Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum se nimmeditaw fuq San Ġużepp bħala missier ta’ Ġesù. L-Evanġelisti Mattew u Luqa jippreżentawh bħala missier putattiv ta’ Ġesù u mhux bħala missier bijoloġiku. Mattew jippreċiża dan, u jevita l-formula “nissel”, użata fil-ġenealoġija għall-antenati kollha ta’ Ġesù; imma jsejjaħlu “r-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu l-Messija” (1:16). Waqt li Luqa dan jistqarru billi jgħid li “n-nies kienu jaħsbuh” (3:23) li kien missier Ġesù, jiġifieri kien jidher qisu missieru.
Biex nifhmu l-paternità putattiva jew legali ta’ Ġużeppi, hemm bżonn inżommu quddiem għajnejna li fil-qedem fil-Lvant kienet frekwenti ħafna, iżjed milli hi llum, l-adozzjoni. Biżżejjed naħsbu fil-każ komuni f’Iżrael imsejjaħ tal-“levirjat” kif ifformulat fid-Dewteronomju: “Jekk aħwa jgħixu flimkien, u jmut wieħed minnhom, u ma jkollux tfal, il-mara tal-mejjet m’għandhiex tiżżewweġ barra l-familja lil xi ħadd barrani; ħatinha jersaq lejha, u jeħodha b’martu, u jaqdi dmiru ta’ ħu żewġha li hu. U hekk jiġri li l-ewwel iben li tiled jieħu isem ħuh il-mejjet u hekk ma jitħassarx ismu minn Iżrael” (25:5-6). Fi kliem ieħor, il-ġenitur ta’ dan it-tifel ikun ħaten ommu, imma l-missier legali jibqa’ l-mejjet, li jagħti lit-tarbija li tkun għadha kemm twieldet id-drittijiet kollha tal-wirt. L-għan ta’ din il-liġi kien doppju: biex tiżgura d-dixxendenza tal-mejjet u għaż-żamma tal-patrimonju.
Bħala missier uffiċjali ta’ Ġesù, Ġużeppi kellu d-dritt li jagħti hu l-isem lil ibnu, u hekk jirrikonoxxih ġuridikament. Ġuridikament huwa l-missier, imma mhux fit-tnissil, għax ma nisslux hux.
Antikament l-isem kien jiġbor fih l-identità ta’ persuna. Tibdel isem kien ifisser tibdel il-persuna, bħal fil-każ ta’ Abram, li ismu Alla bidilhulu għal “Abraham”, li jfisser “missier ta’ ħafna”, għax kif jgħid il-Ktieb tal-Ġenesi, “missier ħafna ġnus nagħmel minnek” (17:5). L-istess għal Ġakobb, li ġie msejjaħ “Iżrael”, li jfisser “dak li jitqabad ma’ Alla”, għax hu tqabad ma’ Alla għax riedu jbierku (ara Ġen 32:29; 35:10).
Imma fuq kollox, li tagħti l-isem lil xi ħadd jew xi ħaġa kien ifisser tafferma l-awtorità tiegħek fuq dak li qed jiġi msemmi, kif għamel Adam meta ta isem lill-annimali kollha (ara Ġen 2:19-20).
Ġużeppi diġà kien jaf li għal bin Marija kien hemm isem imħejji minn Alla – l-isem ta’ Ġesù jagħtihulu l-veru missier ta’ Ġesù, Alla – l-isem “Ġesù”, li jfisser “il-Mulej isalva”, kif ifissirlu l-Anġlu: “Għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:21). Dan l-aspett partikulari tal-figura ta’ Ġużeppi llum iservina biex nagħmlu riflessjoni fuq il-paternità u fuq il-maternità. U dan nemmen li hu importanti ħafna: li naħsbu fil-paternità, illum. Għax aħna b’xorti ħażina qed ngħixu fi żmien ta’ ħafna ltiema. Kurjuża din: iċ-ċiviltà tagħna hi xi ftit jew wisq iltima, u dan jinħass, li aħna ltiema. Il-figura ta’ San Ġużepp tgħinna nifhmu kif nistgħu nsolvu dan il-fatt li aħna ltiema u li llum qed jagħmel tant ħsara.
Ma nġibux wild fid-dinja biss biex ngħidu li aħna wkoll missirijiet jew ommijiet tiegħu jew tagħha. “Aħna ma nitwildux missirijiet, imma nsiru. U ma nsirux biss għax inġibu wild fid-dinja, imma għax nieħdu ħsiebu b’responsabbiltà. Kull darba li xi ħadd jerfa’ r-responsabbiltà tal-ħajja ta’ xi ħadd ieħor, f’ċertu sens ikun iħaddem il-paternità tiegħu fuqu” (Ittra appostolika Patris corde).
Qed jiġuni f’moħħi b’mod partikulari dawk kollha li jiftħu qalbhom biex jilqgħu l-ħajja billi jgħaddu mit-triq tal-adozzjoni, li hi atteġġjament hekk ġeneruż u sabiħ. Ġużeppi jurina li din ix-xorta ta’ rabta mhijiex sekondarja, mhijiex xi soluzzjoni għax m’hemmx x’tagħmel. Din ix-xorta ta’ għażla hija fost l-ogħla xejriet ta’ mħabba u ta’ paternità u maternità. Kemm tfal fid-dinja qed jistennew li xi ħadd jieħu ħsiebhom! U kemm miżżewġin jixtiequ jkunu missirijiet u ommijiet imma ma jirnexxilhomx għal raġunijiet bijoloġiċi; jew, imqar jekk diġà għandhom ulied, jixtiequ jaqsmu l-imħabba tal-familja ma’ min baqa’ mċaħħad minnha. Ma għandniex nibżgħu nagħżlu t-triq tal-adozzjoni, nieħdu r-“riskju” li nilqgħu. U llum, ukoll, flimkien mal-fatt li aħna ltiema, hemm ukoll ċertu egoiżmu. L-aħħar darba tkellimt fuq ix-xitwa demografika li għandna llum: in-nies ma jridx ikollhom tfal, jew wieħed biss u xejn iżjed. U tant koppji ma għandhomx ulied għax ma jridux, jew ikollhom wieħed biss għax ma jridux iżjed, imma mbagħad għandhom żewġt iklieb, żewġt iqtates… Eħħ iva, klieb u qtates jieħdu post l-ulied. Iva, tad-daħk, nifhem, imma din hi r-realtà. U din li niċħdu l-paternità u l-maternità lilna tfaqqarna, tnażżgħalna l-umanità tagħna. U hekk iċ-ċiviltà tixjieħ u titlef l-umanità tagħha, għax nitilfu l-għana tal-paternità u tal-maternità. U jbati l-pajjiż, li ma jibqagħlux ulied u – kif qal darba wieħed b’nofs ċajta – “u issa min ħa jħallasha t-taxxa għall-pensjoni tiegħi, ladarba ma hemmx ulied? Min se jitgħabba bil-piż tiegħi?”: daħak, imma din hi l-verità.
Nitlob li ħadd ma jħossu mċaħħad minn rabta ta’ mħabba paterna. U dawk li huma ‘morda’ għax iltiema, jalla jimxu ’l quddiem mingħajr dan is-sentiment hekk ikrah
Jiena nixtieq nitlob lil San Ġużepp il-grazzja li jmissilna l-kuxjenza tagħna biex naħsbu f’dan: li jkollna l-ulied. Il-paternità u l-maternità huma l-milja tal-ħajja ta’ persuna. Aħsbu ftit f’dan. Huwa minnu, hemm il-paternità spiritwali għal min jikkonsagra ruħu lil Alla u l-maternità spiritwali; imma min jgħix fid-dinja u jiżżewweġ, irid jaħseb biex ikollu l-ulied, u jagħti l-ħajja, għax huma se jkunu li fit-tmiem tiegħu jagħlqulu għajnejh, li jaħsbu għall-futur tiegħu. U anki, jekk ma jistax ikollkom tfal, aħsbu għall-adozzjoni. Huwa riskju, iva: li jkollok wild dejjem huwa riskju, sew jekk naturali u sew jekk b’adozzjoni. Imma iżjed riskjuż hu li ma jkollok xejn. Iżjed riskjuż hu li tiċħad il-paternità, tiċħad il-maternità, kemm dik reali u kemm dik spiritwali. Raġel u mara li minn jeddhom ma jiżviluppawx is-sens tal-paternità u tal-maternità, qed iħallu barra xi ħaġa prinċipali, importanti. Aħsbu f’dan, nitlobkom. Nawgura li l-istituzzjonijiet ikunu dejjem lesti biex jgħinu f’dan is-sens ta’ adozzjoni, jgħassu bis-serjetà imma anki jissimplifikaw il-proċess meħtieġ biex tista’ titwettaq il-ħolma ta’ tant ċkejknin li għandhom bżonn ta’ familja, u ta’ tant miżżewġin li jixtiequ jingħataw fl-imħabba. Xi żmien ilu smajt ix-xhieda ta’ persuna, tabib – importanti l-mestier tiegħu – li ma kellux tfal, u hu u martu ddeċidew li jaddottaw. U meta wasal il-mument, offrewlhom wieħed u qalu: “Imma ma nafux kif ħa tkun is-saħħa tiegħu. Jaf ikollu xi marda”. U hu qal – kien rah – qal: “Kieku kellek tistaqsini dan qabel dħalt, forsi kont ngħid le. Imma issa li rajtu: ħa nieħdu miegħi”. Din hi r-rieda li jkun missier, li tkun omm, imma anki fl-adozzjoni. La tibżgħux minn dan.
Nitlob li ħadd ma jħossu mċaħħad minn rabta ta’ mħabba paterna. U dawk li huma ‘morda’ għax iltiema, jalla jimxu ’l quddiem mingħajr dan is-sentiment hekk ikrah. Ħa jħaddem San Ġużepp il-protezzjoni tiegħu u l-għajnuna tiegħu fuq l-iltiema; u jaqbeż hu għall-koppji li jixtiequ li jkollhom tarbija. Għal dan nitolbu flimkien:
San Ġużepp,
int li ħabbejt lil Ġesù bi mħabba ta’ missier,
kun qrib ta’ tant tfal li m’għandhomx familja
u jixtiequ missier u omm.
Wieżen lill-koppji miżżewġa li mhux jirnexxilhom ikollhom tfal,
għinhom jiskopru, permezz ta’ din it-tbatija, proġett ogħla.
Agħmel li lil ħadd ma tonqsu dar, rabta,
persuna li tieħu ħsieb tiegħu jew tagħha;
u fejjaq l-egoiżmu ta’ min jagħlaq qalbu għall-ħajja,
biex jiftaħha beraħ għall-imħabba.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard