Il-Papa Franġisku ta bidu għall-Ġublew tat-Tama bil-ftuħ tal-Bieb Qaddis tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan nhar lejlet il-Milied.
Il-Papa awgura dan il-Ġublew Ordinarju li jseħħ kull 25 sena. Dan se jintemm fis-6 ta’ Jannar tal-2026 fis-Solennità tal-Epifanija tal-Mulej.
Storikament, l-oriġini tad-drawwa tmur lura għall-Papa Martin V li, għall-Ġublew Straordinarju tal-1423, fetaħ Bieb Imqaddes biex jidħol fil-Bażilika tal-Lateran. F’San Pietru, intuża għall-ewwel darba għall-Ġublew tal-1450.
Hu talab biex matul din is-Sena Qaddisa d-dawl tat-tama jillumina lil kulħadd, bħala messaġġ tal-imħabba t’Alla indirizzat b’mod personali lil kull bniedem fuq wiċċ din l-art. Kompla jgħid, “j’Alla l-Knisja tagħti xhieda fidila ta’ dan il-messaġġ f’kull parti tad-dinja.”
Papa Franġisku ħeġġeġ għat-talb, biex matul din is-sena nippreparaw rwieħna biex il-Ġublew tassew issaħħaħ il-fidi tagħna u hekk nagħrfu li Kristu rebbieħ jinsab fostna u jixtieq jittrasforma lil kull Nisrani f’pellegrin ta’ tama.
Fl-omelija, hu qal, “F’Emmnuel, ‘Alla magħna,’ insibu t-tama tagħna.”
“Jekk Alla jista’ jżurna, anke meta qalbna tidher qisha maxtura umli,” kompla l-Papa fl-omelija tiegħu, “nistgħu tassew ngħidu: It-tama mhix mejta; it-tama hija ħajja u se tkun parti minn ħajjitna għal dejjem!”. Intqal li bil-mod kif infetaħ dan il-bieb Alla qed jgħidilna li hemm it-tama għalina lkoll!
Lokalment fi tmiem din is-sena, se tiġi ċċelebrata quddiesa tal-Familja Mqaddsa fil-ftuħ tal-Ġublew 2025 fl-Arċidjoċesi ta’ Malta nhar il-Ħadd 29 ta’ Diċembru fil-5pm.
Matul din iċ-ċelebrazzjoni, l-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed jibda s-Sena tal-Ġublew tat-Tama fil-Bażilika Minuri ta’ San Pawl fir-Rabat u jmexxi pellegrinaġġ wara l-kurċifiss sal-Katidral tal-Imdina, imbagħad issegwi dan il-pellegrinaġġ il-quddies tal-Familja Mqaddsa.
Bi preparazzjoni għall‑Ġublew, il‑Papa Franġisku kien ippubblika l‑Bolla Spes non confundit, li ġiet tradotta wkoll għall‑Malti. Din hi l‑ewwel darba fl‑istorja li t‑traduzzjoni Maltija ta’ dokument tant importanti tal‑Papa ġiet ippubblikata fuq is‑sit uffiċjali tas‑Santa Sede.
Il‑Papa Franġisku kien esprima x‑xewqa li l‑Ġublew ikun għal kulħadd “mument ta’ laqgħa ħajja u personali mal‑Mulej Ġesù, ‘bieb’ tas‑salvazzjoni; miegħu, li l‑Knisja għandha l‑missjoni li xxandar dejjem, kullimkien u lil kulħadd bħala t‑‘tama tagħna’”. Dan jista’ jsir permezz ta’ pellegrinaġġ mhux biss fiżiku iżda wkoll pellegrinaġġ spiritwali profond, bl‑għajnuna wkoll ta’ opri tal‑ħniena, talb u riflessjoni.
Minn Gabriel Lia
Sors: Newsbook Malta