Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
L-Ittra lill-Galatin tagħtina fatt pjuttost sorprendenti. Kif smajna, Pawlu jgħid li ċanfar lil Kefa, jiġifieri Pietru, quddiem il-komunità ta’ Antjokja, għax l-imġiba tiegħu ma kinitx tajba. X’kien ġara daqshekk gravi li ġagħal lil Pawlu jdur fuq Pietru b’mod daqshekk iebes? Forsi esaġera Pawlu, ħalla l-karattru tiegħu jiġri żżejjed bih? Ħa naraw li mhuwiex hekk, imma li għal darb’oħra hawn fin-nofs ir-relazzjoni bejn il-Liġi u l-libertà. U din irridu nerġgħu għaliha diversi drabi.
Meta jikteb lill-Galatin, Pawlu jsemmi apposta dan l-episodju li kien seħħ f’Antjokja snin qabel. Irid ifakkar lill-Insara ta’ dawk il-komunitajiet li assolutament m’għandhomx jagħtu widen lil dawk li jipprietkaw il-ħtieġa li taċ-ċirkonċiżjoni u allura jaqgħu “taħt il-Liġi” bil-preskrizzjonijiet kolla tagħha. Infakkru li dawn huma predikaturi fundamentalisti li waslu hemm u ħolqu konfużjoni sħiħa, u serqu wkoll il-paċi ta’ dik il-komunità. Oġġett tal-kritika lejn Pietru kienet l-imġiba tiegħu mal-mejda. Lil wieħed Lhudi, il-Liġi kienet tipprojbilu li jiekol ma’ min ma kienx Lhudi. Imma l-istess Pietru, f’ċirkustanza oħra, kien mar Ċesarija fid-dar taċ-ċenturjun Kornelju, imqar jekk kien jaf li qed jikser il-Liġi. Dakinhar kien stqarr: “Imma lili Alla wrieni li ebda bniedem ma għandi nsejjaħlu profan jew imniġġes” (Atti 19:28). Meta reġa’ daħal Ġerusalemm, l-Insara ċirkonċiżi fidili lejn il-Liġi ta’ Mosè ċanfru lil Pietru għal din l-imġiba tiegħu, imma hu ġġustifika ruħu billi qal: “Ftakart imbagħad fil-kelma tal-Mulej, meta qal: ‘Ġwanni għammed bl-ilma, iżda intom titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu’. Mela jekk Alla tahom l-istess don kif tah lilna meta emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien x’jien biex stajt inżomm lil Alla?” (Atti 11:16-17). Niftakru li l-Ispirtu s-Santu niżel f’dak il-mument fid-dar ta’ Kornelju meta Pietru mar hemm.
Fatt simili seħħ anki f’Antjokja fil-preżenza ta’ Pawlu. Għall-ewwel Pietru kien poġġa fuq il-mejda mingħajr ebda diffikultà mal-Insara li kienu ġejjin mill-paganiżmu; imma meta waslu fil-belt xi Nsara ċirkonċiżi minn Ġerusalemm – dawk li kienu ġejjin mill-Ġudaiżmu – allura ma għamilx hekk iżjed, biex ma jlaqqatx il-kritika tagħhom. Dan hu l-iżball: kien iżjed attent għall-kritika, biex jaqta’ figura tajba. U din kienet ħaġa gravi f’għajnejn Pawlu, anki għax bħal Pietru kienu qed jagħmlu dixxipli oħra, l-ewwel fosthom Barnaba, li flimkien ma’ Pawlu kien evanġelizza proprju lill-Galatin (ara Gal 2:13). Bla ma ried, Pietru, b’dak il-mod tiegħu – sieq hemm u sieq hawn… mhux ċar, mhux trasparenti – ħoloq fil-fatt qasma inġusta fil-komunità: “Jiena pur… jiena nimxi f’din il-linja, jien hekk ikolli nagħmel, hekk ma tistax…”.
Pawlu, fiċ-ċanfira tiegħu – u hawn qiegħda l-qalba tal-problema – jinqeda b’terminu li juri kemm ir-reazzjoni tiegħu ma kinitx ħażina: ipokrezija (ara Gal 2:13). Din hija kelma li sa nsibuha ħafna drabi oħra: ipokrezija. Naħseb li kollha nifhmu xi tfisser. L-osservanza tal-Liġi min-naħa tal-Insara kienet qed twassal għal din l-imġiba ipokrita, li l-Appostlu jeħodha kontriha bil-qawwa kollha u b’konvinzjoni. Pawlu kien rett, kellu d-difetti tiegħu – ħafna, il-karattru tiegħu kien terribbli – imma kien rett. Xi tkun l-ipokrezija? Meta aħna ngħidu: attent għax dak ipokrita: xi nkunu nfissru? Xi tkun l-ipokrezija? Nistgħu ngħidu li hi biża’ mill-verità. L-ipokrita jibża’ mill-verità. Jippreferi jagħmel tabirruħu xi ħadd ieħor milli jkun hu nnifsu. Qisek qed tirtokkja r-ruħ, qisek qed tirtokkja l-imġiba tiegħek, qisek qed tirtokkja lilek innifsek fil-mod kif timxi: mhijiex il-verità. “Nibża’ nuri dak li jien tassew u allura ninħeba wara dawn l-atteġġjamenti”. U meta nagħmlu tabirruħna xi ħadd ieħor, ma jkollniex il-kuraġġ li ngħidu b’mod miftuħ il-verità u hekk faċilment naħarbu mill-obbligu li nistqarruha dejjem, kullimkien u minkejja kollox. Meta ġġib ruħek b’differenza minn kif int tassew, għal dan iwasslek: għan-nofs verità. U n-nofs veritajiet huma mġiba falza: għax il-verità, jew hi verità jew mhijiex. Imma n-nofs veritajiet huma għemil li mhuwiex veru. Kif għidt, nippreferu nagħmlu tabirruħna li aħna hekk, pjuttost milli nkunu dak li aħna, u meta nġibu ruħna b’mod falz ma jkollniex il-kuraġġ li ngħidu l-verità b’mod miftuħ. U hekk inkunu naħarbu mill-obbligu – u dan hu kmandament – li ngħidu dejjem il-verità, ngħiduha kullimkien u ngħiduha minkejja kollox. U f’ambjent fejn ir-relazzjonijiet bejn il-persuni ngħixuhom bil-formaliżmu, faċilment jixtered il-virus tal-ipokrezija. Dik it-tbissima li mhix ġejja mill-qalb, meta wieħed jipprova jkun sew ma’ kulħadd, u ma’ ħadd…
Fil-Bibbja nsibu diversi eżempji li jeħduha kontra l-ipokrezija. Xhieda sabiħa kontra l-ipokrezija hi dik tax-xwejjaħ Elgħażar, li talbuh jagħmel tabirruħu qed jiekol mil-laħam issagrifikat lill-allat pagani biex isalva ħajtu: jagħmel tabirruħu li qed jieklu, imma ma jiklux. Jew jagħmel tabirruħu li qed jiekol il-laħam tal-majjal meta sħabu jkunu poġġewlu quddiemu laħam ieħor. Imma dak ir-raġel li kien jibża’ minn Alla weġibhom: “Ma jixraqx lis-snin tagħna li nimxu wiċċ b’ieħor, biex imbagħad ħafna miż-żgħażagħ jaħsbu li Elgħażar, ta’ disgħin sena, qaleb għal mal-barrani. U huma mbagħad, minħabba l-wiċċ b’ieħor tiegħi u l-ġibda għal daqsxejn ta’ ftit ħajja oħra, jintilfu u jien niġbed fuq xjuħiti l-għajb u s-saħta” (2 Mak 6:24-25). Kien onest: ma jidħolx fit-triq tal-ipokrezija. X’paġna sabiħa biex nirriflettu fuqha biex nitbiegħdu mill-ipokrezija! Anki l-Vanġeli jagħtuna diversi sitwazzjonijiet fejn Ġesù jċanfar bil-qawwa lil dawk li jidhru ġusti minn barra, imma minn ġewwa huma mimlija qerq u ħażen (ara Mt 23:13-29). Jekk issibu ftit tal-ħin illum, aqbdu l-kapitlu 23 tal-Vanġelu ta’ San Mattew u taraw kemm drabi Ġesù jgħid: “ipokriti, ipokriti, uċuħ b’oħra”, u hekk jikxef x’inhi l-ipokrezija.
L-ipokrita hu persuna li tagħmel tabirruħha mod u tkun ieħor, lagħaqija u tqarraq b’ħaddieħor għax tgħix b’maskra fuq wiċċha, u m’għandhiex il-kuraġġ li tikkonfronta l-verità. Għalhekk, mhijiex kapaċi tħobb tassew – ipokrita ma jafx iħobb – tillimita ruħha li tgħix bl-egoiżmu u m’għandhiex is-saħħa turi bi trasparenza l-qalb tagħha. Hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn naraw l-ipokrezija. Spiss tinħeba fuq il-post tax-xogħol, fejn nippruvaw nidhru ħbieb mal-kollegi meta l-kompetizzjoni twassalna biex inweġġgħuhom minn wara daharhom. Fil-politika mhux darba u tnejn insibu ipokriti li jgħixu ħajja doppja bejn dak li hu pubbliku u dak li hu privat. Ta’ min jistkerrahha b’mod partikulari l-ipokrezija fil-Knisja, u b’xorti ħażina teżisti l-ipokrezija fil-Knisja, u hemm ħafna Nsara u ħafna ministri ipokriti. Ma rridu qatt ninsew kliem il-Mulej: “Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin” (Mt 5:37). Ħuti, ejjew illum naħsbu f’dak li Pawlu jikkundanna u li Ġesù jikkundanna: l-ipokrezija. U ma nibżgħux inkunu veritieri, ngħidu l-verità, nisimgħu l-verità, inkunu ħaġa waħda mal-verità. Hekk inkunu nistgħu nħobbu. Ipokrita ma jafx iħobb. Meta naġixxu b’mod differenti mill-verità nkunu qed nipperikolaw l-għaqda fil-Knisja, dik li għaliha l-Mulej stess talab.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard