Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Il-katekeżi tal-lum niddedikawha lill-virtù tal-prudenza. Din, flimkien mal-ġustizzja, il-qawwa u l-qies tifforma l-virtujiet hekk imsejħa kardinali, li ma humiex prerogattiva esklussiva tal-Insara, imma wirt tal-għerf tal-qedem, b’mod partikulari tal-filosfi Griegi. Għalhekk waħda mit-temi l-iżjed interessanti fl-opra tal-laqgħa u tal-inkulturazzjoni kienet proprju dik tal-virtujiet.
Fil-kitbiet Medjevali, il-preżentazzjoni tal-virtujiet mhijiex sempliċi lista’ ta’ kwalitajiet pożittivi tar-ruħ. Meta jerġgħu jaqbdu l-awturi klassiċi fid-dawl tar-Rivelazzjoni Nisranija, it-teologi immaġinaw is-settenarju tal-virtujiet – it-tlieta teologali u l-erbgħa kardinali – bħala għamla ta’ organiżmu ħaj, fejn kull virtù għandha spazju armoniku x’tokkupa. Hemm virtujiet essenzjali u virtujiet anċillari, bħall-pilastri, il-kolonni u l-kapitelli. Ara, forsi xejn daqs l-arkitettura ta’ katidral Medjevali ma jista’ jroddilna l-idea tal-armonija li hemm fil-bniedem u tal-ġibda kontinwa tiegħu għat-tajjeb.
Mela, ejjew nibdew mill-prudenza. Din mhijiex il-virtù tal-persuna beżżiegħa, dejjem titubanti dwar l-azzjoni li trid tieħu. Le, din hi interpretazzjoni żbaljata. Lanqas hi biss il-kawtela. Li nagħtu l-primat lill-prudenza jfisser li l-azzjoni tal-bniedem hi f’idejn l-intelliġenza u l-libertà tiegħu. Il-persuna prudenti hi kreattiva: tirraġuna, tiżen, tfittex li tifhem il-kumplessità ta’ x’inhu reali u ma titkaxkarx mill-emozzjonijiet, mit-telqa, mill-pressjonijiet, mill-illużjonijiet.
F’dinja maħkuma minn dak li jidher, mill-ħsibijiet superfiċjali, mill-banalità kemm tat-tajjeb u kemm tal-ħażin, jixraq li nerġgħu nitgħallmu l-lezzjoni antika tal-prudenza.
San Tumas, fuq il-passi ta’ Aristotli, kien isejħilha “recta ratio agibilium”. Hija l-ħila li wieħed jiggverna l-azzjonijiet biex jindirizzahom lejn it-tajjeb; għal din ir-raġuni hi mlaqqma wkoll il-“kuċċiera tal-virtujiet”. Prudenti hu dak jew dik li kapaċi jagħżel: sakemm tibqa’ fuq il-kotba, il-ħajja dejjem hi faċli, imma qalb l-irjieħ u l-imwieġ tal-ħajja ta’ kuljum hi ħaġa oħra, spiss aħna inċerti u ma nafux liema naħa mmorru. Min hu prudenti ma jagħżilx bl-addoċċ: qabelxejn jaf xi jrid, u allura jgħarbel is-sitwazzjonijiet, jieħu parir u, b’viżjoni wiesgħa u libertà interjuri, jagħżel liema mogħdija jaqbad. M’aħniex ngħidu li ma jistax jiżbalja, fl-aħħar mill-aħħar ilkoll bnedmin nibqgħu; imma tal-inqas jevita ħabtiet kbar. B’xorti ħażina, f’kull ambjent hemm min jipprova jħoll il-problemi b’battuti superfiċjali jew iqajjem dejjem il-polemika. Imma l-prudenza hija l-kwalità ta’ min hu msejjaħ jiggverna: jaf li mhux faċli tamministra, li l-perspettivi huma ħafna u trid tipprova tpoġġihom f’armonija bejniethom, li trid tagħmel il-ġid mhux ta’ xi ħadd imma ta’ kulħadd.
Il-prudenza tgħallimna wkoll li, kif iħobb jingħad, “l-aħjar hu l-għadu tat-tajjeb”. Fil-fatt, iż-żelu żejjed f’xi sitwazzjoni jista’ jġib diżastri: jista’ jirvina binja li kellha bżonn tinbena ftit ftit; jista’ jqanqal kunflitti u nuqqas ta’ ftehim; jista’ saħansitra jwassal għall-vjolenza.
Il-persuna prudenti taf tħares il-memorja tal-passat, mhux għax tibża’ mill-futur, imma għax taf li t-tradizzjoni hi wirt il-għerf. Il-ħajja hi magħmula kontinwament minn ħwejjeġ qodma u ħwejjeġ ġodda flimkien, u mhux sew naħsbu dejjem li d-dinja bdiet minna, li l-problemi rridu naffrontawhom billi nibdew mix-xejn. U l-persuna prudenti taf ukoll taħseb għall-futur. Ladarba tkun qatgħetha x’inhi d-destinazzjoni li trid timxi lejha, trid issib il-mezzi kollha biex tilħaqha.
Tant siltiet tal-Vanġelu jgħinuna nedukaw fil-prudenza. Ngħidu aħna: hu prudenti min jibni d-dar tiegħu fuq il-blat u imprudenti min jibniha fuq ir-ramel (ara Mt 7:24-27). Għaqlin huma x-xebbiet li jġorru magħhom iż-żejt għall-imsiebaħ tagħhom u boloh dawk li ma jagħmlux hekk (ara Mt 25:1-13). Il-ħajja Nisranija hi rabta ta’ sempliċità u ta’ għaqal. Meta jħejji lid-dixxipli tiegħu għall-missjoni, Ġesù jirrakkomandalhom: “Araw: qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup; kunu mela għaqlin bħas-sriep u safja bħall-ħamiem” (Mt 10:16). Biex ngħidu li Alla mhux biss iridna qaddisin, imma jridna qaddisin intelliġenti, għax mingħajr il-prudenza f’kemm ilni ngħidlek tiżbalja t-triq!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard