Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-katekeżijiet fuq il-vizzji u l-virtujiet, u llum nitkellmu fuq ix-xeħħa, jiġifieri dik l-għamla ta’ rabta mal-flus li lill-bniedem iżommu milli jkun ġeneruż.
Dan mhuwiex dnub li jolqot biss il-persuni li għandhom ġid enormi, imma vizzju ta’ kulħadd, li spiss ma għandu xejn x’jaqsam mal-bilanċ tal-kont il-bank. Hi marda tal-qalb, mhux tal-kartieri.
L-analiżijiet li l-Padri tad-deżert għamlu fuq dan il-ħażen xeħtu dawl fuq kif ix-xeħħa tista’ taħkem imqar lill-monaċi li, wara li jkunu ċċaħħdu minn patrimonju bla tarf, fis-solitudni taċ-ċella tagħhom kienu jintrabtu ma’ oġġetti ta’ ftit valur: ma kinux jisilfuhom lil ħaddieħor, ma kinux jaqsmuhom ma’ oħrajn, u wisq inqas kienu lesti li jirregalawhom. Rabta mal-ħwejjeġ iż-żgħar, li teħdilna l-libertà tagħna. Dawk l-oġġetti kienu jsiru għalihom bħal ossessjoni li kien ikun diffiċli jinqalgħu minnha. Speċi ta’ rigress għal-livell tat-tfal iż-żgħar li jrossu l-ġugarell magħhom u jirrepetu: “Dan tiegħi! Dan tiegħi!”. F’din l-istqarrija hemm moħbija rabta marida mar-realtà, li tista’ tiżviluppa f’għamliet ta’ akkapparrament kompulsiv jew ta’ tiġmigħ patoloġiku.
Biex jinstab fejqan minn din il-marda l-monaċi kienu jipproponu metodu drastiku, imma effikaċi ħafna: il-meditazzjoni tal-mewt. Tiġma’ kemm tiġma’ ġid persuna f’din id-dinja, hemm ħaġa li aħna assolutament ċerti dwarha: li fit-tebut dan mhux se jidħol. Il-ġid ma nistgħux neħduh magħna! Araw kemm hu bla sens dan il-vizzju. Ir-rabta ta’ pussess li nibnu mal-oġġetti hi biss ħaġa minn barra, għax aħna m’aħniex is-sidien tad-dinja: din l-art li nħobbu, fil-verità mhijiex tagħna, u aħna nitħarrku fuqha bħal barranin u pellegrini (ara Lev 25:23).
Dawn il-kunsiderazzjonijiet sempliċi juruna l-bluha tax-xeħħa, imma anki r-raġuni l-aktar moħbija warajha. Hija tentattiv biex neżorċizzaw il-biża’ mill-mewt: infittxu ċertezzi li malli nippruvaw naqbduhom fir-realtà jaħarbulna minn idejna. Ftakru fil-parabbola ta’ dak ir-raġel iblah, li l-għelieqi tiegħu kienu offrewlu ħsad kotran ħafna, u allura qagħad jaħseb bejnu u bejn ruħu kif se jkabbar l-imħażen tiegħu biex jiġbor fih il-ħsad kollu. Dak ir-raġel kollox kien ikkalkula u pprogramma għall-futur. Imma ma kienx qies il-varjabbli l-iżjed żgura tal-ħajja: il-mewt. “Iblah li int”, jgħid il-Vanġelu, “dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?” (Lq 12:20).
F’każijiet oħra, huma l-ħallelin li jagħmlulna dan il-pjaċir. Anki fil-Vanġeli huma jidhru kemm-il darba u, imqar jekk dak li jagħmlu hu ħażin, jista’ jsir ukoll twissija ta’ ġid għalina. Hekk jipprietka Ġesù fid-Diskors tal-muntanja: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu” (Mt 6:19-20). Dejjem fir-rakkonti tal-Padri tad-deżert insibu r-rakkont tal-ġrajja ta’ xi ħalliel li jidħol fuq il-monaku waqt ħin l-irqad, u jisraqlu l-ftit ġid li kellu fiċ-ċella. Xħin iqum, xejn maħsud b’dak li ġara, il-monaku imur ifittex lill-ħalliel u, xħin isibu, flok jitolbu lura l-ġid li ħadlu, jagħtih il-ftit ħwejjeġ li kien baqagħlu u jgħidlu: “Insejt tieħu dawn!”.
Ħuti, aħna nistgħu nkunu għonja bil-ġid li nippossedu, imma spiss jiġri bil-maqlub: huma li fl-aħħar mill-aħħar jipposseduna. Hemm persuni għonja li ma għadhomx ħielsa, mank fadlilhom il-ħin biex jistrieħu, iridu joqogħdu għassa fuq ġidhom għax il-ġid li ġemmgħu jitlob minnhom ukoll li jieħdu ħsiebu. Dejjem anzjużi għax patrimonju tibnih b’ħafna għaraq, imma jista’ jisparixxi f’minuta. Jinsew il-predikazzjoni evanġelika, li ma tgħidx li l-għana fih innifsu huwa dnub, imma żgur li hu responsabbiltà. Alla mhuwiex fqir: huwa s-Sid ta’ kollox, imma – jikteb San Pawl – hu “li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu” (2 Kor 8:9).
Dan hu li l-bniedem xħiħ ma jifhimx. Seta’ jkun raġuni ta’ barka għal ħafna, u minflok daħal fl-isqaq tal-iskuntentizza. U l-ħajja tax-xħiħ hi kerha. Qed niftakar il-każ ta’ wieħed sinjur li sirt naf fid-djoċesi l-oħra, bniedem għani ħafsna, u kellu lil ommu marida. Hu kien miżżewweġ. L-aħwa kienu jitqassmu bejniethom biex iduru biha, u ommu filgħodu kienet tieħu l-yogurt. Dan is-sinjur kien jagħtiha nofsu filgħodu biex imbagħad jagħtiha n-nofs l-ieħor filgħaxija u hekk ifaddal nofs yogurt. Dik hi x-xeħħa, dik hi r-rabta mal-ġid. Imbagħad dan ir-raġel miet, u l-kummenti tal-persuni li marru għall-funeral kienu: “Imma jidher li dan ir-raġel ma għandu xejn fuqu, kollox ħalla”. U mbagħad, b’xi ftit żufjett, qalu: “Le, le, ma setgħux jagħlquh it-tebut għax ried jieħu kollox miegħu”. Din, tax-xeħħa, iġġagħal lil ħaddieħor jidħak: għax fl-aħħar irridu nagħtu ġisimna u ruħna lill-Mulej u rridu nħallu kollox warajna. Noqogħdu attenti! U nkunu ġenerużi, ġenerużi ma’ kulħadd u ġenerużi ma’ dawk li għandhom l-iktar bżonn tagħna. Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard