Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-jiem li għaddew mort il-Portugall għas-37 Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Dan il-JDŻ f’Lisbona, li ġie wara l-pandemija, kulħadd għexu bħala don ta’ Alla li reġa’ ċaqlaq il-qlub u l-passi taż-żgħażagħ, tant żgħażagħ mill-irkejjen kollha tad-dinja – tant! – biex imorru jiltaqgħu ma’ xulxin u jiltaqgħu ma’ Ġesù.
Il-pandemija, dan nafuh tajjeb, ħalliet effett peżanti fuq l-imġibiet soċjali tagħna: l-iżolament spiss spiċċa f’għeluq, u ż-żgħażagħ dan ħassewh b’mod partikulari. B’dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, Alla ta “spinta” bil-maqlub: dan immarka bidu ġdid għall-pellegrinaġġ kbir taż-żgħażagħ minn kontinent għall-ieħor, f’isem Ġesù Kristu. U mhux ta’ b’xejn li nżamm f’Lisbona, belt li tagħti għal fuq l-oċean, belt-simbolu tal-esplorazzjonijiet kbar permezz tal-baħar.
U f’dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ il-Vanġelu ppropona liż-żgħażagħ il-mudell tal-Verġni Marija. Fil-mument l-iżjed kritiku għaliha, [Marija] tmur iżżur lil qaribtha Eliżabetta. Jgħid il-Vanġelu: “Qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39). Jiena nieħu wisq pjaċir insejjaħ lill-Madonna taħt dan l-aspett: il-Madonna “mgħaġġla”, li dejjem tagħmel l-affarijiet b’ħeffa, u qatt ma tħallina nistennew, għax hija l-omm ta’ kulħadd. Hekk Marija llum, fit-tielet millennju, tiggwida l-pellegrinaġġ taż-żgħażagħ fil-mixja wara Ġesù. Kif kienet diġà għamlet seklu ilu fil-Portugall, f’Fatima, meta daret fuq it-tlitt itfal u fdatilhom messaġġ ta’ fidi u ta’ tama għall-Knisja u għad-dinja. Għalhekk, fil-JDŻ, erġajt mort Fatima, fil-post tad-dehra, u flimkien ma’ xi żgħażagħ morda tlabt lil Alla jfejjaq id-dinja mill-mardiet tar-ruħ: is-suppervja, il-gideb, it-tilwim, il-vjolenza – huma mardiet tar-ruħ u d-dinja hi marida b’dan il-mard. U ġeddidna l-konsagrazzjoni tagħna, tal-Ewropa, tad-dinja lill-Qalb ta’ Marija, lill-Qalb Immakulata ta’ Marija. Tlabt għall-paċi, għax hawn tant gwerer fil-partijiet kollha tad-dinja, ħafna.
Iż-żgħażagħ tad-dinja ġew Lisbona f’għadd kbir u b’ħeġġa qawwija. Hemmhekk iltqajt ukoll mal-gruppi żgħar, u xi wħud b’tant problemi; il-grupp taż-żgħażagħ Ukreni qasam stejjer li kienu ta’ qsim il-qalb. Ma kinitx vaganza, vjaġġ turistiku, u lanqas avveniment spiritwali b’fini fih innifsu; il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ huwa laqgħa ma’ Kristu ħaj permezz tal-Knisja. Iż-żgħażagħ imorru jiltaqgħu ma’ Kristu. Huwa minnu, fejn hemm iż-żgħażagħ hemm il-ferħ u hemm xi ftit minn dawn il-ħwejjeġ kollha.
Iż-żjara tiegħi fil-Portugall, fl-okkażjoni tal-JDŻ, gawdiet minn kliem ta’ festa minn din il-mewġa kbira ta’ żgħażagħ. Irrodd ħajr lil Alla għal dan, speċjalment jiena u naħseb fil-Knisja ta’ Lisbona, li, wara l-isforz kbir li għamlet għall-organizzazzjoni u l-akkoljenza, issa għandha enerġija ġdida biex tkompli bil-mixja ġdida, biex tixħet mill-ġdid ix-xbieki b’passjoni appostolika. Iż-żgħażagħ fil-Portugall diġà llum huma preżenza ħajja, u issa, wara din it-“trasfużjoni” li rċivew mill-Knejjes tad-dinja kollha, iktar sa jsiru hekk. U tant żgħażagħ, huma u deħlin lura, għaddew minn Ruma, qed narawhom hawn ukoll, hemm xi wħud li ħadu sehem f’dan il-Jum. Arahom! Fejn hemm iż-żgħażagħ hemm l-istorbju, jafu kif jagħmluh!
Waqt li fl-Ukrajna u f’postijiet oħra tad-dinja hemm il-ġlied għaddej, u waqt li f’ċerti swali moħbija qed tiġi ppjanata l-gwerra – kemm hi ħaġa kerha din, qed jippjanaw il-gwerra! –, il-JDŻ wera lil kulħadd li hemm dinja oħra possibbli: dinja tal-aħwa, fejn il-bnadar tal-popli kollha jittajru flimkien, waħda maġenb l-oħra, bla mibegħda, bla biża’, bla għeluq, bla armi! Il-messaġġ taż-żgħażagħ kien wieħed ċar: se jagħtu widen għalih il-“kbarat tal-art”? Nistaqsi, se jisimgħuh dan l-entużjażmu taż-żgħażagħ li jridu l-paċi? Hija parabbola għal żminijietna, u llum ukoll Ġesù qed jgħid: “Min għandu widnejn, ħa jisma’! Min għandu għajnejn, ħa jara!”. Nittama li d-dinja kollha tagħti widen għal dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u tilmaħ dan il-ġmiel taż-żgħażagħ li mexjin ’il quddiem.
Nesprimi mill-ġdid il-gratitudni tiegħi lejn il-Portugall, lejn Lisbona, lejn il-President tar-Repubblika, li kien preżenti għaċ-ċelebrazzjonijiet kollha, u lejn l-Awtoritajiet ċivili l-oħra; lejn il-Patrijarka ta’ Lisbona – li kien wisq bravu! –, lejn il-President tal-Konferenza Episkopali u lejn l-Isqof kordinatur tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, lejn il-kollaboraturi kollha u lejn il-voluntiera. Aħsbu ftit kif il-voluntiera – mort iltqajt magħhom l-aħħar ġurnata, qabel ma ġejt lura – kienu 25 elf: dan il-Jum kellu 25 elf voluntier! Grazzi lil kulħadd. Għall-interċessjoni tal-Verġni Marija, ibierek il-Mulej liż-żgħażagħ tad-dinja kollha u jbierek il-poplu Portugiż. Ejjew nitolbu flimkien lill-Madonna, ilkoll flimkien, biex hija tbierek lill-poplu Portugiż.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard