Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-ġimgħat li għaddew irriflettejna flimkien, fid-dawl tal-Vanġelu, fuq kif infejqu d-dinja li qed tbati minn ħsara li l-pandemija iktar kixfet u aċċentwat. Il-ħsara hemm kienet: il-pandemija kixfitha iktar, aċċentwatha. Ħarisna lejn it-toroq tad-dinjità, tas-solidarjetà u tas-sussidjarjetà, toroq indispensabbli biex nippromovu d-dinjità umana u l-ġid komuni. U bħala dixxipli ta’ Ġesù pproponejna li nimxu fuq il-passi tiegħu bl-għażla favur il-foqra, billi nerġgħu naħsbu kif għandna nużaw il-ġid u nieħdu ħsieb tad-dar komuni tagħna. F’nofs il-pandemija li qed tifnina, waħħalna l-ankri tagħna mal-prinċipji tad-duttrina soċjali tal-Knisja, u ħallejna jmexxuna l-fidi, it-tama u l-imħabba. Hawn sibna għajnuna qawwija biex inkunu dawk li jġibu l-bidla, li joħolmu kbir, li ma jeħlux quddiem il-medjokrità li tifred u tfieri, imma b’kuraġġ ifittxu kif inisslu dinja ġdida u aħjar.

Nixtieq li din il-mixja ma tispiċċax ma’ dawn il-katekeżijiet tiegħi, imma nkomplu nimxu flimkien, “inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù” (Lhud 12:2), kif smajna fil-bidu; il-ħarsa fuq Ġesù li jifdi u jfejjaq id-dinja. Kif jurina l-Vanġelu, Ġesù fejjaq lill-morda ta’ kull xorta (ara Mt 9:35), ta d-dawl lill-għomja, il-kelma lill-imbikkmin, is-smigħ lit-torox. U meta kien ifejjaq il-mard u t-tbatijiet tal-ġisem, kien ifejjaq ukoll ir-ruħ billi jaħfer id-dnubiet, għax Ġesù dejjem jaħfer, kif ukoll it-“tbatijiet soċjali” fosthom l-imwarrbin (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1421). Ġesù, li jġedded u jħabbeb mill-ġdid kull ħlejqa (ara 2 Kor 5:17; Kol 1:19-20), jagħtina d-doni meħtieġa biex inħobbu u nfejqu kif kien jaf jagħmel hu (ara Lq 10:1-9; Ġw 15:9-17), biex nieħdu ħsieb ta’ kulħadd bla distinzjoni ta’ razza, ilsien jew nazzjon.

Biex dan iseħħ tassew, għandna bżonn nikkontemplaw u napprezzaw il-ġmiel ta’ kull bniedem u ta’ kull ħlejqa. Aħna tnissilna fil-qalb ta’ Alla (ara Efes 1:3-5). “Kull wieħed u waħda minna hu l-frott ta’ ħsieb ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minna hu mixtieq, maħbub, meħtieġ”.[1] Barra minn hekk, kull ħlejqa għandha xi ħaġa x’tgħidilna fuq Alla ħallieq (ara Enċiklika Laudato si’, 69, 239). Meta nagħrfu din il-verità u rroddu ħajr għar-rabtiet intimi tal-komunjoni universali mal-persuni kollha u mal-ħlejjaq kollha, naslu għal “għożża ġeneruża u mimlija ħlewwa u mħabba” (ibid., 220). U jista’ jiswielna wkoll ta’ għajnuna jekk nagħrfu lil Kristu preżenti f’ħutna foqra u batuti, jekk niltaqgħu magħhom u nagħtu widen għall-karba tagħhom u l-karba tal-art li ssir eku tagħhom (ara ibid., 49).

Imqanqlin ġo fina minn dawn il-karbiet li qed jitolbuna naqbdu rotta oħra (ara ibid., 53), qed jitolbuna ninbidlu, nistgħu nikkontribwixxu għall-fejqan tar-relazzjonijiet tagħna mad-doni u l-ħiliet tagħna (ara ibid., 19). Nistgħu nagħtu ħajja ġdida lis-soċjetà u ma nerġgħux lura għall-hekk imsejħa “normalità”, li hi normalità marida, anzi kienet marida sa minn qabel il-pandemija: il-pandemija wrietha iktar! “Issa nerġgħu lura għan-normalità”: le, dan mhux sew għax din in-normalità kienet marida bl-inġustizzji, nuqqasijiet ta’ ugwaljanza u qerda ambjentali. In-normalità li għaliha aħna msejħa hi dik tas-Saltna ta’ Alla, fejn “l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11:5). U ħadd ma għandu jilgħabha tal-iblah u jħares band’oħra. Dan hu li għandna nagħmlu, biex ninbidlu. Fin-normalità tas-Saltna ta’ Alla l-ħobż jasal għand kulħadd u jibqa’ ż-żejjed ukoll, l-organizzazzjoni soċjali tinbena fuq dak li wieħed joffri, jaqsam u jqassam, u mhux f’li jippossedi, jeskludi u jiġma’ għalih (ara Mt 14:13-21). Il-ġest li jmexxi soċjetà, familja, lokalità, belt, lil kulħadd ’il quddiem, hu dak tal-għotja tagħna nfusna, li nagħtu, li ma jfissirx nagħmlu karità, imma għoti li ħiereġ tassew mill-qalb. Ġest li jbiegħed l-egoiżmu u t-tensjoni tal-ħakma. Imma l-mod Nisrani kif nagħmlu dan mhuwiex mod mekkaniku: hu mod uman. Ma nistgħu qatt noħorġu mill-kriżi li dehret bil-pandemija, b’mod mekkaniku, bi strumenti ġodda – li huma importantissmi, imexxuna ’l quddiem u ma rridux nibżgħu minnhom –, imma bl-għarfien li l-mezzi l-iżjed sofistikati jistgħu jagħmlu ħafna, imma hemm ħaġa li ma jistgħux jagħmluha: il-ħlewwa. U l-ħlewwa hija s-sinjal proprju tal-preżenza ta’ Ġesù. Li noqorbu lejn il-proxxmu biex nimxu, biex infejqu, biex ngħinu, biex nissagrifikaw ruħna għall-oħrajn.

Daqshekk hi importanti dik in-normalità tas-Saltna ta’ Alla: il-ħobż jasal għand kulħadd, l-organizzazzjoni soċjali tissejjes fuq kemm wieħed jagħti, jaqsam u jqassam minn dak li hu tiegħu, bi ħlewwa, u mhux fuq kemm jaħkem, jeskludi u jiġma’ għalih. Għax fl-aħħar ta’ ħajjitna xejn m’aħna ħa nieħdu magħna fil-ħajja l-oħra!

Virus daqs nitfa qed ikompli jikkawża ġrieħi kbar u jikxef il-vulnerabbiltà fiżika, soċjali u spiritwali tagħna. Neżża’ n-nuqqas kbir ta’ ugwaljanza li jsaltan fid-dinja: nuqqas ta’ ugwaljanza ta’ opportunitajiet, ta’ ġid, ta’ aċċess għas-saħħa, għat-tekonoloġija, għall-edukazzjoni: miljuni ta’ tfal ma jistgħux imorru l-iskola, u l-lista tibqa’ sejra. Dawn l-inġustizzji mhumiex naturali u lanqas inevitabbli. Huma opra tal-bniedem, ġejjin minn mudell ta’ tkabbir maqtugħ mill-valuri l-aktar għolja. Il-ħela ta’ ikel żejjed: b’dan il-ħela tista’ titma’ lil kulħadd. U dan farrak it-tama ta’ ħafna u żied l-inċertezza u t-tbatija. Għalhekk, biex noħorġu minn din il-pandemija, irridu nsibu l-kura mhux biss għall-Coronavirus – li hi importanti! – imma anki għall-virus kbar umani u soċjoekonomiċi. Ma rridux naħbuhom, b’pinzellata verniċ kemm ma jidhrux. U bla dubju ma nistgħux nippretendu li l-mudell ekonomiku li hu fil-bażi ta’ żvilupp bla ugwaljanza u insostenibbli se jsolvi l-problemi tagħna. La solviehom u lanqas ħa jsolvihom, għax ma jistax, imqar jekk ċerti profeti foloz qed ikomplu jwegħduna t-“trickle-down effect” li ma jasal qatt.[2] Smajtuha intom it-teorema tat-tazza: l-importanti li t-tazza timtela u mbagħad minn ġo fiha jfur u jaqa’ għal fuq il-foqra u fuq l-oħrajn, u jirċievu l-ġid. Imma hemm fenomenu: it-tazza tibda timtela u meta tkun kważi mtliet kollha, tibda tikber, tikber u tikber, u l-kaskata ma sseħħ qatt. Jeħtieġ noqogħdu attenti.

Hemm bżonn nibdew naħdmu b’urġenza biex ikollna politika tajba, nippjanaw sistemi ta’ organizzazzjoni soċjali fejn jiġu ppremjati l-parteċipazzjoni, l-għożża u l-ġenerożità, iktar milli l-indifferenza, l-isfruttament u l-interessi partikulari. Jeħtieġ nimxu ’l quddiem bi ħlewwa u tjieba. Soċjetà solidali u fejn hemm l-ugwaljanza hija soċjetà iktar b’saħħitha. Soċjetà parteċipattiva – fejn dawk tal-“aħħar” jiġu meqjusa daqs tal-“ewwel” – issaħħaħ il-komunjoni. Soċjetà fejn nirrispettaw id-diversitajiet hi ħafna iżjed reżistenti għal kull xorta ta’ virus.

Ejjew inqiegħdu din il-mixja ta’ fejqan taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija, Omm tas-Saħħa. Hi, li ġarret f’ġufha lil Ġesù, tgħinna nkunu fiduċjużi. Imqawwija mill-Ispirtu s-Santu, nistgħu naħdmu flimkien għas-Saltna ta’ Alla li Kristu nieda f’din id-dinja, meta ġie fostna. Hija Saltna ta’ dawl qalb id-dlamijiet, ta’ ġustizzja qalb tant uġigħ, ta’ ferħ qalb tant tbatija, ta’ fejqan u ta’ salvazzjoni qalb tant mard u quddiem il-mewt, ta’ ħlewwa qalb il-mibegħda. Ħa jagħtina Alla li nxerrdu l-imħabba u nigglobalizzaw it-tama fid-dawl tal-fidi.

Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[1] Benedittu XVI, Omelija għall-bidu tal-Ministeru Petrin (24 ta’ April 2005); ara Enċiklika Laudato si’, 65.

[2] “Derrame” bl-Ispanjol (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 54).