Hekk kif il-kriżi finanzjarja globali u l-konsegwenzi tagħha jidhru li ser jibqgħu jiddominaw l-aspetti ekonomiċi, soċjali u politiċi anke fl-2013, il-Konferenza Ewropea tal-Kummissjonijiet tal-Ġustizzja u Paċi tixtieq twassal messaġġ għall-bidla radikali, li hu msejjes fuq l-esperjenza ta’ 31 pajjiż Ewropew . Il-viżjoni tagħna hija ta’ soċjetà li fiha l-attività ekonomika kollha sservi l-ħtiġijiet tal-ġustizzja u l-ġid komuni. Aħna nemmnu li l-Gvernijiet għandhom ir-responsabilità partikulari biex jintroduċu l-leġiżlazzjoni u l-istrutturi meħtieġa sabiex isostnu din il-viżjoni.

Aħna ma nistgħux ninsew li s-settur finanzjarju jeżisti biex jaqdi l-ekonomija reali, li jeħtieġ li tkun għas-servizz tas-soċjetà, li mbagħad teżisti biex tħares u tippromwovi d-dinjità u l-benesseri tal-persuna umana. Meta wieħed jaqleb ta’ taħt fuq dawn il-valuri, il-futur tal-istituzzjonijiet finanzjarji jkun assigurat biss għad-detriment tal-bżonnijiet u l-benesseri tal-individwi, familji u anki l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Hekk kif skandli finanzjarji ġodda jkomplu jinkixfu, qed isir dejjem aktar evidenti li ħallejna s-settur finanzjarju jopera daqs li kieku kien ‘il fuq mir-regoli li jeżistu dwar aspetti oħra tal-ħajja soċjali. Madankollu, meta s-settur falla, is-soċjetà ħallset prezz għoli u dan il-piż ġie mqassam b’mod mill-aktar inġust.

Konsegwenza pożittiva li ħarġet mill-kriżi kienet id-domanda pubblika akbar għat-trasparenza u r-regolazzjoni indipendenti ta’ attività finanzjarja. L-ispejjeż ta’ segretezza u diżonestà f’oqsma bħat-tassazzjoni u r-rappurtar tal-profitti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu enfasizzati għal ħafna snin. Issa hemm għarfien akbar li l-pajjiżi Ewropej huma wkoll qed iħallsu prezz tal-fatt li ma ġewx indirizzati dawn il-prattiċi. . Filwaqt li jagħraf il-kontribut pożittiv lis-soċjetà li taw in-negozju u attività finanzjarja, il-Gvern irid jiżgura li dan il-kontribut ikun gust. Fuq livell globali, il-gvernijiet jeħtieġ li jobbligaw lill-kumpaniji li jippubblikaw il-kontijiet tagħhom fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż.

Il-problema tar-rifuġji fiskali jeħtieġ li tiġi indirizzata b’mod li jagħmel sens jekk irridu niksbu mudell ekonomiku aktar ġust u sostenibbli għall-futur.

Għaldaqstant il-Konferenza Ewropea tal-Kummissjonijiet tal-Ġustizzja u Paċi qed isejjaħ lill-Gvernijiet biex:

• Flimkien jaqblu u jaddottaw Kodiċi ta’ Kondotta Etika Komuni għall-istituzzjonijiet

• finanzjarji li jenfasizza t-trasparenza, il-kontabilità, id-drittijiet tal-bniedem, il-kontribuzzjoni tat-taxxa u tqassim tal-profitti b’mod ġust;

• Jirrevedu l-kondotta regolatorja bl-iskop li jkun stabbilit korp regolatorju internazzjonali, li jkun indipendenti mill-istituzzjonijiet finanzjarji u b’enfasi qawwija fuq kunsiderazzjonijiet etiċi;

• Jidentifikaw oqsma fejn hija meħtieġa aktar regolazzjoni – fil-livell nazzjonali u internazzjonali – biex jiġi żgurat li l-attività ekonomika tkun konformi mal-ħtiġijiet tal-ġustizzja;

• Jintroduċu leġiżlazzjoni li tobbliga lill-kumpaniji biex jiżvelaw b’mod sħiħ u trasparenti l-aspetti kollha ta’ attività ekonomika, biex b’hekk jeliminaw l-evażjoni tat-taxxa u l-indirizzar tal-problema tar-rifuġji fiskali;

• Iwettqu l-obbligi globali tagħna fil-qasam tal-ġustizzja ekonomika billi jinżamm l-impenn tagħna li jkun allokat 0.7% tal-PGD għall-ODA;

• Jintroduċu taxxa fuq l-ispekulazzjoni finanzjarja biex jiffinanzjaw l-iżvilupp internazzjonali u inizjattivi ta’ ġustizzja soċjali, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011 u approvat minn 11-il pajjiż tal-UE f’Jannar 2013, fejn l-iskambju tal-ishma u bonds jistgħu jiġu intaxxati bil-0.1% u kuntratti derivattivi b’ 0.01%

Għal test aktar eżawrjenti u aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Sur Roderick Agius fuq [email protected]