Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
F’din il-mixja tagħna ta’ katekeżijiet li qed nagħmlu fuq il-vizzji u l-virtujiet, illum se nieqfu fuq il-vizzju tal-gula.
X’jgħidilna l-Vanġelu dwar dan? Ejjew inħarsu lejn Ġesù. L-ewwel miraklu tiegħu, fit-tieġ ta’ Kana, jikxef is-simpatija tiegħu fil-konfront tal-ferħ tal-bniedem: hu jrid li l-festa tispiċċa tajjeb u jirregala lill-miżżewġin ġodda kwantità kbira ta’ nbid bnin ħafna. Tul il-ministeru kollu tiegħu Ġesù jidher bħala profeta differenti ħafna mill-Battista: jekk Ġwanni hu mfakkar għall-axxetiċiżmu tiegħu – kien jiekol dak li kien isib fid-deżert –, Ġesù huwa l-Messija li spiss narawh mal-mejda tal-ikel. L-imġiba tiegħu tiskandalizza lil xi wħud, għax mhux biss hu twajjeb mal-midinbin, imma saħansitra jiekol magħhom; u dan il-ġest wera r-rieda tiegħu ta’ komunjoni u qrubija ma’ kulħadd.
Imma hemm aktar minn hekk. Waqt li l-atteġġjament ta’ Ġesù fil-konfront tal-preċetti Lhudi jurina s-sottomissjoni sħiħa tiegħu għal-Liġi, imma hu donnu jissimpatizza mad-dixxipli tiegħu: meta jinqabdu fil-fatt, għax meta qabadhom il-ġuħ qatgħu xi żbul tal-qamħ fil-jum tas-Sibt, hu jiġġustifika dan l-għemil tagħhom, u jfakkar li anki s-Sultan David u sħabu, meta sabu ruħhom fil-bżonn, kielu mill-ħobż imqaddes (ara Mk 2:23-26). U Ġesù jafferma prinċipju ġdid: il-mistednin tat-tieġ ma jistgħux isumu meta l-għarus għadu magħhom; imbagħad isumu meta l-għarus jitteħdilhom. Issa kollox hu relattiv għal Ġesù. Meta hu jinsab f’nofsna, ma nistgħux noqogħdu nitnikktu; imma fis-siegħa tal-passjoni tiegħu, hemmhekk iva, insumu (ara Mk 2:18-20). Ġesù jrid li nkunu fil-ferħ tal-kumpanija tiegħu – huwa l-Għarus tal-Knisja –; imma jrid ukoll li nieħdu sehem fit-tbatijiet tiegħu, li huma wkoll it-tbatijiet taċ-ċkejknin u tal-foqra.
Aspett ieħor importanti. Ġesù jwaqqa’ d-distinzjonijiet bejn ikel pur u ikel impur, li kienet distinzjoni li kienet tagħmel il-liġi Lhudija. Fir-realtà – jgħallem Ġesù – mhuwiex dak li jidħol fil-bniedem li jniġġsu, imma dak li joħroġ mill-qalb tiegħu. U b’dan “wera li l-ikel kollu hu safi” (Mk 7:19). Għalhekk il-Kristjaneżmu ma jikkontemplax ikel imniġġes. Imma l-attenzjoni li jrid ikollna hi dik interjuri: mela mhux fuq l-ikel fih innifsu, imma fuq ir-relazzjoni tagħna miegħu. U Ġesù dwar dan jgħid b’mod ċar li dak li, biex ngħidu hekk, jagħmel ħaġa tal-ikel tajba jew ħażina, mhuwiex l-ikel fih innifsu imma r-relazzjoni li aħna għandna miegħu. U dan aħna narawh, meta persuna jkollha relazzjoni diżordinata mal-ikel, narawh kif tiekol, tiekol tgħaġġel, bħallikieku trid tixba’ u ma tixba’ qatt, ma għandhiex relazzjoni tajba mal-ikel, hija lsira tal-ikel.
Din ir-relazzjoni serena li Ġesù ħoloq mal-ikel għandna nerġgħu niskopruha u nivvalorizzawha, speċjalment fis-soċjetajiet tal-hekk imsejjaħ benessri, fejn jidhru tant skwilibriji u kundizzjonijiet ta’ mard. Hemm min jiekol iżżejjed, u hemm min jiekol ftit wisq. Spiss issib min jiekol waħdu. Xterdu iżjed id-diżordnijiet alimentari: anoressija, bulimja, obeżità… U l-mediċina u l-psikoloġija jippruvaw jaffrontaw ir-relazzjoni żbaljata mal-ikel. Relazzjoni ħażina mal-ikel tipproduċi dan il-mard kollu.
Dan hu mard, li spiss iġib tbatija kbira, u li biex tagħqad hu marbut mat-turmenti tal-moħħ u tar-ruħ. Il-mod kif wieħed jiekol hu l-manifestazzjoni ta’ xi ħaġa interjuri: il-predispożizzjoni għall-bilanċ, jew l-eċċessività; il-ħila li wieħed jirringrazzja, jew il-pretensjoni arroganti ta’ awtonomija; l-empatija ta’ min jaf jaqsam l-ikel tiegħu ma’ min hu fil-bżonn, jew l-egoiżmu ta’ min igeddes kollox għalih biss. Din il-mistoqsija hi importanti ħafna: għidli kif tiekol, u ngħidlek x’ruħ għandek. Fil-mod kif nieklu jidhru l-interjorità tagħna, id-drawwiet tagħna, l-atteġġjamenti psikiċi tagħna.
Il-Missirijiet tal-qedem kienu jsejħu l-vizzju tal-gula bl-isem “gastrimargia”, terminu li nistgħu nittraduċuh bħala “ġenn tal-ġuf”. Il-gula hi “ġenn tal-istonku”. U hemm ukoll dan il-proverbju: li aħna għandna nieklu biex ngħixu, u mhux ngħixu biex nieklu. Il-gula hi vizzju li jitlaqqam proprju fi ħtieġa vitali li għandna, bħalma hi dik li nieklu. Noqogħdu attenti għal dan.
Jekk naqrawha minn perspettiva soċjali, il-gula hi forsi l-aktar vizzju perikoluż, li qed joqtol il-pjaneta. Għax id-dnub ta’ min iċedi quddiem biċċa kejk, kollox ma’ kollox ma tantx jagħmel ħsara, imma l-kilba li nfexxejna fiha, minn xi seklu ’l hawn, għall-ġid tal-pjaneta qed tikkomprometti l-futur ta’ kulħadd. Dorna għal kollox, biex insiru sidien ta’ kollox, waqt li kull ħaġa kienet ġiet fdata f’idejn il-ħarsien tagħna, mhux f’idejn l-isfruttament tagħna! Dan allura hu l-akbar dnub, il-furja tal-istonku: ċħadna l-isem ta’ bnedmin, biex ħadna ieħor, “konsumaturi”. U llum ngħidu hekk fil-ħajja soċjali: il-“konsumaturi”. Mank intbaħna li xi ħadd beda jsejħilna hekk. Aħna magħmulin biex inkunu rġiel u nisa “ewkaristiċi”, kapaċi nirringrazzjaw, diskreti fl-użu tal-art, u minflok il-periklu hu li ninbidlu fi predaturi, u issa qed nintebħu li din il-forma ta’ “gula” għamlet wisq ħsara lid-dinja. Nitolbu lill-Mulej jgħinna fit-triq tas-sobrjetà, u li d-diversi forom ta’ gula ma jaħkmux huma lil ħajjitna.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard