Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq xi mudelli eżemplari ta’ żelu appostoliku… niftakru li qed nitkellmu fuq l-evanġelizzazzjoni, fuq iż-żelu appostoliku, fuq kif inxerrdu aktar l-isem ta’ Ġesù, u fl-istorja għandna tant nisa u rġiel li għamlu dan b’mod eżemplari. Illum, ngħidu aħna, nagħżlu lil San Franġisk Saverju: hu meqjus, skont xi wħud, l-ikbar missjunarju taż-żminijiet moderni. Imma ma tistax tgħid min hu l-ikbar, min hu l-iżgħar, għax hemm tant missjunarji moħbija li llum ukoll qed jagħmlu ħafna iżjed minn San Franġisk Saverju. U Saverju hu l-Patrun tal-missjonijiet, bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Imma missjunarju hu kbir meta jmur. U hemm ħafna, ħafna, saċerdoti, lajċi, sorijiet, li jmorru fil-missjonijiet, anki mill-Italja u bosta minn fostkom. Jiena nara, ngħidu aħna, meta jippreżentawli l-istorja ta’ saċerdot bħala kandidat għall-episkopat: qatta’ għaxar snin fil-missjoni f’dak il-post… din ħaġa kbira: toħroġ minn art twelidek biex tmur tipprietka l-Vanġelu. Dan hu ż-żelu appostoliku. U dan aħna rridu nikkultivawh ħafna. U meta nħarsu lejn il-figura ta’ dawn l-irġiel, dawn in-nisa, aħna nitgħallmu.
U San Franġisk Saverju twieled f’familja nobbli imma li ftaqret f’Navarra, fit-tramuntana ta’ Spanja, fl-1506. Mar jistudja Pariġi – kien żagħżugħ tad-dinja, intelliġenti, bravu. Hemm iltaqa’ ma’ Injazju ta’ Loyola. Ħajru jagħmel l-eżerċizzi spiritwali u bidel ħajtu. U ħalla l-karriera kollha tiegħu ta’ din id-dinja biex isir missjunarju. Daħal Ġiżwita, għamel il-voti. Imbagħad sar saċerdot, u mar jevanġelizza, mibgħut fl-Orjent. F’dak iż-żmien il-vjaġġi tal-missjunarji fl-Orjent kienu lejn dinjiet mhux magħrufa. U hu jmur, għax kien mimli żelu appostoliku.
U hekk telaq l-ewwel minn ġemgħa kbira ta’ missjunarji appassjonati taż-żminijiet moderni, lesti biex iġarrbu taħbit u perikli immensi, biex jilħqu artijiet u jiltaqgħu ma’ popli ta’ kulturi u ilsna għalkollox mhux magħrufa, imħeġġa biss mix-xewqa tant qawwija li jxandru lil Ġesù Kristu u l-Vanġelu tiegħu.
Fi ftit iżjed minn ħdax-il sena wettaq opra straordinarja. Kien missjunarju għal ħdax-il sena xi ftit jew wisq. Il-vjaġġi fuq il-baħar dak iż-żmien kienu ibsin ħafna, kienu perikulużi. Ħafna kienu jmutu fil-vjaġġ minħabba nawfraġji jew mard. Illum b’xorti ħażina jmutu għax aħna nħalluhom imutu hemm fil-Mediterran… Saverju għadda fuq l-iġfna xi tliet snin u nofs, terz tat-tul tal-missjoni kollha tiegħu. Fuq l-iġfna hu għadda iktar minn tliet snin u nofs, biex imur l-Indja, imbagħad mill-Indja għall-Ġappun.
Meta wasal Goa, fl-Indja, il-kapitali tal-Orjent Portugiż, il-kapitali kulturali u anki kummerċjali, Saverju poġġa hemm il-bażi tiegħu, imma ma waqafx hemm. Mar jevanġelizza s-sajjieda foqra tal-kosta tan-nofsinhar tal-Indja, jgħallem il-katekiżmu u t-talb lit-tfal, jgħammed u jfejjaq mill-mard. Imbagħad, waqt li kien qed jitlob billejl biswit il-qabar tal-Appostlu San Bartilmew, ħass li kellu jmur lil hemm mill-Indja. Ħalla f’idejn tajba l-ħidma li kien diġà beda u salpa bil-kuraġġ kollu lejn il-Gżejjer Maluku, il-gżejjer l-aktar imbiegħda tal-arċipelagu Indonesjan. Għal dawn in-nies ma kien hemm ebda xefaq, huma kienu kapaċi jmorru lil hemm… X’kuraġġ kellhom dawn il-qaddisin missjunarji! Anki dawk tal-lum, imqar jekk ma jivvjaġġawx fuq vapur għal tliet xhur, imorru bl-ajruplan għal 24 siegħa imma mbagħad hemmhekk l-istess isibu. Iridu jissetiljaw hemm, u jagħmlu tant kilometri, iterrqu fil-foresti. U Saverju, f’Maluku, qaleb il-katekiżmu fil-lingwa lokali u għallimhom ikantaw il-katekiżmu, għax bil-kant tifhmu aħjar. Is-sentimenti tiegħu nifhmuhom mill-ittri tiegħu. Jikteb hekk: “Il-perikli u t-tbatija, milqugħa mill-qalb u biss għall-imħabba u l-qadi tal-Mulej Alla tagħna, huma teżori għonja ta’ faraġ spiritwali kbir. Hawn fi ftit snin tista’ titlef għajnejk b’tant dmugħ ta’ ferħ!” (20 ta’ Jannar 1548). Kien jibki bil-ferħ jara l-ħidma tal-Mulej isseħħ.
Jum wieħed, fl-Indja, iltaqa’ ma’ Ġappuniż, li kellmu fuq il-pajjiż imbiegħed tiegħu, fejn qatt ebda missjunarju Ewropew ma kien għadu rifes. U Franġisku Saverju kellu f’qalbu t-tħassib ta’ appostlu, li jmur lil hemm, u qatagħha li jitlaq illum qabel għada, u wasal wara vjaġġ avventuruż fuq il-ġank ta’ wieħed Ċiniż. It-tliet snin fil-Ġappun kienu ibsin ħafna, minħabba l-klima, l-oppożizzjonijiet u għax ma kienx jaf il-lingwa, imma hawn ukoll iż-żerriegħa miżrugħa kellha tagħti frott kbir.
Saverju, il-ħalliem kbir, fil-Ġappun fehem li l-pajjiż deċiżiv għall-missjoni fl-Asja kien ieħor: iċ-Ċina. Bil-kultura tagħha, l-istorja tagħha, il-kobor tagħha, kellha fil-fatt ħakma fuq dik ix-xaqliba tad-dinja. Illum ukoll iċ-Ċina hi sewwasew punt fokali kulturali, bi storja kbira, storja mill-isbaħ. Għalhekk hu reġa’ lura Goa u ftit wara telaq mill-ġdid bit-tama li seta’ jmur iċ-Ċina. Imma l-pjan tiegħu falla: hu miet fuq l-għatba taċ-Ċina, fuq gżira, il-gżira ċkejkna ta’ Sancian, faċċata tal-kosta Ċiniża, jistenna għalxejn li jkun jista’ jiżbarka fuq l-art qrib Canton. Fit-3 ta’ Diċembru 1552, miet f’abbandun totali, b’Ċiniż biss maġenbu. Hekk intemm il-vjaġġ ta’ Franġisku Saverju fuq din l-art. Kien xjaħ, kemm kellu snin? Diġà 80? Le… Kellu biss 46 sena, kien qatta’ ħajtu fil-missjoni, b’tant żelu. Telaq minn Spanja kolta u wasal fil-pajjiż l-iżjed kolt tad-dinja f’dak iż-żmien, iċ-Ċina, u miet quddiem il-kbira Ċina, akkumpanjat minn Ċiniż. Dan kollu hu simbolu!
Il-ħidma tant intensa tiegħu dejjem kienet imxierka mat-talb, mal-għaqda ma’ Alla, mistika u kontemplattiva. Qatt ma telaq it-talb, għax kien jaf li hemmhekk kienet is-saħħa. Kull fejn kien ikun, kellu għożża kbira għall-morda, il-foqra u t-tfal. Ma kienx missjunarju “aristokratiku”: dejjem kien imur ma’ dawk l-aktar fil-bżonn, it-tfal li kienu l-aktar fil-bżonn ta’ tagħlim, ta’ katekeżi, il-foqra, il-morda: kien imur proprju fuq il-fruntieri tal-assistenza fejn hu kompla jikber. L-imħabba ta’ Kristu kienet il-qawwa li wasslitu sat-trufijiet l-aktar imbiegħda, b’taħbit u perikli kontinwi, waqt li għeleb il-fallimenti, id-delużjonijiet u t-taqtigħ il-qalb, anzi, din tatu faraġ u ferħ biex jimxi warajh u jaqdih sal-aħħar nett.
San Franġisk Saverju li għamel din il-ħaġa hekk kbira, qalb tant faqar, u b’tant kuraġġ, jagħtina xi ftit minn dan iż-żelu, minn dan iż-żelu biex ngħixu l-Vanġelu u nħabbru l-Vanġelu. Lil tant żgħażagħ illum li huma xi ftit imħassbin u ma jafux x’jaqbdu jagħmlu b’dak it-tħassib, ngħidilhom: ħarsu lejn Franġisku Saverju, ħarsu lejn ix-xefaq tad-dinja, ħarsu lejn il-popli b’tant bżonnijiet, ħarsu lejn tant nies li qed ibatu, tant nies li għandhom bżonn ta’ Ġesù. U morru, agħmlu kuraġġ. Illum ukoll għandna żgħażagħ qalbiena. Qed jiġuni f’moħħi tant missjunarji, ngħidu aħna fil-Papua New Guinea, qed naħseb f’tant ħbieb tiegħi, żgħażagħ, li jinsabu fid-Djoċesi ta’ Vanimo, u f’dawk kollha li marru jevanġelizzaw fuq il-passi ta’ Franġisku Saverju. Ħa jagħtina lilna lkoll il-Mulej il-ferħ li nevanġelizzaw, il-ferħ li nwasslu dan il-messaġġ hekk sabiħ li jferraħ lilna, u lil kulħadd.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard