Ritratt: VATICAN MEDIA

Il-Ħamis il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ Pasqua Together 2025 Initiative, li tirrappreżenta d-diversi għaqdiet u movimenti tal-lajċi minn diversi konfessjonijiet Insara.

Inzerta li fis-Sena Ġubilari 2025 fil-Knisja Kattolika, iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid kemm fil-kalendarju Ġuljan u kemm f’dak Gregorjan ħa taħbat fl-istess ġurnata. Dan ifisser li l-Insara kollha mad-dinja se jiċċelebraw il-Qawmien ta’ Kristu fl-istess jum.

Fl-2025 ukoll, l-Insara se jfakkru l-1,700 anniversarju mill-Ewwel Konċilju Ekumeniku ta’ Nicea, li ċċara n-natura divina tal-Iben ta’ Alla u ta lill-Knisja l-Kredu Nicean.

Fir-rimarki tiegħu, il-Papa ħeġġeġ biex tkompli l-ħidma tal-inizjattiva Pasqua Together, u stedinhom ma jħallux din l-opportunità unika “tiġi għalxejn”.

Il-Papa Franġisku nnota li hu ġie mistoqsi diversi drabi biex ifittex soluzzjoni għall-kwistjoni tad-dati differenti tal-Għid.

“Inħeġġeġ lil dawk li huma impenjati f’dan il-vjaġġ biex jipperseveraw”, huwa qal, “u biex jagħmlu sforz fit-tiftixa għal ftehim flimkien, waqt li jevitaw kull ħaġa li minflok tista’ twassal għal iktar firdiet bejn ħutna”.

Il-Papa mbagħad qal li l-Għid ma jsirx b’xi inizjattiva tagħna u mhu marbut ma’ ebda kalendarju.

“L-Għid seħħ għax Alla ‘hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fihom ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”, huwa qal. “Ejjew ma ninsewx il-primat ta’ Alla, li hu kien li medd l-ewwel pass”.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Insara biex ma ningħalqux fil-pjanijiet, l-ideat, il-kalendarji tagħna, jew “l-Għid tagħna”.

“L-Għid hu ta’ Kristu!”, innota. “Iktar minn hekk, nagħmlu tajjeb li nitolbu l-grazzja li nkunu dejjem iżjed id-dixxipli tiegħu, u nħalluh ikun hu li jurina t-triq li għandna nimxu”.

Bħala għeluq, il-Papa qal li l-Insara għandhom jirriflettu, jippjanaw, u jimxu flimkien, biex nistgħu nagħtu xhieda ta’ Kristu u biex id-dinja temmen.

“Ejjew illum ukoll induru fuq il-Prinċep tal-Paċi u nitolbuh jagħtina l-paċi tiegħu”.

Sors: Newsbook Malta