Fl-ewwel quddiesa tiegħu ta’ Ħadd il-Palm il-Papa Franġisku waħħad b’mod spontanju l-omelija maċ-ċelebrazzjoni tal-ġurnata dinjija dedikata liż-żgħażagħ. Huwa appella liż-żgħażagħ sabiex iħarsu ‘l quddiem għal-laqgħa internazzjonali taż-żgħażagħ miegħu f’Rio De Janeiro fil-Brażil f’Lulju li ġej. Baqa’ jappella liż-żgħażagħ sabiex f’Rio ikunu spiritwalment preparati għax huwa tajjeb li tkun ħaġa waħda ma’ Kristu. Papa Franġisku fakkar dak li qal il-Papa Emeritu Benedittu XVI li ż-żgħażagħ huma prinċpijiet ta’ Kristu Re li huwa msallab.
Huwa kompla jappella għal tama bla tmiem u appella sabiex l-umanità tifrex il-ferħ ta’ Kristu madwar id-dinja kollha anki fi trufijiet. Il-Papa kompla jappella lill-umanità sabiex ma jkunx hawn għatx għall-flus għax ħadd ma jista’ jieħu l-flus miegħu wara din id-dinja.
Il-Papa indirizza lil ħafna żgħażagħ li kienu preżenti fost il-kważi ħamsin elf persuna li nġabru fi Pjazza San Pietru u qalilhom li miexi fuq il-passi taż-żewġ predeċessuri tiegħu – Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Benedittu XVI. Il-Papa għamel referenza għall-ferħ, is-salib u ż-żgħażagħ u saħaq fuq il-ferħ li għandu jinbet fil-laqgħa personali ma’ Kristu u mhux mill-pussess ta’ ħafna affarijiet materjali. Għamel referenza għall-festa, id-dawl u l-ferħ, primarjament għall-ferħ li jġib id-dawl tal-imħabba t’Alla bħall-ferħ li ġab Kristu mad-dħul f’Ġerusalemm fil-ġurnata ta’ Ħadd il-Palm.