Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Meta jitkellem fuq l-Evanġelju u l-missjoni tal-evanġelizzazzjoni, Pawlu jitħeġġeġ, joħroġ minnu nnifsu. Donnu ma jkun jara xejn iżjed ħlief din il-missjoni li fdalu l-Mulej. Kollox fih huwa mogħti għal din it-tħabbira, u ma għandux interess ieħor ħlief l-Evanġelju. Din hi l-imħabba ta’ Pawlu, l-interess ta’ Pawlu, il-mestier ta’ Pawlu: li jħabbar. Jasal saħansitra biex jgħid: “Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju” (1 Kor 1:17). Pawlu jinterpreta l-ħajja kollha tiegħu bħala sejħa biex jevanġelizza, biex juri l-messaġġ ta’ Kristu, biex jgħarraf l-Evanġelju: “Ħażin għalija”, jgħid, “jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16). U meta jikteb lill-Insara ta’ Ruma, jippreżenta ruħu sempliċiment hekk: “Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla” (Rum 1:1). Din hija l-vokazzjoni tiegħu. F’kelma waħda, hu jaf li ġie “magħżul għalih” biex iwassal l-Evanġelju lil kulħadd, u ma jistax jagħmel għajr jiddedika ruħu b’kemm għandu saħħa għal din il-missjoni.
Għalhekk nistgħu nifhmu s-swied il-qalb, id-delużjoni u saħansitra l-ironija kiefra tal-Appostlu fil-konfront tal-Galatin, li f’għajnejh qabdu t-triq żbaljata, li se twassalhom għal punt li ma għandux ritorn: huma tilfu t-triq. Il-pern li madwaru jdur kollox hu l-Vanġelu. Pawlu ma jaħsibx f’“erba’ vanġeli”, kif tiġina naturali li nagħmlu aħna. Fil-fatt, meta bagħat din l-Ittra, ebda wieħed mill-erba’ vanġeli ma kien għadu nkiteb. Għalih l-Evanġelju huwa dak li hu qed jipprietka, dan li jismu l-kerygma, jiġifieri l-aħbar. U x’aħbar hi? Tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù bħala għajn ta’ salvazzjoni. Vanġelu li jesprimi ruħu b’erba’ verbi: “Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa” (1 Kor 15:3-5). Din hi l-aħbar ta’ Pawlu, l-aħbar li tagħtina lkoll il-ħajja. Dan l-Evanġelju huwa t-twettiq tal-wegħdiet u hu s-salvazzjoni offruta lill-bnedmin kollha. Min jilqgħu jiġi mħabbeb ma’ Alla, jiġi milqugħ bħala iben veru u jikseb b’wirt il-ħajja ta’ dejjem.
Quddiem don hekk għoli li rċivew il-Galatin, l-Appostlu ma jistax jifhem kif qatt jistgħu jaħsbu li jilqgħu “vanġelu” ieħor, forsi iżjed sofistikat, iżjed intellettwali… “vanġelu” ieħor. Imma ta’ min jinnota li dawn l-Insara għadhom ma telqux l-Evanġelju mħabbar minn Pawlu. L-Appostlu jaf li għadhom fil-waqt biex ma jagħmlux pass żbaljat, imma jċanfarhom bil-qawwa, b’ħafna qawwa. L-ewwel argument tiegħu hu direttament fuq il-fatt li l-predikazzjoni li għamlu l-missjunarji l-ġodda – dawn li jipprietkaw il-ġdid – ma tistax tkun l-Evanġelju. Anzi, hija tħabbira li taqleb ta’ taħt fuq il-veru Vanġelu għax ma tħallihomx jaslu għal-libertà – kelma muftieħ – li kisbu bil-fidi. Il-Galatin għadhom “fil-bidu” u wieħed jista’ jifhem id-diżorjentament tagħhom. Għadhom ma jafux il-kumplessità tal-Liġi ta’ Mosè, u l-entużjażmu tagħhom biex iħaddnu l-fidi fi Kristu jwassalhom biex jagħtu widen għal dawn il-predikaturi ġodda, u jitqarrqu li l-messaġġ tagħhom hu kumplimentari għal dak ta’ Pawlu. Meta mhuwiex hekk.
Imma l-Appostlu ma jistax jirriskja li jinħolqu kompromessi fuq tema daqshekk deċiżiva. L-Evanġelju hu wieħed biss u huwa dak li ħabbar hu; ma jistax ikun hemm ieħor. Attenti! Pawlu mhuwiex jgħid li l-Vanġelu veru huwa tiegħu għax kien hu li ħabbru, le! Mhux hekk qed jgħid. Kien ikun prużuntuż, kien ikun mimli bih innifsu. Pjuttost jistqarr li l-Vanġelu “tiegħu”, l-istess wieħed li l-Appostli l-oħra marru jxandru band’oħra, huwa l-uniku wieħed awtentiku, għax huwa dak ta’ Ġesù Kristu. Jikteb hekk: “Dan ngħarrafkom, l-aħwa: l-Evanġelju li ħabbartilkom jien mhuwiex Evanġelju tal-bnedmin. Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu” (Gal 1:11-12). Allura nistgħu nifhmu għaliex Pawlu jinqeda bi kliem iebes ħafna. Għal darbtejn juża l-espressjoni “jkun misħut”, li tindika l-esiġenza li wieħed iżomm bogħod mill-komunità dak li jhedded il-pedamenti tagħha. U dan il-“vanġelu” ġdid jhedded il-pedamenti tal-komunità. F’kelma waħda, fuq dan il-punt l-Appostlu ma jħallix wisa’ għal trattattiva: m’hemmx x’tinnegozja. Mal-verità tal-Vanġelu ma tistax tinnegozja. Jew sa tirċievi l-Vanġelu kif inhu, kif ġie mħabbar, jew qed tilqa’ ħaġa oħra. Imma ma tistax tinnegozja, mal-Vanġelu. Ma tistax taqa’ għal kompromessi: il-fidi f’Ġesù mhijiex xi merċa għat-tpartit: hija salvazzjoni, hija laqgħa, hija fidwa. Ma tinbiegħx b’xi prezz irħis.
Din is-sitwazzjoni mfissra fil-ftuħ tal-Ittra tidher paradossali, għax is-suġġetti kollha ttrattati bħal jidhru mmexxija minn sentimenti tajbin. Il-Galatin li jagħtu widen għall-missjunarji ġodda qed jaħsbu li biċ-ċirkonċiżjoni jistgħu jkunu iktar mogħtija għar-rieda ta’ Alla u għalhekk se jogħġbu iktar lil Pawlu. L-għedewwa ta’ Pawlu donnhom huma mmexxija mill-fedeltà għat-tradizzjoni li rċivew minn missirijiethom u jżommu li l-fidi ġenwina tikkonsisti fl-osservanza tal-Liġi. Quddiem din l-ogħla fedeltà jiġġustifikaw saħansitra l-insinwazzjonijiet u s-suspetti fuq Pawlu, meqjus ftit li xejn ortodoss fejn tidħol it-tradizzjoni. L-istess Appostlu jaf tajjeb li l-missjoni tiegħu hi ta’ natura divina – ġiet irrivelata minn Kristu nnifsu, lilu! – u għalhekk hu mqanqal minn ħeġġa sħiħa għall-ġdid tal-Vanġelu, li hu ġdid radikali, mhux xi ġdid li jgħaddi: ma hemmx vanġeli “skond il-moda”, l-Evanġelju hu dejjem ġdid, huwa stess hu l-ġdid. It-tensjoni pastorali tiegħu twassal lil Pawlu biex ikun iebes, għax jara r-riskju kbir li qed idellel fuq dawn l-Insara ġodda. F’kelma waħda, f’dan il-labirint ta’ intenzjonijiet tajba hemm bżonn li wieħed juri x’inhi t-triq il-vera, biex tidher l-ogħla verità li hija l-iżjed waħda koerenti mal-Persuna u l-predikazzjoni ta’ Ġesù u r-rivelazzjoni tiegħu tal-imħabba tal-Missier. Dan hu l-importanti: nagħrfu niddixxernu. Kemm drabi rajna fl-istorja, u dan qed narawh illum ukoll, xi moviment li jipprietka l-Vanġelu bil-mod tiegħu, xi drabi b’kariżmi veri, tiegħu; imma mbagħad jesaġera u jirriduċi l-Vanġelu kollu għall-“moviment”. U dan mhuwiex l-Evanġelju ta’ Kristu: dan hu l-Vanġelu tal-fundatur, tal-fundatriċi u hekk, iva, jista’ jgħin għall-bidu, imma fl-aħħar mill-aħħar ma jagħmilx frott għax m’għandux għeruq fil-fond. Għalhekk, il-kelma ċara u soda ta’ Pawlu tagħmlilhom ġid lill-Galatin u tagħmel ġid lilna wkoll. L-Evanġelju hu d-don ta’ Kristu lilna, u hu nnifsu li jirrivelahulna. U dan hu li jagħtina l-ħajja.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard