tidher, imma dik li tinħeba. Pawlu jitħasseb għax f’Korintu – kif hu għalina llum ukoll – hemm konfużjoni, u tal-virtù teologali tal-imħabba, dik li ġejja biss minn Alla, fir-realtà ma għad fadal ebda ħjiel. U jekk anki bil-kliem kulħadd jaċċerta li hu persuna tajba, li jrid il-ġid lill-familja tiegħu u lil ħbiebu, fir-realtà dwar l-imħabba ta’ Alla jafu ftit li xejn.
L-Insara tal-qedem kellhom diversi kelmiet Griegi biex jiddefinixxu l-imħabba. Fl-aħħar, ħarġet il-kelma “agape”, li normalment nittraduċuha “karità”. Għax fil-verità l-Insara kapaċi jħobbu b’kull mod li tħobb id-dinja: huma wkoll jafu jinnamraw, ftit jew wisq bħal kulħadd. Huma wkoll iduqu dik it-tjieba li wieħed iġarrab fil-ħbiberija. Huma wkoll iġarrbu l-imħabba għall-patrija u l-imħabba universali għall-umanità kollha. Imma hemm imħabba ikbar, imħabba li ġejja minn Alla u hi indirizzata lejn Alla, li tagħtina ħila nħobbu lil Alla, insiru ħbieb tiegħu, tagħtina l-ħila nħobbu lill-proxxmu kif iħobbu Alla, bix-xewqa li naqsmu flimkien il-ħbiberija ma’ Alla. Din l-imħabba, minħabba fi Kristu, teħodna hemm fejn umanament ma konniex immorru: hija l-imħabba għall-fqir, għal dak li ma fihx xi tħobb, għal min ma jridilniex ġid u ma hux rikonoxxenti. Hija l-imħabba għal dak li kieku ħadd ma jħobbu; anki għall-għadu. Anki għall-għadu. Dan hu “teologali”, dan ġej minn Alla, hu ħidma tal-Ispirtu s-Santu fina.
Fid-Diskors tal-Muntanja, Ġesù jipprietka hekk: “Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin” (Lq 6:32-33). U jikkonkludi: “Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena” (v. 35). Ejjew niftakruh dan: “Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura”. Ma ninsewhx dan!
F’dawn il-kelmiet l-imħabba tidher bħala virtù teologali u tieħu l-isem ta’ karità. L-imħabba hi karità. Nintebħu dritt li hi mħabba diffiċli, anzi impossibbli li nipprattikawha jekk ma ngħixux f’Alla. In-natura umana tagħna ġġagħalna nħobbu spontanjament dak li hu tajjeb u sabiħ. F’isem ideal jew affett kbir nistgħu wkoll inkunu ġenerużi u nagħmlu atti erojċi. Imma l-imħabba ta’ Alla tmur lil hemm minn dawn il-kriterji. L-imħabba Nisranija tħaddan dak li ma fihx xi tħobb, toffri l-maħfra – kemm hu diffiċli naħfru… kemm imħabba trid biex taħfer! –, l-imħabba Nisranija tbierek lil dawk li jisħtu, meta aħna quddiem insult jew saħta mdorrijin inwieġbu b’insult ieħor, b’saħta oħra. Hija mħabba hekk qalbiena li tidher kważi impossibbli, imma hija l-unika ħaġa li għad tibqa’ fina. L-imħabba hi l-“bieb id-dejjaq” li minnu rridu ngħaddu biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla. Għax fl-għabex tal-ħajja mhux sa niġu ġġudikati fuq l-imħabba ġenerika, imma se niġu ġġudikati proprju fuq il-karità, fuq l-imħabba li wrejna b’mod konkret. U Ġesù jgħidilna din il-kelma, hekk sabiħa: “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Dan huwa s-sabiħa, l-ikbar ħaġa fl-imħabba. Ejjew nimxu bil-kuraġġ!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard