Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Tlitt ijiem ilu dħalt lura mill-vjaġġ fl-Ungerija. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li ħejjew u akkumpanjaw din iż-żjara bit-talb, u nġedded ir-rikonoxxenza tiegħi lejn l-Awtoritajiet, lejn il-Knejjes lokali u lejn il-poplu Ungeriż, poplu kuraġġjuż u għani fil-memorja. Tul il-permanenza tiegħi f’Budapest stajt inħoss l-imħabba tal-Ungeriżi kollha. Illum nixtieq inkellimkom fuq din iż-żjara permezz ta’ żewġ immaġni: l-għeruq u l-pontijiet.
L-għeruq. Mort pellegrin għand poplu li l-istorja tiegħu – kif qal San Ġwanni Pawlu II – ġiet immarkata minn “diversi qaddisin u eroj, imdawra b’ġemgħat ta’ nies umli u ħawtiela” (Diskors fl-okkażjoni taċ-ċerimonja ta’ merħba, Budapest, 6 ta’ Settembru 1996). Huwa tassew veru: rajt tant nies sempliċi u ħawtiela tħares imkabbra r-rabta mal-għeruq tagħha. U fost dawn l-għeruq, li taw xhieda fil-laqgħat mal-Knisja lokali u maż-żgħażagħ, hemm qabelxejn il-qaddisin: qaddisin li taw ħajjithom għall-poplu, qaddisin li taw xhieda tal-Vanġelu tal-imħabba u li kienu dawl fil-mumenti ta’ dalma; tant qaddisin tal-passat li llum qed isejħulna biex negħlbu r-riskju tad-disfattiżmu u l-biża’ mill-għada, aħna u niftakru li Kristu hu l-futur tagħna. Il-qaddisin ifakkruna dan: Kristu hu l-futur tagħna.
Imma l-għeruq sodi Nsara tal-poplu Ungeriż ġew ippruvati. Il-fidi tagħhom tgħaddiet min-nar. Tul il-persekuzzjoni ateista tas-snin 900, fil-fatt, l-Insara kienu milquta vjolentement, b’Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi maqtula jew imċaħħda mil-libertà. U waqt li kien hemm min kien qed jipprova jqaċċat is-siġra tal-fidi, l-għeruq baqgħu intatti: baqgħet Knisja moħbija, imma ħajja, b’saħħitha, bil-qawwa tal-Vanġelu. U fl-Ungerija din l-aħħar persekuzzjoni, l-oppressjoni Komunista, kellha qabilha dik Nażista, bid-deportazzjoni traġika ta’ tant popolazzjoni Lhudija. Imma f’dak il-ġenoċidju attroċi tant persuni spikkaw għar-reżistenza u l-ħila li jipproteġu l-vittmi, u dan kien possibbli għaliex l-għeruq tal-ħajja ta’ flimkien kienu f’saħħithom. Aħna f’Ruma għandna poetessa brava Ungeriża li għaddiet minn dawn il-provi kollha u tirrakkonta liż-żgħażagħ il-bżonn li jiġġieldu għal ideal, biex ma jiġux mirbuħa mill-persekuzzjoni, mit-taqtigħ il-qalb. Din il-poetessa llum tagħlaq 92 sena: awguri, Edith Bruck!
Imma llum ukoll, kif ħareġ fil-laqgħat maż-żgħażagħ u mad-dinja tal-kultura, il-libertà qed tiġi mhedda. Kif? Fuq kollox bl-ingwanti bojod, minn konsumiżmu li jilloppja, fejn hemm min jikkuntenta bi ftit benessri materjali u jinsa l-passat, “jitlajja” fi preżent imkejjel b’xiber l-individwu. Din hi l-persekuzzjoni perikoluża tal-mondanità, li qed imexxi ’l quddiem il-konsumiżmu. Imma meta l-unika ħaġa li tiswa hi li taħseb fik innifsek u tagħmel dak li jidhirlek u li jogħġbok, l-għeruq jifgaw. Hija problema li tolqot l-Ewropa kollha, fejn li niddedikaw ruħna għall-oħrajn, li nħossuna komunità, inħossu l-ġmiel li noħolmu flimkien u li noħolqu familji numerużi, dan kollu hu fi kriżi. L-Ewropa sħiħa tinsab fi kriżi. Mela ejjew nirriflettu fuq l-importanza li nħarsu l-għeruq tagħna, għax huwa biss jekk ninżlu fil-fond li l-friegħi jistgħu jikbru fil-għoli u jipproduċu l-frott. Kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu, anki bħala poplu, kull wieħed u waħda minna: liema huma l-għeruq l-iżjed importanti tal-ħajja tiegħi? Fejn għandi l-għeruq tiegħi? Nagħmel memorja tagħhom, nieħu ħsiebhom?
Wara l-għeruq, it-tieni immaġni hi din: il-pontijiet. Budapest, imwielda 150 sena ilu mill-għaqda bejn tlitt ibliet, hi magħrufa għall-pontijiet li jgħaddu minnha u jgħaqqdu l-partijiet tagħha. Dan fakkarna, speċjalment fil-laqgħat mal-Awtoritajiet, fl-importanza li nibnu pontijiet ta’ paċi bejn popli differenti. Hija, b’mod partikulari, il-vokazzjoni tal-Ewropa, imsejħa, bħala “bennejja tal-pontijiet tal-paċi”, biex tinkludi d-differenzi u tilqa’ lil min iħabbat fuq il-bibien tagħha. Hu sabiħ, f’dan is-sens, il-pont umanitarju maħluq għal tant refuġjati tal-Ukrajna fil-qrib, li stajt nara, jiena u nammira x-xibka kbira ta’ karità tal-Knisja Ungeriża.
Imbagħad il-pajjiż hu impenjat ħafna biex jibni “pontijiet għal għada”: kbira hi l-attenzjoni tiegħu għall-kura ekoloġika – u din hi ħaġa sabiħa ħafna, sabiħa ħafna tal-Ungerija – il-kura ekoloġika u għal futur sostenibbli, u għaddejja ħidma biex jinbnew pontijiet bejn il-ġenerazzjonijiet, bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ, sfida li llum ħadd ma jista’ jaħrab. Barra minn hekk, hemm pontijiet li l-Knisja, kif ħareġ fil-laqgħa speċifika, hi msejħa tibni mal-bniedem tal-lum, għax it-tħabbira ta’ Kristu ma tistax tkun biss ir-ripetizzjoni tal-passat, imma għandha dejjem bżonn tkun aġġornata, biex tgħin lin-nisa u lill-irġiel ta’ żmienna jiskopru mill-ġdid lil Ġesù. U, fl-aħħar nett, jiena u niftakar bi gratitudni fil-mumenti liturġiċi sbieħ, it-talba mal-komunità Griega-Kattolika u ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika solenni tant ipparteċipata, naħseb fil-ġmiel li nibnu pontijiet bejn dawk li jemmnu: il-Ħadd fil-quddiesa kienu preżenti Nsara ta’ diversi riti u pajjiżi, u ta’ diversi konfessjonijiet, li fl-Ungerija jaħdmu tajjeb flimkien. Nibnu pontijiet, pontijiet ta’ armonija u pontijiet ta’ għaqda.
F’din iż-żjara laqtitni l-importanza tal-mużika, li hi aspett karatteristiku tal-kultura Ungeriża.
Fl-aħħar nett nixtieq infakkar, fil-bidu tax-xahar ta’ Mejju, li l-Ungeriżi huma devoti ħafna tal-Omm Qaddisa ta’ Alla. Ikkonsagrati lilha mill-ewwel re, San Stiefnu, b’rispett kienu jħobbu jduru lejha mingħajr ma jlissnu isimha, u jsejħulha biss bit-titli tar-reġina. Lir-Reġina tal-Ungerija allura nafdawlha dak il-pajjiż għażiż, lir-Reġina tal-paċi nafdawlha l-bini ta’ pontijiet fid-dinja, lir-Reġina tas-Sema, li f’dan iż-żmien tal-Għid insellmulha, nafdawlha l-qlub tagħna biex ikollhom għeruqhom imniżżla fl-imħabba ta’ Alla.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard