Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum se nitkellem fuq il-Vjaġġ Appostoliku li għamilt fl-Asja u l-Oċeanja. Jissejjaħ vjaġġ appostoliku għax mhux vjaġġ turistiku, imma hu vjaġġ biex inwasslu l-Kelma tal-Mulej, biex nuru min hu l-Mulej, anki biex insiru nafu l-qalb u r-ruħ tal-popli. U din hi ħaġa sabiħa ħafna.
Kien Pawlu VI, fl-1970, l-ewwel Papa li ried jivvjaġġa lejn mnejn titla’ x-xemx, u żar fit-tul il-Filippini u l-Awstralja imma waqaf ukoll għal ftit f’diversi pajjiżi Asjatiċi u fil-Gżejjer Samoa. U dak kien vjaġġ memorabbli. Għax l-ewwel wieħed li ħareġ mill-Vatikan kien San Ġwanni XXIII li mar bit-tren Assisi; imbagħad San Pawlu VI għamel dan: vjaġġ memorabbli! Anki f’dan fittixt li nimxi fuq l-eżempju tiegħu, imma, mgħobbi b’xi sena jew tnejn iktar, illimitajt ruħi għal erba’ pajjiżi: l-Indoneżja, Papua New Guinea, Timor Leste u Singapore. Irrodd ħajr lill-Mulej, li ppermettieli li bħala Papa xwejjaħ nagħmel dak li xtaqt nagħmel bħal Ġiżwita żagħżugħ, għax jien ridt immur il-missjoni hemmhekk!
L-ewwel riflessjoni li tiġi spontanja wara dan il-vjaġġ hi li meta naħsbu fuq il-Knisja għadna wisq Ewroċentriċi, jew, kif jgħidu, “Oċċidentali”. Imma fir-realtà, il-Knisja hi bil-wisq ikbar, ħafna ikbar minn Ruma u mill-Ewropa, ħafna ikbar, u – ippermettuli ngħid – ħafna iktar ħajja, f’dawk il-pajjiżi. Dan jiena ħassejtu b’mod emozzjonanti meta ltqajt ma’ dawk il-komunitajiet, smajt ix-xhieda ta’ saċerdoti, sorijiet, lajċi, speċjalment katekisti – il-katekisti huma dawk li jmexxu ’l quddiem l-evanġelizzazzjoni –. Knejjes li ma jagħmlux proselitiżmu, imma li jikbru bl-“attrazzjoni”, kif kien jgħid b’mod hekk għaref Benedittu XVI.
Fl-Indoneżja, l-Insara huma xi 10%, u l-Kattoliċi 3%, minoranza. Imma hawn iltqajt ma’ Knisja ħajja, dinamika, kapaċi tgħix u tittrasmetti l-Vanġelu f’dak il-pajjiż li għandu kultura nobbli ħafna, li kapaċi toħloq armonija bejn id-diversitajiet, u fl-istess waqt tgħodd l-ikbar preżenza ta’ Musulmani fid-dinja. F’dak il-kuntest, kelli konferma ta’ kif il-kompassjoni hija t-triq li fiha l-Insara jistgħu u għandhom jimxu biex jagħtu xhieda ta’ Kristu l-Feddej u fl-istess waqt jiltaqgħu mat-tradizzjonijiet kbar reliġjużi u kulturali. Dwar il-kompassjoni, ma ninsewx it-tliet karatteristiċi tal-Mulej: qrubija, ħniena u kompassjoni. Alla huwa qrib tagħna, Alla hu ħanin u Alla jagħder. Jekk Nisrani ma għandux kompassjoni, ma jiswa għal xejn. “Fidi, fraternità, kompassjoni” kien il-motto taż-żjara fl-Indoneżja: fuq dawn il-kelmiet il-Vanġelu jidħol ta’ kuljum, fil-konkret, fil-ħajja ta’ dak il-poplu, jilqagħha u jagħtiha l-grazzja ta’ Ġesù li miet u rxoxta. Dawn il-kelmiet huma bħal pont, bħall-passaġġ minn taħt li jgħaqqad il-Katidral ta’ Jakarta mal-ikbar Moskea tal-Asja. Hemmhekk rajt kif il-fraternità hija l-futur, hija t-tweġiba għall-anti-ċiviltà, għan-nisġiet djaboliċi tal-mibegħda u tal-gwerra, anki tas-settarjaniżmu. Hemm il-fraternità.
Il-ġmiel ta’ Knisja missjunarja, li toħroġ, erġajt sibtu f’Papua New Guinea, arċipelagu li joħroġ ’il barra fuq l-immensità tal-Oċean Paċifiku. Hemmhekk id-diversi gruppi etniċi jitkellmu iktar minn 800 lingwa: ambjent ideali għall-Ispirtu s-Santu, li jħobb jagħmel eku tal-messaġġ tal-Imħabba fis-sinfonija tal-lingwaġġi. Mhijiex uniformità, dik li jagħmel l-Ispirtu s-Santu, imma hija sinfonija, hi armonija, hu l-“patrun”, huwa l-kap tal-armonija. Hemm, b’mod partikulari, il-protagonisti kienu u huma sal-lum il-missjunarji u l-katekisti. Fraħt li stajt noqgħod ftit mal-missjunarji u l-katekisti tal-lum; u kkommovejt ruħi nisma’ l-kant u l-mużika taż-żgħażagħ: fihom ilmaħt futur ġdid, bla vjolenzi tribali, bla dipendenzi, bla kolonjaliżmi ideoloġiċi u ekonomiċi; futur ta’ fraternità u ta’ għożża għall-ambjent naturali mill-isbaħ. Papua New Guinea tista’ tkun “laboratorju” ta’ dan il-mudell ta’ żvilupp integrali, animat mill-“għaġna” tal-Vanġelu. Għax ma jistax ikun hemm umanità ġdida mingħajr bnedmin ġodda, u dawn il-Mulej waħdu jista’ jagħmilhom. U rrid insemmi wkoll iż-żjara tiegħi f’Vanimo, fejn il-missjunarji jinsabu bejn il-foresta u l-baħar. Iridu jidħlu fil-foresta biex imorru jfittxu lit-tribujiet moħbija… X’tifkira sabiħa, din.
Il-qawwa tal-promozzjoni umana u soċjali tal-messaġġ Nisrani tidher b’mod partikulari fl-istorja ta’ Timor Leste. Hemmhekk il-Knisja qasmet mal-poplu kollha l-proċess ta’ indipendenza, u orjentatu dejjem għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni. Din mhix xi ideoloġizzazzjoni tal-fidi, le, imma hija l-fidi li ssir kultura u fl-istess waqt iddawwalha, issaffiha, terfagħha. Għalhekk erġajt fakkart fir-relazzjoni għammiela bejn fidi u kultura, li fuqha diġà kien tkellem fiż-żjara tiegħu San Ġwanni Pawlu II. Il-fidi għandha tiġi inkulturata u l-kulturi għandhom jiġu evanġelizzati. Fidi u kultura. Imma fuq kollox ħassejtni milqut mill-ġmiel ta’ dak il-poplu: poplu mġarrab imma hieni, poplu għaref fit-tbatija. Poplu li mhux biss inissel tant tfal – kien hemm baħar ta’ tfal, ħafna! –, imma jgħallimhom jitbissmu. Qatt ma jien se ninsa t-tbissima tat-tfal ta’ dik l-art, ta’ dak ir-reġjun. Dejjem jitbissmu t-tfal hemm, u hemm ħafna. Jgħallimhom jitbissmu, dak il-poplu, u din hi garanzija ta’ futur. Insomma, f’Timor Leste lmaħt iż-żgħożija tal-Knisja: familji, tfal, żgħażagħ, tant seminaristi u aspiranti għall-ħajja kkonsagrata. Nixtieq ngħid, bla ma nesaġera, li ħadt nifs ta’ “arja ta’ rebbiegħa”!
L-aħħar waqfa ta’ dan il-vjaġġ kienet Singapore. Pajjiż differenti ħafna mit-tlieta l-oħra: belt-Stat, modernissma, punt fokali ekonomiku u finanzjarju tal-Asja u mhux biss. Hemmhekk l-Insara huma minoranza, imma xorta waħda jsawru Knisja ħajja, impenjata li ġġib armonija u fraternità bejn id-diversi gruppi etniċi, kulturi u reliġjonijiet. Anki f’Singapore, hekk għanja, hemm iċ-“ċkejknin”, li jimxu wara l-Vanġelu u jsiru melħ u dawl, xhieda ta’ tama ikbar minn dik li jistgħu jiggarantixxu l-kisbiet ekonomiċi.
Nixtieq irrodd ħajr lil dawk il-popli li laqgħuni b’tant imħabba. Nirringrazzja lill-Mexxejja tagħhom, li għenu tant f’din iż-żjara, biex issir bl-ordni, bla problemi. Nirringrazzja lil dawk kollha li kkollaboraw f’dan. Nirringrazzja lil Alla għad-don ta’ dan il-vjaġġ! U nġedded ir-rikonoxximent tiegħi lejn kulħadd, lejn dawn kollha. Alla jbierek il-popli li ltqajt magħhom u jmexxihom fit-triq tal-paċi u tal-fraternità! Tislija lil kulħadd.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard