Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-katekeżi li għaddiet rajna li l-ewwel “konċilju” fl-istorja tal-Knisja – konċilju, bħal dak tal-Vatikan II –, l-ewwel konċilju, ġie msejjaħ f’Ġerusalemm għal kwistjoni marbuta mal-evanġelizzazzjoni, jiġifieri x-xandir tal-Bxara t-Tajba lil dawk li ma kinux Lhud – kienu jaħsbu li lil-Lhud biss kellu jixxandar il-Vanġelu. Fis-seklu 20, il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II ippreżenta l-Knisja bħala Poplu ta’ Alla pellegrin fiż-żmien u min-natura tiegħu missjunarju (ara Digriet Ad gentes, 2). Xi jfisser dan? Hemm bħal pont bejn l-ewwel u l-aħħar Konċilju, dejjem fid-dawl tal-evanġelizzazzjoni, pont li l-arkitett tiegħu hu l-Ispirtu s-Santu. Illum ejjew nisimgħu x’jgħid il-Konċilju Vatikan II, biex niskopru li l-evanġelizzazzjoni dejjem hi servizz ekkleżjali, qatt ta’ wieħed waħdu, qatt iżolat, qatt individwalistiku. L-evanġelizzazzjoni dejjem issir fil-Knisja, jiġifieri f’komunità u mingħajr ma nagħmlu proselitiżmu, għax dik mhijiex evanġelizzazzjoni.
Fil-fatt, l-evanġelizzatur dejjem jittrasmetti dak li hu stess jew hi stess irċiviet. L-ewwel li kitbu dan kien San Pawl: il-Vanġelu li hu ħabbar u li l-komunitajiet irċivew u li fih baqgħu sħaħ hu l-istess wieħed li l-Appostlu kien irċieva hu (ara 1 Kor 15:1-3). Il-fidi nirċevuha u ngħadduha. Dan id-dinamiżmu ekkleżjali ta’ trasmissjoni tal-Messaġġ jorbotna flimkien u jiggarantixxi l-awtentiċità tat-tħabbira Nisranija. L-istess Pawlu jikteb hekk lill-Galatin: “Imqar jekk aħna stess jew anġlu mis-sema jħabbrilkom Evanġelju ieħor li mhuwiex dak li ħabbarnielkom aħna, ikun misħut” (1:8). Ħaġa sabiħa din u tagħmel tajjeb lil tant viżjonijiet li saru moda llum…
Id-dimensjoni ekkleżjali tal-evanġelizzazzjoni allura hi kriterju ta’ verifika taż-żelu appostoliku. Verifika meħtieġa, għax it-tentazzjoni li nimxu “waħidna” dejjem insibuha magħna, speċjalment meta l-mixja ssir iebsa u nħossu l-piż tal-impenn. Daqstant ieħor perikoluża hija t-tentazzjoni li nimxu f’toroq iżjed faċli psewdo-ekkleżjali, li naddottaw il-loġika mondana tan-numri u tal-istħarriġ, li nibnu fuq is-saħħa tal-ideat tagħna, tal-programmi, tal-istrutturi, tar-“relazzjonijiet li jiswew”. Dan mhux sew, dan jgħinna xi ftit, imma fundamentali hi l-qawwa li l-Ispirtu jagħtik biex ixxandar il-verità ta’ Ġesù Kristu, biex tħabbar il-Vanġelu. Il-ħwejjeġ l-oħra huma sekondarji.
Issa ħuti, ejjew nidħlu b’mod aktar dirett fl-iskola tal-Konċilju Vatikan II, u nerġgħu naqraw xi numri mid-Digriet Ad gentes (AG), id-dokument dwar il-ħidma missjunarja tal-Knisja. Dawn it-testi tal-Konċilju Vatikan II għad għandhom il-valur sħiħ tagħhom anki fil-kuntest kumpless u pluralista li qed ngħixu fih.
Qabelxejn, dan id-dokument, AG, jistedinna nqisu l-imħabba ta’ Alla l-Missier, bħala għajn, li “għat-tjieba kbira u ħanina tiegħu ħalaqna għax ried hu, u barra hekk, mingħajr ebda jedd tagħna, sejħilna biex nieħdu sehem mill-ħajja u l-glorja tiegħu. Huwa xerred u ma jiqafx ixerred it-tjieba tiegħu bil-kotra sakemm hu li hu l-ħallieq ta’ kollox isir ‘kollox f’kulħadd’ (1 Kor 15:28) u fl-istess ħin jikseb għalih il-glorja u għalina l-hena” (n. 2). Din is-silta hi fundamentali, għax tgħid li l-imħabba tal-Missier għandha bħala destinatarju lil kull bniedem. L-imħabba ta’ Alla mhix għal xi grupp ċkejken biss, le… hi għal kulħadd. Dik il-kelma daħħluha sew f’moħħkom u f’qalbkom: kulħadd, kulħadd, ħadd eskluż, hekk jgħid il-Mulej. U din l-imħabba għal kull bniedem hi mħabba li tilħaq lil kull raġel u mara permezz tal-missjoni ta’ Ġesù, medjatur tas-salvazzjoni u feddej tagħna (ara AG, 3), u permezz tal-missjoni tal-Ispirtu s-Santu (ara AG, 4), li jaħdem f’kull persuna, kemm fl-imgħammdin u kemm f’dawk li mhumiex. L-Ispirtu s-Santu jaħdem!
Barra dan, il-Konċilju jfakkar li hu xogħol il-Knisja li tkompli l-missjoni ta’ Kristu, li “ntbagħat biex iħabbar il-Bxara t-tajba lill-fqar”. U jkompli d-dokument Ad gentes li “l-Knisja, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, għandha tgħaddi mill-istess triq li minnha mexa Kristu, jiġifieri t-triq tal-faqar, tal-ubbidjenza, tas-servizz u tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu sal-mewt, triq li minnha, bil-qawmien mill-mewt, ħareġ rebbieħ” (AG, 5). Jekk tibqa’ fidila lejn din it-“triq”, il-missjoni tal-Knisja tkun “il-manifestazzjoni jew l-epifanija u r-realizzazzjoni tal-pjan ta’ Alla fid-dinja u fl-istorja tagħha” (AG, 9).
Ħuti, dan il-ħjiel ċkejken jgħinna nifhmu wkoll is-sens ekkleżjali taż-żelu appostoliku ta’ kull dixxiplu-missjunarju. Iż-żelu appostoliku mhuwiex entużjażmu, hu ħaġa oħra, hu grazzja ta’ Alla, li rridu nħarsuha. Irridu nifhmu s-sens għax fil-Poplu ta’ Alla pellegrin u evanġelizzatur ma hemmx suġġetti attivi u suġġetti passivi. Ma hemmx dawk li jipprietkaw, dawk li jxandru l-Vanġelu b’mod jew ieħor, u dawk li joqogħdu ħalqhom magħluq. Le. “Kull mgħammed”, tgħid l-Evangelii gaudium, “hi x’inhi l-funzjoni tiegħu fil-Knisja u l-grad ta’ tagħlim tal-fidi tiegħu, hu suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 120). Int Nisrani? “Iva, irċivejt il-Magħmudija…”. U int tevanġelizza? “Imma xi jfisser dan…?”. Jekk ma tevanġelizzax, jekk ma tagħtix xhieda, jekk int ma tagħtix dik ix-xhieda tal-Magħmudija li rċivejt, tal-fidi li l-Mulej tak, int m’intix Nisrani tajjeb. Bil-Magħmudija li rċieva u l-inkorporazzjoni fil-Knisja li tirriżulta minnha, kull imgħammed jieħu sehem fil-missjoni tal-Knisja u, fi ħdanha, fil-missjoni ta’ Kristu Sultan, Saċerdot u Profeta. Ħuti, dan id-dmir “hu wieħed u l-istess kullimkien u f’kull sitwazzjoni ukoll jekk, minħabba ċirkustanzi differenti, ma jitħaddimx bl-istess mod” (AG, 6). Dan jistedinna ma nisklerotizzawx jew niffossolizzaw ruħna; jeħlisna minn dan it-tħassib li mhux ta’ Alla. Iż-żelu missjunarju ta’ min jemmen jesprimi ruħu wkoll bħala tiftixa kreattiva ta’ modi ġodda kif inħabbru u nagħtu xhieda, ta’ modi ġodda kif niltaqgħu mal-umanità miġruħa li biha tgħabba Kristu. F’kelma waħda, ta’ modi ġodda kif nagħtu servizz lill-Vanġelu u nagħtu servizz lill-umanità. L-evanġelizzazzjoni hija servizz. Jekk persuna ssejjaħ lilha nfisha evanġelizzatur u ma għandhiex dak l-atteġġjament, dik il-qalb ta’ qaddej, imma tħossha sid, allura mhijiex evanġelizzatur, le… hi msejkna.
Li nerġgħu lura għall-imħabba oriġinarja tal-Missier u lejn il-missjonijiet tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu ma jagħlaqniex fi spazji ta’ trankwillità personali statika. Bil-maqlub, iwassalna nagħrfu d-don b’xejn tal-milja tal-ħajja li għaliha aħna msejħin, dan id-don li għalih nagħtu ġieħ u ħajr lil Alla. Dan id-don mhuwiex biss għalina, imma qiegħed biex nagħtuh lill-oħrajn. U jwassalna wkoll biex ngħixu dejjem iżjed b’mod sħiħ dak li rċivejna billi naqsmuh mal-oħrajn, b’sens ta’ responsabbiltà u billi nimxu flimkien fit-toroq, spiss imqallba u iebsa tal-istorja, fl-istennija ħerqana u ħabrieka tal-milja tagħha. Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja, li nieħdu f’idejna din il-vokazzjoni Nisranija u rroddu ħajr lill-Mulej għal dak li tana, dan it-teżor. U nippruvaw naqsmuh mal-oħrajn.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard