Katekeżi. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 5. “Ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni”. Kif tnissel u tiled lil Ġesù

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Bil-katekeżi tal-lum nidħlu fit-tieni fażi tal-istorja tas-salvazzjoni. Wara li kkontemplajna l-Ispirtu s-Santu fl-opra tal-Ħolqien, issa għal xi ġimgħat se nikkontemplawh fl-opra tal-Fidwa, jiġifieri ta’ Ġesù Kristu. Allura, ngħaddu għat-Testment il-Ġdid u naraw l-Ispirtu s-Santu fit-Testment il-Ġdid.

It-tema tal-lum hija l-Ispirtu s-Santu fl-Inkarnazzjoni tal-Verb. Fil-Vanġelu ta’ Luqa naqraw: “L-Ispirtu s-Santu jinżel fuqek” – o Marija –, “u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” (1:35). L-evanġelista Mattew jikkonferma dan il-fatt fundamentali li jmiss lil Marija u l-Ispirtu s-Santu, u jgħid li Marija “saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu” (1:18).

Il-Knisja ġabret dan it-tagħrif rivelat u qegħditu sa mill-bidu fil-qalba tas-Simbolu tal-fidi tagħha. Fil-Konċilju Ekumeniku ta’ Kostantinopli, tat-381 – dak li ddefinixxa d-divinità tal-Ispirtu s-Santu –, dan l-artiklu daħal fil-formula tal-“Kredu”, li jissejjaħ appuntu Niċeo-Kostantinopolitan, u hu dak li nistqarru f’kull quddiesa. Dan jafferma li l-Iben ta’ Alla “ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni, u sar bniedem”.

Allura għandna hawn verità tal-fidi li hi ekumenika, għax l-Insara kollha jistqarru flimkien dak l-istess Simbolu tal-fidi. Id-devozzjoni Kattolika, minn żminijiet imbiegħda, iddedikatilha waħda mit-talbiet tagħha ta’ kuljum, l-Angelus.

Dan l-artiklu tal-fidi huwa l-bażi li fuqha nistgħu nitkellmu dwar Marija bħala l-Għarusa per eċċellenza, li hi figura tal-Knisja. Fil-fatt Ġesù – jikteb San Ljun il-Kbir – “bħalma twieled bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu minn omm verġni, hekk jagħmel għammiela lill-Knisja, l-Għarusa safja tiegħu, bin-nifs tal-istess Spirtu li jagħti l-ħajja”.[i] Dan il-paralleliżmu terġa’ tinqeda bih il-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium tal-Konċilju Vatikan II, li tgħid hekk: “Għaliex bil-fidi u l-ubbidjenza tagħha ġġenerat fuq l-art l-istess Iben tal-Missier mingħajr ma għarfet raġel, imma taħt id-dell tal-Ispirtu s-Santu. […] Il-Knisja, li tikkontempla l-qdusija misterjuża ta’ Marija, timita fiha l-karità u tagħmel bil-fedeltà r-rieda tal-Missier, issir hi wkoll omm, waqt li tilqa’ b’fedeltà l-kelma ta’ Alla; għaliex bil-predikazzjoni u l-magħmudija hi tiled għal ħajja ġdida u li ma tintemm qatt ulied li huma mnisslin minn Alla bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (nri 63,64).

Nagħlqu b’riflessjoni prattika għall-ħajja tagħna, issuġġerita mill-insistenza tal-Iskrittura fuq il-verbi “tnissel” u “tiled”. Fil-profezija ta’ Iżaija naqraw: “Araw, ix-xebba titqal u tiled iben” (7:14); u l-Anġlu jgħid lil Marija: “Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben” (Lq 1:31). Marija l-ewwel nisslet, imbagħad wildet lil Ġesù: l-ewwel laqgħetu fiha, fil-qalb u fil-ġisem, imbagħad tatu d-dawl.

Hekk jiġri wkoll għall-Knisja: l-ewwel tilqa’ l-Kelma ta’ Alla, tħalliha “tkellem lill-qalb tagħha” (ara Ħos 2:16) u “timlielha l-ġewwieni” (ara Eżek 3:3), skont żewġ espressjonijiet bibliċi, biex imbagħad tilidha bil-ħajja u l-predikazzjoni. It-tieni ħidma tkun battala mingħajr l-ewwel waħda.

Lil Marija li staqsiet: “Kif ikun dan ladarba ma nagħrafx raġel?”, l-anġlu weġibha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek” (Lq 1:34-35). Anki l-Knisja, quddiem il-ħidmiet li huma ogħla minn dak li tiflaħ hi, jiġiha spontanju tagħmel l-istess mistoqsija: “Kif hu possibbli dan?”. Kif hu possibbli nxandar lil Ġesù Kristu u s-salvazzjoni tiegħu lil dinja li donnha qed tfittex biss li tkun sew hi? It-tweġiba wkoll hi bħal ta’ dakinhar: “Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi” (Atti 1:8). Hekk qal Kristu Rxoxt lill-Appostli, kważi bl-istess kelmiet li ntqalu lil Marija fit-Tħabbira. Mingħajr l-Ispirtu s-Santu l-Knisja ma tistax tibqa’ miexja ’l quddiem, il-Knisja ma tistax tikber, il-Knisja ma tistax tipprietka.

Dak li ngħidu dwar il-Knisja b’mod ġenerali, jgħodd ukoll għalina, jgħodd għal kull persuna mgħammda. Kull wieħed u waħda minna xi drabi jsib ruħu, fil-ħajja, f’sitwazzjonijiet superjuri għal kemm jiflaħ hu, u jistaqsi: “Kif nista’ naffronta din is-sitwazzjoni?”. F’dawn il-każijiet jgħinna li niftakru ntennu lilna nfusna dak li l-anġlu qal lill-Verġni qabel ma telaq minn quddiemha: “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37).

Ħuti, ejjew allura nerġgħu naqbdu aħna wkoll, kull darba, il-mixja tagħna b’din iċ-ċertezza li tfarraġna fil-qalb tagħna: “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”. U jekk aħna nemmnuh dan, nagħmlu l-mirakli. Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[i] Diskors 12 dwar il-Passjoni, 3, 6: PL 54, 356.