Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Issa deħlin fil-fażi finali ta’ din il-mixja ta’ katekeżijiet fuq id-dixxerniment. Tlaqna mill-eżempju ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola; imbagħad rajna l-elementi tad-dixxerniment – jiġifieri t-talb, l-għarfien tagħna nfusna, ix-xewqa u l-“ktieb tal-ħajja” –; waqafna fuq id-deżolazzjoni u l-konsolazzjoni, li huma l-“materja” tiegħu; u hekk wasalna għall-konferma tal-għażla li tkun saret.
Inħoss li hu bżonnjuż hawn li nfakkru f’atteġġjament essenzjali biex il-ħidma kollha li tkun saret biex niddixxernu x’inhu l-aħjar u nieħdu d-deċiżjoni t-tajba ma tintilifx, u dan hu l-atteġġjament tas-sahra. Aħna għamilna d-dixxerniment, il-konsolazzjoni u d-deżolazzjoni; għażilna ħaġa… kollox sew, imma issa rridu nishru u ngħassu: l-atteġġjament tas-sahra. Għax fil-verità r-riskju hemm qiegħed, kif smajna fis-silta tal-Vanġelu li nqrat. Ir-riskju hemm qiegħed, u dan hu li “dak li jħassar il-festi”, jiġifieri l-Ħażin, jista’ jirvina kollox, u jreġġagħna lura għal mnejn tlaqna, anzi, f’qagħda agħar minn hekk. U dan jiġri, u għalhekk irridu noqogħdu attenti u nishru. Għalhekk hu indispensabbli li nishru u ngħassu. Għalhekk illum deherli opportun li nixħet dawl fuq dan l-atteġġjament, li lkoll neħtiġuh biex il-proċess tad-dixxerniment jagħlaq tajjeb u jibqa’ għaddej.
Fil-fatt, fil-predikazzjoni tiegħu Ġesù jisħaq ħafna fuq il-fatt li d-dixxiplu t-tajjeb jishar, ma jorqodx, ma jiddakkarx minn ċertezza żejda meta l-affarijiet jarahom sejrin tajjeb, imma jibqa’ attent u pront biex iwettaq dmiru.
Ngħidu aħna, fil-Vanġelu ta’ Luqa, Ġesù jgħid: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru!” (12:35-37).
Nishru biex inħarsu lill-qalb tagħna u nifhmu xi jkun għaddej ġewwa. Din hi d-dispożizzjoni tar-ruħ tal-Insara li jistennew il-miġja finali tal-Mulej; imma nistgħu nħarsu lejha wkoll bħala l-atteġġjament ta’ kuljum fl-imġiba ta’ ħajjitna, hekk li l-għażliet tajba tagħna, xi drabi mwettqa wara dixxerniment impenjattiv, jistgħu jimxu b’mod perseveranti u koerenti u jagħtu l-frott.
Jekk tonqos is-sahra, kif konna qed ngħidu, ikun kbir ħafna r-riskju li jintilef kollox. Dan mhux xi periklu ta’ bixra psikoloġika, imma ta’ ordni spiritwali, periklu veru tal-ispirtu ħażin. Fil-fatt, dan jistenna l-ħin it-tajjeb li fih aħna nkunu wisq ċerti minna nfusna, dan hu l-periklu: “Jiena ċert minni nnifsi, irbaħt, issa qiegħed tajjeb…” hu dak il-mument li l-ispirtu l-ħażin ikun jistenna, meta kollox sejjer sew, meta l-affarijiet sejrin tajjeb ħafna, u jkollna, kif ngħidu, “ir-riħ fil-qala’”. Fil-fatt, fil-parabbola ċkejkna tal-Vanġelu li għadna kemm smajna, jingħad li l-ispirtu mniġġes, meta jirritorna fid-dar li minnha jkun ħareġ, “isibha battala u miknusa, kollox f’postu” (Mt 12:44). Kollox f’postu, kollox fl-ordni, imma s-sid tad-dar fejn hu? Mhux hemm. Ma hemm ħadd li qed jgħasses u jħares fuqha. Din hi l-problema. Is-sid tad-dar mhuwiex hemm, ħareġ, aljena rasu, jew qiegħed id-dar imma rieqed, u allura qisu bħallikieku mhux hemm. Mhuwiex jishar, mhuwiex attent, għax hu wisq żgur minnu nnifsu u tilef l-umiltà li jħares il-qalb tiegħu. Jeħtieġ inħarsu dejjem id-dar tagħna, il-qalb tagħna, u ma nkunux distratti u nitilqu… għax hawn qiegħda l-problema, kif qrajna fil-parabbola.
Allura, l-ispirtu ħażin jista’ japprofitta u jirritorna f’dik id-dar. Jgħid il-Vanġelu li, imma, ma jiġix lura waħdu, imma flimkien ma’ “seba’ spirti oħra agħar minnu” (v. 45). Kumpanija mill-agħar, gaj ta’ delinkwenti. Imma – nistaqsu – kif inhu possibbli li dawn jistgħu jidħlu mingħajr ħadd ma jwaqqafhom? Kif jista’ jkun li s-sid ma ntebaħx? Ma kienx daqshekk bravu li għamel id-dixxerniment u keċċiehom ’l hemm? Ma kienx irċieva wkoll il-kumplimenti ta’ ħbiebu u tal-qraba tiegħu għal dik id-dar hekk sabiħa u eleganti, hekk ordnata u pulita? Iva, imma forsi proprju għalhekk kien innamra wisq ma’ dik id-dar, jiġifieri miegħu nnifsu, u ma baqax jistenna lill-Mulej, jistenna l-miġja tal-Għarus; forsi għax beża’ li jirvina dak l-ordni ma baqa’ jilqa’ lil ħadd iżjed ġewwa, ma baqax jistieden lill-foqra, lil dawk li m’għandhomx saqaf, dak li jistgħu jiddisturbaw… Ħaġa hi ċerta: hawnhekk hawn fin-nofs il-kburija żejda, il-preżunzjoni li aħna tajbin, li aħna bravi, li aħna qegħdin sew. Ħafna drabi nisimgħu min jgħid: “Iva, jiena kont ħażin qabel, imma nbdilt u issa, issa d-dar qiegħda fl-ordni għall-grazzja ta’ Alla”, allura l-Ħażin isib il-bieb miftuħ. Allura jorganizza l-ispedizzjoni u jieħu pussess ta’ dik id-dar. U Ġesù jikkonkludi: “Fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f’qagħda agħar minn ta’ qabel” (v. 45).
Imma s-sid ma jintebaħ b’xejn? Le, għax dawn huma x-xjaten edukati: jidħlu bla ma int tintebaħ, iħabbtu, b’kortesija. “Le, sew, sew, idħol…”, u mbagħad fl-aħħar huma jikkmandawlek ruħek. Attenti għal dawn ix-xjaten żgħar, għal dawn ix-xjaten: ix-xitan hu edukat, meta jagħmel tabirruħu li hu xi sinjur kbir. Għax jidħol bir-rieda tagħna biex imbagħad joħroġ minn hemm b’tiegħu. Hemm bżonn ngħassulha d-dar minn dan il-qerq tax-xjaten edukati. U l-mondanità spiritwali minn din it-triq tgħaddi, dejjem.
Għeżież ħuti, jidher impossibbli imma hekk hu. Ħafna drabi nitilfu, niġu megħluba fil-battalji, minħabba dan in-nuqqas ta’ sahra. Ħafna drabi, forsi, il-Mulej tana tant grazzji u fl-aħħar mill-aħħar m’aħniex kapaċi nipperseveraw f’din il-grazzja u nitilfu kollox, għax tonqosna s-sahra: ma għassisniex sew il-bibien. U mbgħad niġu ingannati minn xi ħadd li jiġi, edukat, u jidħol ġewwa… ix-xitan għandu minn dawn. Kull wieħed u waħda minna jista’ jivverifikah dan billi jaħseb fl-istorja personali tiegħu. Mhux biżżejjed nagħmlu dixxerniment tajjeb u nagħmlu għażla tajba. Le, mhux biżżejjed: irridu nibqgħu nishru, inħarsu din il-grazzja li Alla tana, imma nishru, għax int tista’ tgħidli: “Imma meta jiena nara xi diżordni, nintebaħ dritt li hu x-xitan, li hi tentazzjoni…”, iva, imma din id-darba jiġi liebes ta’ anġlu: ix-xitan jaf jilbes ta’ anġlu, jidħol bi kliem ħelu, u jikkonvinċik, u fl-aħħar il-ħaġa tkun agħar milli kienet fil-bidu… Irridu nibqgħu nishru, ngħassu l-qalb tagħna. Li kelli jiena llum nistaqsi lil kull wieħed u waħda minna u anki lili nnifsi: “X’qed jiġri fil-qalb tiegħek?”. Forsi ma nkunux nafu ngħidu kollox: ngħidu ħaġa jew tnejn, imma mhux kollox. Ngħassu l-qalb tagħna, għax is-sahra hi sinjal ta’ għerf, hi sinjal fuq kollox ta’ umiltà, għax nibżgħu li naqgħu, u l-umiltà hi t-triq għalliema tal-ħajja Nisranija.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard