Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Nhar l-Erbgħa li għadda, permezz tar-rit penitenzjali tal-irmied bdejna l-mixja tar-Randan. Illum, l-ewwel Ħadd ta’ daż-żmien liturġiku, il-Kelma t’Alla  turina t-triq biex dawn l-erbgħin ġurnata li jwassluna saċ-ċelebrazzjoni annwali tal-Għid, ngħixuhom b’mod li jtina l-frott.   Hija t-triq li terraq Ġesù li l-Evanġelju, bl-istil essenzjali ta’ Marku, jiġbor fi ftit kliem u jgħidilna li Hu, qabel ma beda l-predikazjzoni tiegħu, irtira għal erbgħin jum fid-deżert fejn kien imġarrab minn Satana (cfr 1, 12-15). L-Evanġelista jafferma li “L-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert”(v.12).  L-Ispirtu s-Santu, li kien niżel fuqu wara l-magħmudija li rċieva minn Ġwanni fix-xmara Ġordan, l-istess Spirtu, issa isusu biex imur fid-deżert, biex jaffronta li-Tentatur, biex jitqabad mal-xitan. L-eżistenza kollha ta’ Ġesù hi mqiegħda taħt is-sinjal tal-Ispirtu t’Alla, li jtih l-enerġija, jispirah, imexxih.

Imma naħsbu fid-deżert.  Nieqfu għal ftit fuq dan l-ambjent, naturali u simboliku, tant importanti fil-Bibbja.  Id-deżert hu l-imkien fejn Alla jkellem lill-qalb tal-bniedem, u fejn tnixxi t-tweġiba tat-talb, jiġifieri d-deżert tas-solitudni, il-qalb imbegħda mill-affarijiet l-oħra u waħdeha, f’dik is-solitudni, tinfetaħ għall-Kelma t’Alla.  Imma huwa wkoll il-post tal-prova u tat-tentazzjoni, fejn it-Tentatur, japprofitta ruħu mid-dgħufija u l-ħtiġijiet umani, u jissuġġerixxi, b’dak il-leħen giddieb tiegħu, triq oħra, triq oħra ta’ ingann.  It-Tentatur jisseduċi.  Infatti, tul dawk l-erbgħin jum li Ġesù għex fid-deżert, jibda ‘d-dwell’ bejn Ġesù u x-xitan, li jintemm bil-Passjoni u s-Salib.  Il-ministeru kollu ta’ Kristu hu taqbida kontra l-Malinn fil-manifestazzjonijiet kollha tiegħu: fejqan tal-mard, eżorċiżmi fuq l-indemonjati, maħfra tad-dnubiet.  Wara l-ewwel fażi fejn Ġesù juri li qed jitkellem u jaġixxi bis-setgħa ta’ Alla, donnu jidher li x-xitan qed tgħaddi tiegħu, meta l-Iben jisfa miċħud, abbandunat u fl-aħħar, arrestat u kkundannat għall-mewt.  Donnu jidher li x-xitan huwa rebbieħ.  Fir-realtà, propju l-mewt kien l-aħħar ‘deżert’ li kellu jqasam biex jegħleb lil Satana darba għal dejjem u jeħles lil kulħadd mis-setgħa tiegħu.  U hekk, Ġesù rebaħ fid-deżert tal-mewt biex jirbaħ fil-Qawmien.

Ta’ kull sena, fil-bidu tar-Randan, dan l-Evanġelju tat-Tentazzjonijiet ta’ Ġesù fid-deżert, ifakkarna li l-ħajja tan-nisrani fuq il-passi tal-Mulej hi taqbida kontra l-ispirtu tal-ħażen.  Jurina li Ġesù affronta lit-Tentatur, minn rajh, u għelbu; u fl-istess ħin ifakkarna li lix-xitan ingħatatlu l-possibbiltà li ‘jaħdem’ bit-tentazzjonijiet fuqna wkoll.  Hemm bżonn inkunu konxji mill-preżenza ta’ dan l-għadu moħħu jilħaqlu, li tinteressah il-kundanna eterna tagħna, il-falliment tagħna, u nitħejjew biex niddefendu ruħna minnu u nissaraw miegħu.  Il-grazzja t’Alla tiżgurana, bil-fidi, bit-talb u l-penitenza, mir-rebħa fuq l-għadu.  Imma jien irrid nisħaq fuq ħaġa:  waqt it-tentazzjonijiet, Ġesù qatt ma ddjaloga max-xitan, qatt.  Jew keċċih mill-indemonjati jew ikkundannah jew kixef il-malizzja tiegħu, imma djalogu qatt.  U fid-deżert donnu jidher li hemm djalogu għax ix-xitan jagħmel tliet proposti u Ġesù jwieġeb.  Imma Ġesù ma jweġibx bi kliemu; iwieġeb bil-Kelma t’Alla.  U dan għandna nagħmluh aħna wkoll.  Meta jersaq lejna s-seduttur u jibda jsaħħarna: “Imma aħseb hekk, agħmel hekk……” ,  it-tentazjoni tkun li niddjalogaw miegħu kif għamlet Eva; u jekk aħna nibdew niddjalogaw max-xitan aħna noħorġu telliefa.  Daħħluha sewwa f’raskom u fi qlubkom: max-xitan djalogu qatt, m’hemm ebda djalogu possibbli.  Il-Kelma t’Alla biss.

Fi żmien ir-Randan, l-Ispirtu s-Santu isus lilna wkoll, bħalma għamel ma’ Ġesù, biex nidħlu fid-deżert.  Dan mhux – kif rajna – imkien fiżiku iżda dimensjoni eżistenzjali li fiha nżommu s-skiet, nibdew nisimgħu l-Kelma t’Alla, “sabiex fina sseħħ konverżjoni vera” (Kolletta l-1 Ħadd tar-Randan, Sena B).  Tibżgħux mid-deżert, fittxu aktar waqtiet ta’ talb, ta’ skiet, biex nidħlu fina nfusna.  Tibżgħux.  Aħna msejħin biex nimxu fil-mogħdijiet ta’ Alla, bit-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna: li niċħdu lix-xitan, l-opri tiegħu kollha u t-tlellix fieragħ tiegħu kollu.  L-Għadu qiegħed hemm, moħbi, oqgħodu attenti.  Imma qatt tiddjalogaw miegħu.  Aħna nafdaw ruħna fl-interċessjoni tal-Verġni Marija.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili Pollakki.  Illum ħsiebi jmur lejn is-Santwarju ta Plock, fil-Polonja, fejn disgħin sena ilu l-Mulej Ġesù deher lil Santa Fawstina Kowalska, u afdalha messaġġ speċjali tal-Ħniena Divina.  Permezz ta’ San Ġwanni Pawlu II, dak il-messaġġ xtered mad-dinja kollha u mhu xejn aktar ħlief l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu li miet u rxoxta, li jwasslilna l-ħniena tal-Missier.  Niftħulu qlubna u bil-fidi ngħidu: “Ġesù, jiena nafda fik”.

Insellem liż-żgħażagħ u lill-adulti tal-grupp Talità Kum mill-parroċċa ta’ San Giovanni dei Fiorentini, hawn f’Ruma.  Grazzi tal-preżenza tagħkom! Ibqgħu mexjin bil-proġetti ta’ fejda tagħkom.

Nawgura lil kulħadd Ħadd sabih: sabih, hawn ix-xemx, u l-Ħadd it-tajjeb!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos