L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna approva t‑twaqqif tal‑Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta. L‑Assoċjazzjoni twaqqfet bl‑għan li tippromwovi l‑kawża ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni tal‑Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani, koppja miżżewġa li għexu ħajja Nisranija devota u eżemplari. Il‑koppja żżewġet f’April tal‑1944 fil‑Knisja ta’ Santu Wistin il‑Belt Valletta.

Inez Casolani twieldet Bormla fl‑1915 u kienet mħarrġa bħala għalliema. Kienet għalliema b’vokazzjoni u, għalkemm waqfet minn din il‑professjoni wara ż‑żwieġ, baqgħet tgħallem il‑privat b’xejn lit‑tfal minn familji fil‑bżonn. Hija mietet fl‑1992.

Imwieled fil‑Belt Valletta fl‑1917, Henry Casolani kien artist kapaċi li dejjem żamm lura milli jiftaħar bit‑talenti tiegħu. Matul it‑Tieni Gwerra Dinija ġie ssekondat mar‑Royal Army Medical Corps u wara l‑gwerra kien ingaġġat bħala senior draughtsman mad‑Dipartiment tax‑Xogħlijiet Pubbliċi. Huwa miet fl‑1999.

L‑ispiritwalità tal‑koppja Casolani kienet msejsa fuq il‑quddiesa ta’ kuljum, is‑sagramenti, it‑talb, ir‑rużarju, iż‑żjarat quddiem Ġesù Sagramentat u riflessjoni ta’ kuljum fuq il‑Kelma ta’ Alla. L‑azzjonijiet u l‑kliem tagħhom ħallew marka fuq dawk kollha li ltaqgħu magħhom peress li dawn kienu jixhdu għall‑imhabba li kellhom lejn Alla u lejn ħaddieħor. Wara li mietu bosta ħbieb u konoxxenzi tal‑koppja taw xhieda tal‑ħajja devota u qaddisa tagħhom. Il‑fama ta’ qdusija tagħhom żdiedet hekk kif iktar persuni bdew jitolbu bl‑interċessjoni tagħhom.

It‑talba biex tinfetaħ il‑kawża tal‑beatifikazzjoni tagħhom ġiet ippreżentata lill‑awtoritajiet tal‑Knisja fl‑2007 u nfetħet uffiċjalment mill‑Arċisqof Scicluna fl‑2015, wara li rċieva n‑nihil obstat tal‑Kongregazzjoni tal‑Kawżi tal‑Qaddisin. Minħabba li l‑koppja kienet Terzjarja tal‑Ordni ta’ Santu Wistin, il‑kawża ġiet fdata f’idejn il‑Postulatur Ġenerali tal‑Agostinjani f’Ruma.

Għal aktar informazzjoni dwar l‑assoċjazzjoni u dwar il‑Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani, wieħed jista’ jżur is‑sit henryandinezcasolani.wordpress.com, jew jibgħat imejl fuq henryandinezcasolani@gmail.com.