• Flimkien ma’ eluf ta’ pellegrini, il-Ġimgħa filgħaxija, ftit sigħat biss wara li wasal ġo Fatima biex ifakkar il-100 sena mid-dehriet tal-Madonna lit-tliet itfal ragħajja, il-Papa Franġisku rreċita r-rużarju b’lingwi differenti.

    L-ewwel beda bl-Għarbi, imbagħad kompla bl-Ispanjol u l-Ukren, bit-Taljan u ċ-Ċiniż, bl-Ingliż u l-Franċiż u bil-Ġermaniż u l-Pollakk.

    Matul ir-rużarju, il-Papa kien bilqiegħda quddiem l-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima, taħt baldakkin li jgħatti l-Kappella tad-Dehriet, fejn il-Ġimgħa stess, il-Papa ħalla warda tad-deheb bħala rigal lill-Madonna.

    Wara t-tmiem tat-talb, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pier Paolo Parolin, iċċelebra quddiesa lill-pellegrini miġbura, bil-messaġġ ikun dwar il-paċi u t-tama.

    “100 sena wara d-dehriet ,” meta l-Madonna talbet lit-tfal ragħajja biex ixandru mad-dinja kollha l-bżonn tat-talb u l-konverżjoni, il-Kardinal Parolin qal, “huwa minnu li, kif osserva l-Papa Franġisku, ‘għal ħafna nies illum, il-paċi tidher bħala barka li teħodha for granted, dritt li ma jingħatalux il-ħsieb u  l-importanza mistħoqqa. Għal ħafna oħrajn, il-paċi hi biss ħolma mbiegħda. Miljuni ta’ nies għadhom qed jgħixu f’kunflitti bla sens. F’dawk il-postijiet li xi darba kienu meqjusa bħala siguri, illum jinħass sens ta’ biża’. Aħna ta’ spiss niġu affaċċjati b’xeni ta’ mewt, xeni  ta’ tfal, nisa u rġiel innoċenti jitolbu l-għajnuna l-konsolazzjoni, xeni ta’ niket minħabba l-mibgħeda u l-vjolenza, u xeni ta’ refuġjati jaħarbu l-gwerra u l-migranti jħabbtu wiċċhom ma’ mwiet traġiċi’.”

    U f’dan it-tħassib kbir u l-inċertezza dwar il-futur,” qal il-Kardinal Parolin, “Fatima xi trid minna? Perseveranza fil-konsagrazzjoni tal-Qalb tal-Immakulata ta’ Marija, muri kuljum permezz tar-rużarju. U x’jiġri jekk minkejja t-talb kollu tagħna, il-gwerer ma jiqfux? Għalkemm forsi ma nkunux nistgħu naraw riżultat mill-ewwel, ejjew inkomplu nemmnu fil-qawwa tat-talb. It-talb qatt mhu inutli. Illum jew għada se jagħti l-frott.”