Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum se nitkellem fuq ir-raba’ u l-aħħar virtù kardinali: il-qies. Flimkien mat-tlieta l-oħra, din il-virtù għandha storja li tmur ħafna lura fiż-żmien u li mhix biss ħaġa tal-Insara. Għall-Griegi l-prattika tal-virtujiet kellha bħala għan tagħha l-hena. Il-filosfu Aristotli jikteb l-aktar trattat importanti tiegħu tal-etika billi jindirizzah lil bin Nikomaku, biex iħarrġu fl-arti ta’ kif wieħed jgħix. Għaliex ilkoll kemm aħna nfittxu l-ferħ, imma ftit biss jaslu għalih? Din hi l-mistoqsija. Biex iweġibha Aristotli jaffronta t-tema tal-virtujiet, li fosthom għandha post importanti l-enkráteia, jiġifieri l-qies. It-terminu Grieg ifisser litteralment “poter fuqna nfusna”. Il-qies hu poter fuqna nfusna. Allura din il-virtù hija l-ħila li naħkmu fuqna nfusna, l-arti li ma nħallux ikaxkruna magħhom passjonijiet ribelli, li nqiegħdu ordni qalb dak li l-Manzoni jsejjaħlu l-“imbarazz tal-qalb umana”.
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna li “t-temperanza jew ir-rażan u l-qies hi dik il-virtù morali li biha nrażżnu l-ġibda għall-pjaċiri u tagħtina li nużaw bil-qies il-ġid tal-art. Tiżgura setgħa lir-rieda fuq l-istinti u żżomm ix-xewqat tagħna li ma jmorrux ’l hemm minn dak li hu onest u sewwa. Persuna li tagħmel kollox bil-qies, tmexxi lejn it-tajjeb il-ġibdiet tas-sensi, iżżomm qies xieraq f’kollox, u ma tħallix il-ġibdiet imexxuha huma, biex timxi wara dak li tixtieq il-qalb” (n. 1809).
Għalhekk, il-qies, kif tgħid il-kelma Taljana temperanza, huwa l-virtù tal-kejl it-tajjeb. F’kull sitwazzjoni, wieħed iġib ruħu b’mod għaqli, għax il-persuni li jaġixxu dejjem skont l-istint tal-mument jew bl-esaġerazzjoni fl-aħħar mill-aħħar ma tistax tafdahom. Il-persuni li mhumiex meqjusa qatt ma tista’ tafdahom. F’dinja fejn tant nies jiftaħru li jgħiduha kif jaħsbuha, il-persuna meqjusa tippreferi minflok li taħseb x’ħa tgħid qabel tgħidu. Tifhmuha d-differenza? Ma ngħidx dak li jiġi ġo moħħi, hekk… Le, naħseb f’dak li ħa ngħid. Ma tagħmilx wegħdiet bla sens, imma tieħu impenji skont kemm tiflaħ tissodisfahom.
Anki fejn jidħlu l-pjaċiri, il-persuna meqjusa taġixxi b’ġudizzju. Il-mixja ħielsa tal-impulsi u l-liċenzja totali mogħtija mill-pjaċiri, jispiċċaw biex idawruna kontra tagħna nfusna, u jwaqqgħuna fi stat ta’ dwejjaq. Kemm persuni li riedu jippruvaw u jduqu kollox b’kilba kbira spiċċaw jitilfu l-gost ta’ kull ħaġa! Mela aħjar infittxu l-qies it-tajjeb: ngħidu aħna, biex napprezzaw inbid bnin, jekk induquh f’belgħat żgħar aħjar milli nibilgħuh kollu f’nifs wieħed. Dan kollha nafuh.
Il-persuna meqjusa taf tiżen u tomgħod sewwa kliemha. Taħseb f’dak li tgħid. Ma tħallix mument ta’ rabja jirvina relazzjonijiet u ħbiberiji li mbagħad b’ħafna tbatija biss tkun tista’ terġa’ tibnihom. Speċjalment fil-ħajja tal-familja, fejn l-inibizzjonijiet jitbaxxew, kollha nirriskjaw li ma nrażżnux it-tensjonijiet, l-irritazzjoni, is-saħniet. Hemm ħin biex nitkellmu u hemm ħin biex nisktu, imma t-tnejn jitolbu l-qies it-tajjeb. U dan jgħodd għal ħafna affarijiet, ngħidu aħna kemm ngħaddu ħin mal-oħrajn u kemm ngħaddu ħin waħidna.
Jekk il-persuna meqjusa taf tikkontrolla r-rabja tagħha, ma jfissirx b’daqshekk li ħa narawha dejjem b’wiċċha kalm u titbissem. Fil-fatt, xi kultant ikun hemm bżonn tinkorla, imma dejjem bil-qies it-tajjeb. Dawn huma l-kelmiet: il-qies it-tajjeb, il-mod it-tajjeb. Kelma ta’ ċanfira xi drabi tagħmel iktar ġid minn skiet qares u mimli korla. Il-bniedem meqjus jaf li xejn ma hu iktar skomdu milli tikkoreġi lil xi ħadd ieħor, imma jaf ukoll li dan hu meħtieġ: inkella nkunu nifirxu t-tapit lill-ħażen. F’xi każijiet, il-bniedem meqjus jirnexxilu jżomm flimkien l-estremi: jafferma l-prinċipji assoluti, iħares il-valuri li mhumiex negozjabbli, imma jaf ukoll jifhem il-persuni u juri empatija għalihom. Juri empatija.
Id-don tal-bniedem meqjus allura hu l-bilanċ, kwalità tant prezzjuża daqskemm rari. Fil-fatt, kollox fid-dinja tagħna jimbutta lejn l-esaġerazzjoni. Imma l-qies jiżżewweġ tajjeb ma’ atteġġjamenti evanġeliċi bħaċ-ċkunija, id-diskrezzjoni, is-satra, l-umiltà u l-ħlewwa. Min hu meqjus japprezza l-istima tal-oħrajn, imma ma jagħmilx minn dan l-uniku kriterju ta’ kull azzjoni u ta’ kull kelma. Hu sensibbli, jaf jibki u ma jistħix minn dan, imma ma joqgħodx jibki lilu nnifsu. Mirbuħ, jerġa’ jqum; rebbieħ, kapaċi jerġa’ lura għall-ħajja moħbija ta’ dejjem. Ma jfittixx l-applawsi, imma jaf li għandu bżonn tal-oħrajn.
Ħuti, mhuwiex minnu li l-qies jagħmilna wiċċ laskri u ma nafux nifirħu. Anzi, jgħinna niggustaw aħjar il-ġid tal-ħajja: li noqogħdu flimkien mal-mejda, il-ħlewwa ta’ ċerti ħbiberiji, il-kunfidenza mal-persuni għorrief, l-istagħġib għall-ġmiel tal-ħolqien. Il-ferħ mal-qies hu hena li jwarrad fil-qalb ta’ min jagħraf u jagħti valur lil dak li l-aktar jiswa fil-ħajja. Nitolbu lill-Mulej biex jagħtina dan id-don: id-don tal-maturità, tal-maturità tal-età, tal-maturità affettiva, tal-maturità soċjali. Id-don tal-qies.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard